22.11.20

Kif għandna nkunu

 


1.     Kien hemm pass politiku li nħoss li huwa pożittiv u li seħħ tul dawn l-aħħar ġimgħat.  Infetaħ lura bieb li kien kważi kompletament magħluq.  Dak li minnu jgħaddu bnedmin ta’ ideat differenti biex jiddiskutu bejniethom fil-pubbliku fuq il-mezzi tax-xandir.  Kien nuqqas li ma kienx hemm dan.  Forsi minħabba l-biża’ li l-messaġġ ta’ naħa jew oħra ma setax ikun ikkontrollat bil-preżenza  ta’ politiċi varji bl-ideat tagħhom.  Id-djalogu huwa strument essenzjali għal kull soċjetà, u naturalment, għad-demokrazija.  Għalhekk, meta jdum ma jsir, ħafna mit-tajjeb tal-politika, jintilef.  In-nies ma jippreparawx ruħhom, u flok persuni li kapaċi jagħtu kontribut, minn suġġetti attivi jsiru passivi.

 

Riżultati

 

2.     Huwa tant ċar li dan l-eżerċizzju ilu ma jsir.  Għax kull darba li nzertajt politiċi preżenti u futuri jieħdu sehem fihom, spiċċaw ma jikkomunikawx.  Jinterrompu u jgħajtu ma’ xulxin.  Moħħhom iktar f’dak li ħa jidhru milli f’dak li ser attwalment jgħidu.  Iktar attenzjoni fuq l-immaġini milli fuq l-awtentiċità tal-ideat.  Biss, almenu, il-proċess beda.  U almenu bdejna naraw min ikollu jaħseb x’ser jgħid waqt dibattitu.  Il-politika t-tajba ma ssirx skont l-età; anqas skont l-azzjoni esterna, imma bir-riflessjoni.  Il-preparazzjoni mhix dik tal-ilbies, tal-ingravata preċiża jew tax-xagħar f’postu, jew id-dawl, imma fis-sustanza ta’ dak li wieħed jgħid.  Il-kunsens politiku jmur naħa jew oħra skont l-abbiltà li wieħed iressaq argumenti loġiċi u bażati fuq is-sewwa.

 

Mezzi moderni

 

3.     Il-kampanja elettorali għall-Presidenza Amerikana fetħet lura dibattitu dwar dan.  Fl-isfond akbar tal-influwenza li l-mezzi soċjali tallum jeżerċitaw, speċjalment fuq soċjetà li trid kontinwament taljena rasha f’dak li tara fihom.  Hemm f’dan żewġ livelli ta’ dominanza u dipendenza.  L-ewwel, is-saħħa ta’ organizzazzjonijiet bħal Google, li jipprovdu s-servizz.  It-tieni, il-kontenut tal-messaġġi nfushom fl-effett negattiv tagħhom biex jesprimu b’leġittimità l-mibgħeda u l-falsità.  Dan huwa iktar kumplikat.  Hawn ikta rnies li mhumiex kapaċi jaffrontaw argument quddiem ħaddieħor, imma jużaw dawn il-mezzi mingħajr rażan jew temperanza.  Billi m’intix tara lil min għandek quddiemek, tgħid li trid għax, kif taħdem is-sistema, għandek iktar ċans li jkollok min jaqbel miegħek meta tgħidhom f’din il-linja, ovvjament għax ma jkunx ħaseb biżżejjed.

 

Tista’ tkun parti?

 

4.     Kif ġew l-affarijiet, min huwa fiċ-ċentru u jħaddan ideat ta’ tolleranza u moderazzjoni m’għadux iħossu komdu jieħu sehem.  Ma tistax tidħol f’diskussjoni ma’ xi ħadd, anki jekk wieħed għandu, idealment, iwettaq dan f’sistema ta’ demokrazija.  Illum għandna naċċettaw li għandna dittatura medjatika li hija mwielda mill-ħsieb li għandek tiġi kundannat b’diversi kummenti ta’ negattivi għax għidt ħaġa jew oħra.  L-ispazju liberu tar-realtà ma jeżistix.  Teżisti l-apparenza tiegħu.  Iktar u iktar f’soċjetà post Unjoni Ewropea, fejn l-ispazju għall-Insara qiegħed effettivament jonqos.  Hemm intolleranza effettiva fejn min għandu ideat differenti, flok huwa permess li jidħol, huwa assigurat li jibqa’ mbarrat barra.

 

Lest li tmur kontra l-kurrent?

 

5.     Ħabib u kostitwent, wara wieħed mill-artikli li jidhru f’din il-gazzetta kitibli hekk: “Qatt tmur mal-kurrent.  Ibqa’ sod dejjem u rebbieħ dejjem.”  Lezzjoni u direzzjoni ċara.  Il-valuri tagħna, dawk li nemmnu fihom, ma nistgħux inċeduhom.  Inkella nitilfu minn dak li aħna.  Biss hemm it-tentazzjoni qawwija fost politiċi li telgħin li jekk iridu jirnexxu fil-karriera jridu “jobdu” u “jsegwu” dak li jgħid ħaddieħor.  Dak li ma ħasbux, jew ma għarblux u jsostnu għax suppost li kull persuna hekk qed taħseb.  Mentri r-realtà hija kompletament differenti.  Il-problema tagħna llum hija dik ta’ politika li nqatgħet mill-votanti.  L-aġenda nazzjonali mhix dik li tħares li taffronta dak li jolqot direttament lin-nies fil-ħajja ta’ kull ġurnata.  Hija, minflok, dik li l-politiċi jieħdu pjaċir iwettqu għalihom infusho, jew għall-glorja apparenti, futura tagħhom.

 

Il-prijorità

 

6.     Iktar ma ser ikollna l-ħsieb li l-politiku għandu jkun komdu jew protett, iktar ser ikollna ħidma pubblika li mhix rilevanti.  Iktar ma nippruvaw inqegħdu lilna nfusna ‘l bgħid min-nies, iktar ser ninqatgħu mill-ideat  l-proġetti li jolqtu.  L-aġenda nazzjonali itlob li l-politiku jiġi għall-ħajja ta’ kuljum sabiex jifhem dak li qed ibatu minnu dawk li huma l-iktar ‘l isfel jew qed iħossubhom niżlin.  Bid-dibattitu pubbliku bejn il-politiċi, dan jista’ jkun ibbilanċjat.  Għax hemm tqum in-neċessità li wieħed, fil-vuċi li għandu, jirrappreżenta.  Mhux biss, imma iktar minn hekk, li tħajjar dawk fil-politika li jiktbu.  Il-kitba fiha l-isforz tagħha.  Imma huwa proċess li jgħin biex, l-ewwel, jifforma lil min qiegħed jikteb għax irid iġib l-ideat tiegħu ċar, u t-tieni, għax huwa parti minn proċess ta’ djalogu, persważjoni u konvinzjoni.

 

Ġustizzja soċjali

 

7.     Il-pajjiż qiegħed ibati.  Għandu diversi diffikultajiet li qed jolqtu direttament ir-ruħ u l-eżistenza tiegħu.  Jekk ma nifhmux dan, jekk ma mmissux ma’ kemm hemm nies li teħtiġilhom għajnuna, inkunu qed niżbaljaw.  Inkunu l-politiċi tal-affluwenti, tal-puliti, ta’ dawk li jaħsbu li jafu iktar.  Inkunu proprju l-kontra ta’ dak li huwa verament il-Partit Nazzjonalista.  Proprju għalhekk li ma nibqgħux dawk tal-poplu.

 

 

 

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...