29.11.20

Verità u ġustizzja f’Nurimberga.

 


 

1.     Tul dan ix-xahar fakkarna anniversarju importanti.  Ħamsa u sebgħin sena ilu, fl-20 ta’ Novembtru 1945, ġewwa l-belt ta’ Nurimberga beda proċess legali uniku.  Dawk id-diversi kapurjuni tar-reġim Nażista, li kienu nstabu u ġew arrestati, tressqu quddiem Qorti Kriminali.  Kienet l-ewwel darba fl-istorja tal-bniedem li dawk li daħħlu d-dinja f’kunflitt daqshekk żbaljat, ġew proċessati.  Kien hemm diskussjoni bejn l-Allejati: Franza, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Sovjetika jekk dan għandux isir.  L-argument kuntrarju kien dak li staqsa jekk kienx ikun iktar aħjar li kieku flok dawn il-proċeduri legali kien hemm il-fuċillazzjoni immedjata.  Ir-raġuni rebħet.

 

Kien diffiċli

 

2.     Kien hemm diffikultajiet u kumplikazzjonijiet mill-aspett legali.  Ma kienx hemm liġi internazzjonali kriminali miktuba f’att jew trattat partikolari qabel.  Imma, b’ħidmet ġabra ta’ ġuristi, dan ġie superat.  Determinanti kienet f’dan il-ħidma ta’ Robert H. Jackson, li f’pajjiżu kien serva bħala mħallef u avukat ġenerali.  Kien b’din l-esperjenza u intelliġenza li ġie fformulat l-att tal-akkuża.  L-akkużi kienu diretti kontra dawk li kienu l-mexxejja tar-reġim.  Kienu wkoll, fis-sustanza, marbuta principalment ma’ delitti kontra l-paċi, f’parteċipazzjoni f’delitti kontra l-umanità.  Proċess, li wara tant snin, nibqgħu nirrikonoxxuh bħala att ta’ Ċiviltà.  Dawk li qabdu u qatlu diversi bnedmin sabu liġi tistennihom.  Waħda superjuri.  Waħda li ebda bniedem ma jista’ jibdel jew jiċħad.  Dik f’qalb il-bniedem, li jitwieled biha.

 

Proċess storiku

 

3.     Kien hemm għażla ċara meta ġie deċiż li l-proċess isir fil-belt ta’ Nurimberga.  Kien f’din il-belt li saru diversi laqgħat, mass meetings b’diskorsi jħeġġu ‘l-poplu jsegwi l-ġenn assolut tal-lemin estrem.  Il-politika żbaljata li ġabra ta’ delinkwenti wettqu.  Il-post li sostna t-trijonf kellu jkun dak li jġib il-pajjiż għar-realtà.  Jifhmu dak li sar f’isimhom.  Ikunu jafu l-fatti li l-magna tal-propaganda Nażista kienet kapaċi, sal-aħħar, taħbi.  Isiru jafu kemm atroċitajiet seħħew.  Kemm bnedmin innoċenti tilfu ħajjithom brutalment.  Kemm, fil-verità, kienu mexxija minn ġabra ta’ bnedmin li kienu daħku bihom, għax altru li qalu, u altru li għamlu.

 

Provi ċari

 

4.     L-ismijiet ta’ diversi mexxejja li l-poplu kien ilu tnax-il sena jisma’ bil-bumbardament propagandistiku, kemm kienu tajba, u kemm kienu mimlija bi glorja, f’daqqa waħda missew mar-realtà.  Għalkemm diversi kienu raw li dan il-proċess kien markat biex jumiljahom, ġew wiċċ imb’wiċċ mal-verità.  Dan seħħ għax il-prosekuzzjoni rnexxielha tressaq volum kbir ta’ dokumenti u xhieda.  Ir-reġim mhux biss wettaq atroċitajiet, imma ħa ħsieb li dawn iżomm prova dettaljta tagħhom.  Kull dokument wera min kien responsabbli.  Min ħa d-deċiżjoni, u x’kien il-ħsieb żbaljat tiegħu.  Il-poplu Tedesk sar jaf.  Miegħu, id-dinja ġiet mgħarrfa bil-programm li stabbilew l-imġienen biex jeliminaw ir-razza Lhudija.  Bil-kampijiet tal-konċentrament u dak kollu li kien seħħ fihom.  Tul il-proċess xehdu diversi, u ġew prodotti filmati ta’ dak li sabu s-suldati alleati kif daħlu f’diversi minn dawn il-kampijiet.  Dawn, waħedhom, kienu biżżejjed.  U minn hemm beda proċess iebes ta’ aċċettazzjoni fl-umiljazzjoni li n-Nażiżmu daħħalhom fih.

 

M’għandux jirrepeti ruħu

 

5.     Il-proċess f’Nurimberga kellu, u għad għandu, diversi merti.  Ċertament u prinċipalment dak li wera r-realtà tal-fatti.  Kemm Adolf Hitler kien żbaljat.  Kemm ġieb sofferenza fuq bnedmin oħra.  Kemm kien forza ta’ ħażen fl-banalità li din tipproduċi.  Fuq kollox, li n-Nażiżmu, l-lemin estrem jipproduċi stat immexxi minn kriminali.  Jipproduċi dittatura fejn il-bniedem, kull wieħed, jitlef id-dinjità tiegħu.  Li d-demokrazija tinqered u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem jispiċċaw.  Lezzjoni għal dawk li huma favur is-sewwa, favur il-libertà, il-ġustizzja u l-protezzjoni taċ-ċiviltà tagħna li għandhom jaħarbu kull aġir politiku Nażist.

 

Wara 75 sena

 

6.     Bħala student universitarju ġejt mgħallem dwar dan.  Nifhem iktar illum għala fuq l-ixkafef tal-Librerija tal-Università hemm numru ta’ volumi bil-proċess miġbur.  Uħud kont qbadt u qrajt siltiet twal minnhom.  Nifhem kemm l-istorja għandha tiġi protetta u mxerrda.  Għax f’dan għandna niftakru mill-ġdid dak l-appuntament importanti fl-istorja tal-bniedem.  Għandna dmir nifhmu kemm għandna naħdmu biex, fil-ħajja tagħna u fil-politika, ma nippermettux li nerġgħu niġu fejn ġew oħrajn.

 

Attenzjoni

 

7.     Ma nkunux dawk li, b’xi mod, nappoġġjaw jew nippermettu xi forma ta’ skuża lil dawk li fil-politika jwettqu atti kontra s-sewwa.  Inkunu, anzi, kontinwament attenti biex nagħlqu l-bieb għal kull forma ta’ idea li teħodna lura lejn il-lemin estrem.  Inkunu fost dawk li naqraw il-kotba tal-istorja biex nifhmu fid-dettall dak li seħħ.  Nifhmu d-distruzzjoni li ġiebu.  Inżommu quddiemna l-kwantità kbira ta’ bnedmin li tilfu ħajjithom.  Napprezzaw iktar dak li seħħ f’Nurimberga sabiex titwettaq il-ġustizzja u tinxtered il-verità.

 

 

   

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...