14.1.21

Tbasktu fl-irġulija

 

1.     F’dawn il-jiem inħares lura lejn dak il-lejl li fih ġie maqtul Raymond Caruana.  F’dak il-ġuvnott kwiet u twajjeb, li tilef ħajtu fil-Każin tal-Partit tal-Gudja.  Niftakar fih, minn tulu fl-art b’demmu madwaru, jixhed għas-sewwa.  F’post li sa ftit siegħat qabel kien mimli bil-ħajja, f’daqqa kien qiegħed jibki iben.  Sigħat twal kienu.  Bħal ma kienu fil-ġimgħat ta’ wara.

 

Kliem missieru

 

2.     Wara snin ta’ ħidma politika attiva li fiha, f’mumenti kien qiegħed jidher li qiegħed jiċċara t-temp, reġa’ ġie l-maltemp.  Id-dlam li nġabar f’qalb diversi bħalna kien qawwi.  Sogħba għal Raymond, li konna daħħalna fil-Kumitat taż-Żgħażagħ, u għal pajjiżna.  L-inċertezza nazzjonali kibret.  Il-bnedmin bdew jippreparaw għal iktar kumplikazzjonijiet.  Kien il-kliem mhux mistenni ta’ missieru fil-funeral ta’ ibnu li fetaħ lura raġġ dawl, huwa u jaħfer lil min wettaq dak l-att mill-iktar żbaljat.

 

Inbniet rabta

 

3.     F’dawk il-jiem inbniet rabta umana.  Waħda li twieldet fost id-diversi li servew lill-pajjiż fil-Partit.  Il-ħafna li kienu għaddew minn diffikultajiet.  Li kienu ġew ittantati li jiċħdu s-sewwa.  Li ma ċedewx fil-ħsieb ċar tagħhom li pajjiżna kellu bżonn assolut ta’ bidla fil-Gvern tiegħu.  Li kien hemm bżonn tiġi d-demokrazija.  Kien hemm bnedmin konvinti u dedikati sabiex jibdlu l-paġna ta’ dan il-pajjiż.  Issagrifikaw ħafna.  Id-dħul tagħhom.  Il-pożizzjoni.  U ġew persegwitati sew.

 

Fl-irġulija

 

4.     Welldet iktar, bejn ħafna minna, rabta bażata fuq l-irġulija.  Fejn il-kelma tingħata u tinżamm.  Fejn, ikunu xi jkunu l-mumenti, niltaqgħu biex naħdmu għal għan komuni, f’isem il-ġid komuni.  Dawk li servew kellhom, fl-aħħar tal-jum, is-sodisfazzjon li l-bidla saret.  Kellhom ukoll, f’dan, ix-xorti li bnew rabta mad-deputati tagħhom, li tul din il-mixja twila u mill-iktar diffiċli u perikoluża kienu magħhom.

 

Mumenti ta’ prova

 

5.     Kien hemm min waqa’ għat-tentazzjoni, u kien imur “jikxef” dak li kien jingħad biex jieħu gwadann apparenti mill-Partit Laburista ta’ dak iż-żmien.  Imma l-maġġor parti kienu saru jafu ‘l xulxin u jafdaw fis-sod.  Magħhom kellhom iktar viċin lid-deputati.  Dawk li kienu jisimgħu u jiddiskutu.  Dawk li kienu jidħlu fil-proċess ta’ għarfien ta’ dak li huwa sewwa u li għandu jsir.  Il-poplu kellu vuċi.  Il-votant kellu lil min iressaq is-suġġerimenti u l-ilmenti tiegħu.  Ma kien faċli għal ħadd, imma l-ħaddied issudana fuq l-inkwina.

 

Kelma waħda

 

6.     Kien iktar u iktar iż-żmien meta l-Partit kien jgħid dak li l-maġġoranza fil-poplu kienet qegħda taħseb.  Ma kienx hemm min kien qabad linja differenti.  Għax aħna konna ngħidu dak li l-eletturi jaħsbu.  M’għidniex il-kontra, jew dak li aħna naħsbu li l-pajjiż għandu jaħseb.  Kien hemm umiltà fl-għarfien li d-demokrazija hija l-vuċi tal-poplu.  Dik li trid tiġi mwettqa.  Kif kellha tkun dik ir-rieda li ġiet dikjarata fl-Elezzjoni Ġenerali tal-1981 u ma ġietx rispettata.

 

Lealtà

 

7.     Kibret f’dan iktr il-lealtà fit-toroq diretti tagħha.  Lealtà bejn il-votant, it-tesserat u dawk li kienu attivi fit-triq.  Lealtà bejn dawk li kienu d-deputati mal-poplu.  Lealtà tal-votant lejn id-deputat.  Kienu x’kienu ċ-ċirkostanzi, inbniet il-kapaċità li tagħraf li wieħed għandu jaġixxi fit-tul.  Kull pass irid jiġi meħud fil-mira li kellna, mhux f’dak tal-mument.  Ir-reazzjonijiet li dehru “immedjati” kienu wkoll ikalkulati.       

 

Il-prinċipji1

 

8.     Biss, din il-ħidma nbniet bejn id-diversi li batew għax kellhom, u żammew, il-prinċipju.  Ma ċċaqilqux skont iċ-ċirkostanzi jew il-vantaġġ personali.  Anzi, riedu dejjem iktar li dak li kien qiegħed isir ikun iktar konformi mal-ideat tas-sewwa.  Ma kienx hemm ġabra ta’ dawk li kienu maqtugħa mid-dinja, imma ta’ diversi li għarfu, li ġew konvinti li fis-sewwa, u bis-sewwa, wieħed jasal.  U hekk ġara fl-aħħar, wara snin twal tagħna fid-deżert iebes li ġejna eżiljati fih.

 

Niftakru

 

9.     Dawk il-jiem twal li għaddejna minnhom issudawna, u kienu wkoll ir-raġuni li servewna tul is-snin ta’ wara.  Dan l-ispirtu ta’ għaqda għadu hemm.  Infakkruh kull darba, kull sena li ninġabru fil-5 ta’ Diċembru fil-Parroċċa tal-Gudja, dik dedikata lil Marija Assunta.  Niftakru fit-tbatijiet li għaddejna lkoll.  Niftakruh fil-konvinzjoni li kellna lkoll li bil-vjolenza, bit-tpattija u bin-nuqqas ta’ rġulija ma tasalx.

 

Sagrifiċċju

 

10.   Dak li seħħ kien iebes, imma llum wieħed idur lura u jirrikonoxxi li dak is-sagrifiċċju ġie rispettat.  Il-missjoni tal-Partit Nazzjonalista biex jibdel il-pajjiż seħħet.  Il-poplu beda jgħix ħajja aħjar milli kellu.  Il-gżejjer tagħna reġgħu qabdu lura fit-triq sabiex tikber id-demokrazija, il-ġustizzja soċjali u l-ekonomija.  Dan, ċertament, mertu ta’ dawk il-bnedmin li Tbasktu fl-Irġulija.

 

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...