30.1.21

AMBAXXATA TA’ MALTA FI’ SPANJA - ĦIDMA

 


 

12430. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej: Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret mill-Ambaxxata ta’ Malta ġewwa Madrid Spanja tul is-sena li għaddiet?

 

17/01/2020

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Infurmat li l-ħidma tal-Ambaxxata Maltija f’Madrid hi mifruxa fuq bosta ħidmiet u aspetti minkejja ċ-ċokon tagħha. Fil-fatt, minbarra ambaxxatur, l-Ambaxxata għandha First Secretary u staff żgħir lokali biex jassistu liż-żewġ diplomatiċi Maltin.

Dawn huma l-punti ewlenin tal-ħidma ta’ din l-Ambaxxata:

 

Bilaterali

 

Ir-relazzjoni bilaterali bejn Malta u Spajna hija tajba ħafna u matul is-sena li għaddiet, l-Ambaxxata Maltija ġewwa Madrid kompliet taħdem sabiex din ir-relazzjoni tkompli tissaħħaħ. Fil-bidu tas-sena 2019, kien hemm bidla fl-Ambaxxatur hekk kif Dr Vanni Xuereb wasal ġewwa Madrid sabiex jibda l-ħidma tiegħu bħala Ambaxxatur fit-8 ta’ Jannar 2019. L-Ambaxxatur Xuereb ippreżenta l-ittri tal-kredenzjali lill-Majesta Tiegħu r-Re Felipe VI fil-5 ta’ Frar. Wara l-preżentazzjoni tal-kredenzjali, l-Ambaxxtur kellu laqgħha mar-Re u mal-allura Ministru tal-Affarjiet Barranin, Unjoni Ewropea u Kooperazzjoni, Josep Borrell fejn ġew diskussi bosta materji ta’ interess komuni. Matul il-laqgħa, kemm ir-Re kif ukoll il-Ministru Borrell urew apprezzament għar-rwol ta’ Malta bħala membru tal-Unjoni Ewropea kif ukoll għar-rabtiet b’saħħithom bejn iz-żewġ pajjiżi.

 

Mil-bidu tal-mandat tiegħu, l-ambaxxatur iltaqa’ ma’ bosta ambaxxaturi ta’ pajjiżi Ewropej akkreditati għal Spanja, ma’ dawk l-Ambaxxaturi residenti Madrid li huma akkreditati wkoll għal Malta, li huma New Zealand u r-Repubblika tal-Gambja u ma’ ambaxxaturi oħra fosthom in-Nunzju Appostoliku. L-Ambaxxatur iltaqa’ukoll mar-Rapreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew ġewwa Spanja u grazzi għal dawn il-laqgħat, ġie ffirmat l-manifest ‘DondeEstanEllas’ (“fejn jinsabu huma” - b’refernza għan-nisa). Dan il-manifest huwa inizjattiva tad-Direttur tal-Uffiċju tal-Parlament Ewropew f’Madrid favur id-drittijiet tan-nisa.

 

L-Ambaxxata ingħaqdet mal-ambaxxati tad-disa’ pajjiżi l-oħra li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju tal-2004, biex jitfakkar il-ħmistax-il anniversarju minn mindu dawn l-għaxar pajjiżi saru membri tal-Unjoni Ewropea. L-ambaxxati, flimkien mar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea u mal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew fi Spanja, organizzaw konferenza dwar ‘It-tkabbir tal-UE fl-2004: fatti, esperjenzi u perspettivi’. Matul il-konferenza saru erba’roundtables, bl-Ambaxxatur ta’ Malta ikun wieħed mill-kelliema fis-sessjoni dwar ‘It-tkabbir taż-żona ta’ paċi, sigurtà u demokrazija: storja ta’ suċċess?’

 

Ta’ kuljum, l-Ambaxxatur u l-Konslu jattendu diversi laqgħat u attivitajiet li jiġu organizzati mill-Awtoritajiet Spanjoli, mill-Ambaxxati ġewwa Madrid u minn korpi u entitajiet oħra fuq diversi temi ta’ interess. L-Ambaxxata żżomm lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ministeri oħra nfurmati dwar dawn l-attivitajiet, b’mod partikolari, fuq temi lokali li huma ta’ interess għall-pajjiżna, per eżempju, is-sitwazzjoni ġewwa Katalunja, u temi oħrajn ta’ interess internazzjonali, bħal, per eżempju, is-sitwazzjoni ġewwa l-Venezwela u l-Brexit b’referenza speċifika għal-Ġibiltà. L-Ambaxxata tiżgura wkoll li l-ministeru jinżamm aġġornat fuq dak li jintqal dwar Malta fil-mezzi ta’ komunikazzjoni Spanjoli.

 

Tajjeb ukoll li wieħed isemmi li matul l-2019 ġew imsejjħa żewġ elezzjonijiet ġenerali ġewwa Spajna, waħda fit-28 t’April u oħra fl-10 ta’ Novembru. Għaldaqstant l-Ambaxxata għamlet minn kollox sabiex iżżomm lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin infurmat bl-aħħar żviluppi dwar dawn l-elezzjonijiet u kif ukoll dwar l-elezzjonijiet lokali, reġjonali u ewropej fis-26 ta’ Mejju. Ta’ min jirrimarka li għal maġġor parti tal-2019, Spanja kellha gvern “caretaker”.

 

Fuq bażi regolari, l-Ambaxxata tassisti lill-Ministeru sabiex jgħaddi informazzjoni dwar kandidaturi u setturi oħrajn lill-Awtoritajiet Spanjoli, lill-Ambaxxati akkreditati għal Malta u kif ukoll lill-Unjoni għall-Mediterran li għandha s-segretarjat tagħha ġewwa Barċellona u lill-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu tan-Nazzjonijiet Uniti li għandha s-segretarjat ġewwa Madrid. Barra minn hekk, l-Ambaxxatur ippreżenta l-Instrument ta’ Adeżjoni tal-Protokoll dwar il-Ġestjoni Integrata taż-Żona tal-Kosta fil-Mediterran lid-Direttur tad-Dipartiment tat-Trattati Internazzjonali tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Spanjol.

 

Żjarat

 

Matul l-2019, l-Ambaxxata assistiet diversi delegazzjonijiet Maltin li żaru Spanja:

 

Frar        L-allura Prim Minstru Joseph Muscat u l-allura Ministru Helena Dalli waqt iż-żjara tagħhom ġewwa Madrid

Lulju      L-allura Ministru Helena Dalli waqt żjara f’Madrid sabiex tindirizza l-konferenza għad-drittijiet tal-bniedem dwar reati ta’ mibegħda

Ottubru Delegazzjoni mill-Ministeru għall-Intern waqt żjara ġewwa Madrid sabiex iżuru faċilitajiet korretivi fir-reġjun

Il-Ministru Ian Borg waqt żjara ġewwa Madrid sabiex iżur faċilitajiet tat-trasport fir-reġjun

Novembru Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne waqt żjara ġewwa Barċelona sabiex jindirizza il-‘World Orphan Drug Congress

L-allura Ministru Joe Mizzi żjara ġewwa Barċellona sabiex jattendi laqgħat ma’ uffiċjali tal-Unjoni għall-Mediterran

Diċembru Il-Ministru Carmelo Abela waqt żjara f’Madrid sabiex jattendi l-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-ASEM         

 

Tajjeb ukoll li wieħed isemmi li l-aħħar ġimgħat tal-2019, kienu ġimgħat impenjattivi għall-Ambaxxata hekk kif Spanja offriet li tospita l-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima (COP25) wara li ċ-Ċili kellha tikkanċella l-organizazzjoni ta’ din il-konferenza ftit ġimgħat qabel il-ftuħ uffiċjali. Għaldaqstant, l-Ambaxxata żammet kuntant kontinwu mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru għall-Ambjent sabiex tassisti lid-delegazzjonijiet Maltin. F’dan ir-rigward, l-Ambaxxatur indirriza konferenza organizzata minn Ċipru u l-Unjoni għall-Mediterran, f’isem il-Ministru José Herrera.

 

L-Ambaxxatur żar is-segretarjat tal-Unjoni għall-Mediterran li jinsab f’Barċellona fejn iltaqa’ mad-Deputat Segretarju Ġenerali ta’ din l-organizazzjoni, l-Ambaxxatur Marisa Farrugia. F’Ottubru, l-Ambaxxatur żar għal darba oħra Barċellona sabiex jattendi l-ħames forum reġjonali tal-Unjoni għall-Meditterran f’isem il-Ministru għall-Affarjiet Barranin Malti.

 

Fuq stedina tal-Federazzjoni Spanjola tal-Football, l-Ambaxxatur attenda l-logħba bejn Spanja u Malta ġewwa Cádiz. Din kienet logħba ta’ kwalifikazzjoni għal Euro 2020.

 

 

Kummerċjali

 

Fir-rigward ta’ relazzjonijiet kummerċjali, l-Ambaxxatur kellu kuntatt ma’ diversi kumpaniji Spanjoli interessati li jespandu l-operazzjoni tagħhom ġewwa Malta, l-iktar fis-settur gastronomiku u farmaċewtiku u pparteċipa ukoll f’laqgħat ma’ esponenti tal-korpijiet li jirrapprezentaw lill-imprendituri Spanjoli.

 

 

Kulturali

 

Matul l-2019, l-Ambaxxata ħadmet fuq inizjattiva sabiex torganizza attività kulturali, flimkien mal-pjattaforma taż-żfin ODT (Other Dance Theatre), li ġiet iffurmata riċentament u li se tippreżenta l-ewwel tour internazzjonali tagħha fi Spanja b'wirjiet f'Madrid, Leon u Asturias fi Frar 2020. Il-programm oriġinali ta’żfin kontemporanju intitolat 'Stories in Whispers' se jenfasizza l-kollaborazzjoni bejn iż-żeffiena Maltija Florinda Camilleri u l-koreografa Spanjola Dr Lucía Piquero. Dan il-proġett qiegħed jiġi ppreżentat grazzi għall-Fond għad-Diplomazija Kulturali fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u b’kollaborazzjoni tat-Teatru tal-iskola għall-Arti Performattiva fl-Università ta’ Malta u Culture Venture.

 

 

Konsolari

 

L-Ambaxxata dejjem kienet għad-dispożizzjoni taċ-ċittadini Maltin li jgħixu fi Spanja u dawk li jivvjaġġaw lejn Spanja, u ċittadini Spanjoli li jixtiequ jivvjaġġaw lejn Malta li jeħtieġu xi għajnuna, kemm fuq temi konsolari, kif ukoll temi turistiċi u kummerċjali.

 

Dawn l-aħħar snin, l-Ambaxxata ħadmet bla waqfien sabiex ittejjeb in-netwerk tal-Konsli Onorarji Maltin ġewwa Spanja u dan ma naqasx f’dawn l-aħħar xhur. L-Ambaxxatur Xuereb għamel mezz sabiex jiltaqà mal-Konsli Onorarji, kemm ġewwa Madrid, fl-ibliet fejn iservu kif ukoll ġewwa Malta waqt il-laqgħa li jorganizza l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin għall-Konsli Onorarji Maltin kull sentejn. Ta' min wieħed isemmi li l-Ambaxxata hija f'kuntatt mal-Assoċjazzjoni Amigos de Malta (Ħbieb ta’ Malta). Din hija organizzazzjoni li tħaddan fiha Spanjoli ta’dixxendenza Maltija residenti f’Valencia.

 

L-Ambaxxata kompliet taħdem sabiex jerġà jinfetaħ il-Konsolat Onorarju ġewwa Barċellona. Fil-fatt, l-konsolat onorarju ġie approvat kemm mill-awtoritajiet Maltin, kif ukoll mill-awtoritajiet Spanjoli u beda l-ħidma tiegħu matul l-2019. 

 

Matul ix-xahar ta’Mejju, l-Ambaxxata assistiet lil student Malti li kien qed jgħix Madrid u xtaq jippreżenta ruħu għall-eżamijiet tal-Matsec. L-Ambaxxata provdiet post fejn isiru dawn l-eżamijiet, kif ukoll persunal tal-Ambaxxata bħala inviġilaturi.

 

Grazzi għall-kooperazzjoni mal-Ministeri għall-Affarijiet Barranin ta’ Malta u Spanja, matul l-2019 ġew finalizzati żewġ ftehim sabiex l-Ambaxxati Spanjoli ġewwa l-Ġamajka u Andorra jirrapreżentaw lil Malta għall-ħrug ta’viżi. 

 

Birth registration / Reġistrazzjoni tat-twelid

15

Marriage/ Divorce registration / Reġistrazzjoni taż-Żwieġ / Divorzju

3

Citizenship application / Applikazzjoni taċ-Ċittadinanza

2

Power of attorney / Prokura

0

Legalisation of documents / Legalizzazzjoni ta’ dokumenti

25

Declaration on oath / Dikjarazzjoni bil-ġurament

2

Passport applications / Applikazzjonijiet tal-passaport

35

Emergency Travel Documents / Dokumenti ta' Vjaġġar f'Emerġenza maħruġ kemm lil Maltin kif ukoll lil refuġjati

5

Diplomatic passports / Passaporti diplomatiċi

0

Enquiries received on requirements for visa to Malta / Inkjesti li waslu dwar rekwiżiti għal viża għal Malta.

83 inkwesta bit-miktub u madwar 200 bit-telefon

Facilitation of visa for Maltese through Embassy/Għajnuna lil Maltin dwar viżi

0

 

 

Promozzjoni ta’ Malta

 

Wieħed mis-setturi li l-Ambaxxata tagħti importanza speċjali huwa s-settur tal-promozzjoni ta’ Malta. Għalhekk, l-Ambaxxatur u l-Konslu pparteċipaw f’diversi attivitajiet organizzati minn skejjel ġewwa Madrid fejn indirizzaw studenti sabiex jipromwovu Malta bħala destinazzjoni mhux biss ta’ turiżmu imma wkoll bħala destinazzjoni għall-korsijiet tal-Ingliż. Fix-xahar ta’ Ġunju, gruppi ta’ studenti minn skola sekondarja ġewwa Madrid, żaru l-Ambaxxata sabiex isiru jafu iktar dwar ix-xogħol tal-Ambaxxata kif ukoll dwar Malta. Dan isir ukoll fuq bażi ta’ kuljum meta d-dipartiment konslari jassisti diversi Spanjoli fil-mistoqsijiet tagħhom dwar dan is-suġġett.

 

Is-settur tat-turiżmu ħa spinta ‘l quddiem f’dawn l-aħħar snin hekk kif żdiedu t-titjiriet diretti bejn Malta u diversi bliet Spanjoli operati mill-kumpanji AirMalta, Iberia, Ryanair, Vueling u Volotea. F’dan il-qasam, l-Ambaxxata taħdem id f’id mal-kumpanija New Link. 

 

Kien ta’ unur għal-Ambaxxatur li jirċievi l-premju ‘Diversa Internacional’ f’isem Malta mogħti minn Diversa Global, assoċjazzjoni Spanjola li tippromwovi inizjattivi li joħolqu aktar apprezzament tal-valur taċ-ċelebrazzjoni tad-diversità fil-komunitajiet tagħna. Il-Premju ngħata lil Malta waqt ċerimonja li saret fis-sede muniċipali ta' Madrid, b'rikonoxximent għal kemm pajjiżna huwa fuq quddiem nett fid-dinja fil-promozzjoni tal-ugwaljanza.

 

Oħrajn

 

L-Ambaxxata fetħet paġna ta’Facebook u Twitter bħala mezz sabiex ikollha kuntatt akbar mill-qrib mal-Maltin li jgħixu ġewwa Spanja u sabiex iżżomm lill-pubbliku infurmat fuq ix-xogħol tal-Ambaxxata. Tajjeb ukoll li wieħed isemmi li l-Ambaxxata qiegħda taħdem bla waqfien sabiex jiżdied il-kuntatt mal-komunità Maltija ġewwa Spanja. Għaldaqstant, fit-22 ta Ġunju u fil-5 ta’ Jannar 2020 l-Ambaxxatur laqa’ lill-komunità Maltija ġewwa r-residenza tiegħu għal attività soċjali biex jiċċelebraw flimkien l-Imnarja u għall-iskambju tal-awguri tas-sena l-ġdida rispettivament.

 

Ma setax jonqos li l-Ambaxxata torganizza attività sabiex jiġi mfakkar Jum l-Indipendenza ta’ Malta. Għaldaqstant ġie organizzat riċevimentfejn kienu mistiedna bosta Ambaxxaturi akkreditati għal Spanja, Maltin li jgħixu Spanja, u kif ukoll diversi personalitajiet Spanjoli mis-setturi tal-Industrija, il-Kultura, in-Negozju u l-Kummerċ ta’ importanza għal pajjiżna. Attenda ukoll il-Ministru tax-Xjenza u Teknoloġija ta’ Spanja, Pedro Duque. Ir-riċeviment sar fir-residenza tal-ambaxxatur.

 

Seduta  293

29/01/2020

 

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...