14.1.21

Mhux lejn id-deżert

 


1.     Wasalna lejn l-aħħar tas-sena, u fost l-appuntamenti varji hemm dak marbut mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.  Diċembru 2020 ser jibqa’ wieħed immarkat fl-istorja Ewropea.  Immarkat f’kemm ittieħdu tajjeb, jew le, numru ta’ deċiżjonijiet.  Hemm diversi punti f’dan.  Magħhom jingħaqdu dawk marbuta mal-fondi fil-Budget tas-snin 2021-2027 u mal-isfidi marbuta mal-immigrazzjoni irregolari.  Sar f’dan ħafna xogħol, u l-Kummissjoni mmexxija minn Ursula von der Leyen stabbiliet ċar il-prijoritajiet u l-kompromessi possibbli.

 

Boris Johnson

 

2.     F’dan, ir-responsabbiltajiet politiċi qegħdin jikbru.  Wasal ċar il-mument lejn l-aħħar tas-sena meta r-Renju Unit ser joħroġ mingħajr ftehim.  Dan huwa żball politiku li għada pitgħada, meta l-mexxejja preżenti jkunu spiċċaw, oħrajn ikunu jridu jaraw kif iġibu lura.  Huwa żball għax din il-gżira ma tistax tibdel il-pożizzjoni ġeografika tagħha.  Ser tibqa’ parti miż-żona Ewropea.  Ser tibqa’, tikteb x’tikteb fil-liġijiet tagħha, “marbuta”.  Anzi, b’dak li għaddej qegħda taqta’ lilha nfisha kompletament mill-kapitolu intern Ewropew.  Qed tagħmel lilha nfisha barranija fix-xejn.  Anki jekk diversi Stati Membri bħal tagħna qed jibgħatu l-messaġġi biex dan ikun, kemm jista’ jkun, imċekken.

 

Ħiereġ barra

 

3.     Is-soltu, il-bnedmin jimxu lejn iċ-ċiviltà.  Lejn sistemi politiċi organizzati, fejn hemm iktar ordni soċjali u ekonomiku.  Ma jaqbdux it-triq il-kontra, li jmorru fid-deżert.  U Boris mhuwiex, f’dan, Mosè.  Mit-Tieni Gwerra Dinjija sallum, il-parteċipazzjoni attiva ma’ stati oħrajn qegħda ssir neċessità.  Hija mhux proprju l-aqwa deċiżjoni li flok tmur biex tissoda dak li għandek, tipprova tkisser kollox biex taħseb li tista’ tibni mill-ġdid.  Illum, waqt li nikteb, jidher li hemm min huwa iktar deċiż li joħroġ u jitlaq mingħajr ma jasal fi ftehim.  Għada nkunu iktar ċari.  Biss, il-konsegwenzi ser jikbru.

 

Intransiġenza

 

4.     U anki jekk Johnson qed jiddikjara li jrid ftehim bħal ma l-Awstralja għandha mal-Unjoni, ma jistax jaħrab minn fatt uniku.  Il-ftehim sar kif sar għax hemm id-distanza qawwija bejn iż-żewġ kontinenti.  Il-fatti jibqgħu juru li aħjar li wieħed jasal, milli wieħed jibqa’ jwebbes rasu.  F’dan, għalkemm il-pożizzjoni tidher dejjem iktar għad-dawl, nibqa’ nittama li tul il-ġurnata tallum, id-direzzjoni tinbidel.  Pajjiżna ċertament jaqbillu.  Il-kumplikazzjonijiet li ġejjin huma ikbar milli qed nipprevedu.  Għax jekk hemm linja ta’ intransiġenza fil-Gvern Ingliż preżenti, din ser tibqa’ tul il-leġislatura.

 

Ftehim milħuq

 

5.     Huwa iktar diffiċli taċċetta dak li għaddej meta tara li, fil-kuntrast, tul il-ġimgħa ntlaħaq ftehim mal-Ungerija ta’ Viktor Orban u l-Polonja ta’ Mateuż Morawieki.  Dak li kien jidher diffiċli, seħħ.  Pajjiż bħar-Renju Unit li mhuwiex nieqes minn eżempji passati ta’ suċċessi diplomatiċi qiegħed imur f’dak li ġie identifikat tajjeb bħala “failure of the statecraft”.  Hemm prinċipju ta’ reċiproċità li qiegħed jitkisser.  Wieħed li sostna u bena l-għaqda bejn Membri Stati b’ideat u linji politiċi partikolari tagħhom.

 

Puritaniżmu

 

6.     Hemm, f’dan, linja li tidher li qed teħodna lejn forom varji ta’ puritaniżmu politiku.  Forom oħra ta’ ntransiġenza li, fl-aħħar tal-ġurnata flok nimxu ‘l quddiem, inwaqqfu l-proċess.  Dawk il-pajjiżi identifikati minn oħrajn bħala “frugal” (dawk li jridu iktar attenzjoni u perfezzjoni) fejn insibu miġbura l-Olanda, l-Awstrija, l-Isvezja u d-Danimarka qabdu linja partikolari.  Waħda li jekk ma ssibx temperanza u għarfien ta’ sitwazzjonijiet politiċi differenti, twassal għal inkwiet żejjed.  Il-kwistjoni tas-Saltna tad-Dritt hija leġittima.  Biss, wieħed irid ikun għaqli kif, u sa fejn imexxiha.  Iż-żminijiet jinbidlu u l-bibien tad-djalogu m’għandhomx jingħalqu.  Fortunatament, il-kompromess seħħ u l-Kanċilliera Angela Merkel innegozjat u wasslet ‘il-partijiet.

 

Eżempji

 

7.     L-Unjoni Ewropea mhix perfetta.  Hija għaqda li taħdem fid-demokrazija, u proprju għalhekk li trid tiġi sostnuta l-ħin kollu.  Il-proċess lejn il-bidliet fi ħdan dawn il-membri huwa neċessarju li jibqa’ għaddej.  Anki jekk hemm min irid veloċità qawwija u jiddejjaq mill-kontra, l-importanti li wieħed ma jiqafx.  Iktar u iktar illum, meta l-pożizzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika ser tara bidliet li mhumiex kontra tagħha.  L-amministrazzjoni Joe Biden ser tbiddel.  Il-vot Irlandiż għandu piż mhux traskurabbli.  U proprju għalhekk li l-futur juri li ser ikun hemm iktar diffikultajiet għar-Renju Unit.  Biss, l-Unjoni Ewropea reġgħet ħadet lura n-nifs.

 

Immigrazzjoni irregolari

 

8.     F’dan kollu, l-Ewropa għandha l-isfidi partikolari tagħha.  L-immigrazzjoni irregolari għandha r-responsabbiltajiet tagħha, però jista’ jkun li f’xenarju ekonomiku ta’ wara l-pandemija tiġi żviluppata f’vantaġġ.  Il-futur ħadd ma jafu, però, fis-sena li ġejja ser jinfetħu kapitoli ġodda.  Jekk l-affarijiet jinbidlu verament, allura anki ‘l hekk imsejjaħ ‘New Pact for Migration and Asylum’ irid jiġi rivedut u rfinat.  Hemm punti li rridu naħdmu fuqhom b’iktar attenzjoni biex naslu fejn konna wasalna bil-‘Pact on Migration and Asylum’ tal-2008.  Huwa iktar importanti li l-Unjoni tirreġistra qbil fil-linji li għandna bżonn fis-snin li ġejjin, milli teħel fuq dak li għandha llum quddiemha.

 

Is-sena li ġejja

 

9.     Tul is-sena li ġejja ser naraw iktar bidliet.  Biss, l-għażliet tagħna fi ħdan l-Unjoni Ewropea jibqgħu mmirati u mmarkati fuq it-triq it-tajba.  Hemm, u ser jibqa’ jkun hemm opportunitajiet ġodda għad-dispożizzjoni tagħna.  Il-mument jista’ jidher mudlam.  Biss, ma nistgħux, u m’għandniex nieħdu deċiżjonijiet li jorbtuna u jnaqqsulna mill-flessibilità.  Għalkemm m’għandniex l-istess ritmi u frott, m’għandniex immorru fid-deżert.  Jekk pajjiż ieħor għażel dan, m’għandux jikkondizzjonana.  Dak li kellna fil-passat issa għadda sew.  Irridu, proprju għalhekk, nifhmu iktar il-vantaġġi.  Però, ċertament mhux lejn id-deżert.   

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...