29.11.18

Il-ġid mhux qed jasal għand il-poplu.




1.    Għadna kif lestejna d-dibattitu parlamentari dwar il-Budget.  Proċess li fih rajna l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista jagħmel il-kritika valida tiegħu, f’ħafna mumenti diretta imma pożittiva.  Waħda li tħares fit-tul.  Rajt ukoll li ħafna fil-poplu qed isegwu dak li qed ngħidu direttament minn fuq l-istazzjon tal-Parlament.  Fehmu li hemm il-propaganda tal-Gvern, imma fuq in-naħa l-oħra r-realtà tal-fatti, dak li jisimgħu u dak li jħossu.  It-tnejn huma kontra ta’ xulxin.  Diversi jqumu jgħixu l-ħajja tagħhom, mentri fuq in-naħa l-oħra l-Gvern li jrid jgħidilhom li għandhom, minflok, jgħixu l-ħolma tiegħu.  Laqtet fil-moħħ ta’ diversi dak li l-Kap tal-Partit qal ftit wara: “In-nies qed joħolqu l-ġid u t-tkabbir ekonomiku, iżda l-Gvern m’għamilx budget biex iqassam dan il-ġid u jilħaq lil kulħadd.  Minflok, mis-suċċess li qed joħolqu n-nies, qed igawdu biss ftit persuni.”

Proċess ta’ aljenazzjoni

2.    Huwa minnu li tul dawn l-aħħar jiem il-medja, mhux neċessarjament il-poplu, kienu aljenati bil-kwistjoni tas-“17 Black”.  Kien hemm min intilef f’dan is-suġġett importanti għar-rettitudni morali.  Diversi reġgħu marru lura fil-pożizzjoni li jaħsbu li, b’din biss, il-Gvern ser ikollu jibdel, jitlob lil min iwarrab u jammetti li għamel dak li ma kellux.  Rajna dan diġà jseħħ tul il-ġimgħat ta’ qabel u wara l-aħħar elezzjoni ġenerali.  Il-marka ngħatat.  L-impressjoni f’moħħ il-poplu diġà ġiet issiġillata.  Bħall-istorja tal-lupu, din daħlet f’dik il-kaxxa.  Il-Gvern jafu dan, u għalhekk mhuwiex qiegħed iħokk rasu wisq dwarha.  Għalih din hija biss storja twila oħra li trid tiġi solvuta biss f’xi mument, mhux qasir, b’ġudizzju legali ġewwa l-Qorti.

Vuċi dominanti

3.    Anzi, bis-saħħa li huwa għandu fil-medja, bil-kontroll u għarfien li l-vuċi tiegħu ser tinstema’ iktar, il-Gvern huwa aktar komdu.  Jaf li billi diġà tkellimna bħala Oppożizzjoni f’leġislatura oħra, u ġejna nidhru li għandna tort f’moħħ il-votant, hemm ħafna xettiċiżmu.  Dan ma jfissirx li l-argument m’għandux isir mill-Oppożizzjoni, u li jintalab dibattitu parlamentari.  Imma huwa żball li nqegħdu kollox jiddependi minn dan, kif l-istorja għallmitna qabel.  Il-verità hija li tul il-ġimgħat ta’ qabel l-Oppożizzjoni, immexxija mill-Kap tagħha Dr Adrian Delia, kienet qed tolqot fil-laħam il-ħaj.  Kienet qed twettaq dan permezz tal-kwistjonijiet soċjali li qed jolqtu u jinteressaw lill-poplu.  Il-kwistjonijiet tal-kirjiet dejjem iktar qawwija, tad-diversi bnedmin minn popli oħra li qed jiġu hawn mingħajr viżjoni tal-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali, iż-żieda mhux adegwata fil-pagi, l-għoli qawwi tal-ħajja: huma dawn il-fatti li l-poplu qed iħoss u jitkellem dwarhom.

Konvenjenza politika

4.    Huwa konvenjenti ħafna għalhekk, f’dan il-punt partikolari għall-Gvern, li flok nitkellmu fuq il-kwistjonijiet soċjali jmur għal dawk morali.  Jaf, mill-esperjenzi ta’ pajjiżi oħra u tagħna li fuq tal-ewwel jonqsulek il-voti ferm iktar milli fuq tat-tieni.  Punt li jibqa’ jiċċaqlaq meta l-Partit Nazzjonalista jispjega kif il-fatt li l-pensjonanti, li huma l-iktar persuni vulnerabbli, qed jaffaċċjaw għoli tal-ħajja ta’ 4.4% biż-żidiet fil-prezzijiet tal-ikel u jingħataw żieda fil-pensjoni li mhux biżżejjed biex il-pensjonanti jlaħħqu maż-żidiet kontinwi fil-prezzijiet tal-ikel.  Kif ukoll li l-aħħar statistika turi żieda ta’ 1.6% fl-inflazzjoni, li tfisser li aktar pensjonanti u familji bi dħul baxx qed jaffaċċjaw żieda fl-għoli tal-ħajja, fejn żieda ta’ €2.33 fil-ġimgħa żgur li mhix biżżejjed biex in-nies ilaħħqu mal-ħajja.

Iktar konvenjenza

5.    Bħal ma huwa inkonvenjenti li jintesew il-kwistjoni taż-żidiet li rajna tul is-sena kollha, fosthom dik ta’ 4% fid-diesel, żieda ta’ 3% fil-prezz tal-gass u b’mod speċjali dik fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.  Sewwa nsista, u għadu jinsisti l-Kap tal-Partit: li l-mudell ekonomiku tal-Gvern, li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni u mhux bil-produzzjoni, qed iħalli impatt negattiv fuq bosta setturi, fosthom fuq il-kirjiet, il-propjetà, l-infrastruttura, it-trasport u l-ambjent.  U niżled tajjeb il-wegħda tiegħu li Gvern Nazzjonalista jiggarantixxi li kulħadd ikollu saqaf fuq rasu u għajxien deċenti.  Hawn faqar ġdid.  Hawn diversi li qed jiġu żgumbrati mill-mekkaniżmu tas-‘suq isuq’ tal-prezzijiet dejjem iktar qawwija fil-kirjiet.  Kritika li fuq kollox tolqot direttament il-fatt li dan il-Gvern, li suppost li huwa soċjalista, mhux soċjalista xejn u m’għandux il-kuxjenza soċjali li nippretendu li għandu jkollu.

Il-prijoritajiet

6.    Huma l-liġijiet tal-poplu li kienu, huma u jibqgħu l-prijorità.  Nafu b’dan għax fl-aħħar elezzjoni ġenerali l-partit, minkejja li kien qiegħed jipprepara manifest elettorali tajjeb li ndirizza numru ta’ problemi soċjali li għandna iktar illum, ma wassalhomx barra.  Irridu nifhmu li hemm sferi ta’ influwenza li nistgħu nilħqu.  Meta ma nitkellmux dwar il-punti li jolqtu n-nies inkunu biss qed nitkellmu għal klassi waħda fis-soċjetà.  Għal dawk li ebda Gvern ma jmisshom.  Għal dawk li huma kkunsidrati parti mill-“borgeżija” moderna.  Il-vuċi tagħna tispiċċa li tiġi meħuda fil-kuntest ta’ waħda ndirizzata u identifikata bħala ‘elitista’.

Il-Brexit ġejja morra

7.    Dan kollu fl-isfond ta’ deċiżjoni politika mir-Renju Unit li ser tkun ta’ ħsara għalina.  Il-Gvern qiegħed, għal dawn l-aħħar xhur, ipinġi l-ħin kollu dak li m’għadux jista’ jitwemmen: l-ewwel, ta’ kemm huwa preparat għal kollox.  It-tieni, ta’ kemm ser nieħdu benefiċċji ekonomiċi mit-telfiet t’oħrajn.  Għall-kritika tal-Oppożizzjoni, għas-sejħiet tagħha għal dibattiti jidher li l-biżgħat tagħha ser iseħħu.  Il-Gvern tar-Renju Unit, immexxi sallum minn Teresa May, qiegħed ilaqqat daqqiet kbar.  Niddubita kemm ser jibqa’ fil-poter.  Anzi, id-direzzjoni hija lejn elezzjonijiet ġenerali li ma nafux fejn ser jeħduhom.  Imma nafu ċertament li s-settur ekonomiku ser jiġi milqut.  Meta nafu li huwa kkalkulat li tnax fil-mija (12%) tal-kummerċ barrani tagħna jsir ma’ dak il-poplu, skambju ta’ viċin is-sitt miljun ewro.  Ħadd ma jista’ jgħid li m’aħniex ser nintlaqtu bħala poplu sħiħ.  Ħadd, anqas, meta niġu għall-punt, ma huwa ser ikun jista’ jikkonvinċi li konna, jew aħna, preparati.

Il-Partit qiegħed fit-triq it-tajba

8.    Huwa għalhekk politikament konvenjenti, f’dan il-mument partikolari għall-Gvern tal-ġurnata, li l-ewwel, id-diskussjoni ma tibqax fuq fejn jista’ jitlef il-voti; it-tieni, li naħirbu diskussjoni serja fuq l-effetti negattivi li ser inbatu minħabba l-Brexit; it-tielet, li jipprova jerġa’ jqiegħed lill-Oppożizzjoni fil-pożizzjoni elettorali li kienet qegħda tidher li hija qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali; ir-raba’, li jipprova jipperswadi li xejn ma nbidel, fil-prijorità, fil-metodu u fis-sustanza politika tagħna bil-bidla interna fit-tmexxija li saret.  Issa, però, nafu li d-dibattitu parlamentari urġenti seħħ.  Issa, imma, nafu li f’dan id-dibattitu: l-ewwel, il-Prim Ministru ħarbu u ma ġiex għalih; it-tieni, li anqas ħadd ma pprova jagħti spjegazzjoni loġika, jew jiċħad b’intelliġenza dak li ġie rappurtat.  Nagħrfu sa fejn nistgħu naslu fil-preżent politikament.  Biss, dan mhux ser iżommna milli nkomplu nikkritikaw sija fuq dan l-aspett ir-rettitudni morali politika, imma iktar minn hekk, fuq dak li qed jolqot direttament u negattivament lill-poplu fil-ħajja personali tiegħu.  Dan għax nafu li l-ġid mhux qed jasal għal il-poplu, imma determinati li ħidmitna ssarraf sabiex jitqassam ugwalment.







No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...