1. Min ikun qiegħed jgħix waqt li tkun
għaddejja gwerra jħares u jittama b’qawwa li jiġi żmien il-paċi. Min, wara, jgħix fil-paċi, jibqa’ grat u
jiftakar dak li għadda minnu. Min jitwieled
u jgħix fil-paċi ma jafx b’dan. Anzi,
kif naraw, kif jibda għaddej iż-żmien,
jinsa u jittraskura dik l-esperjenza li għaddew minnha oħrajn. Fl-Ewropa kellna ngħaddu proprju minn
dan. F’din l-art, li hija magħrufa għal diversi
żviluppi mill-isbaħ, rajna traġedji kbar.
Il-gwerra bejn l-istati ġiebet magħha mewt u distruzzjoni li l-umanità
qatt qabel ma kienet rat bħalhom.
Mitt sena ilu
2. Illum għandna nieħdu ħsieb nieqfu u niftakru
f’dawk li għaddew minn dan, f’dik li ġustament insejħu l-“Gwerra l-Kbira”. Mitt sena ilu preċiżi ġiet dikjarata l-paċi
bejn stati li kienu ilhom jikkumbattu lil xulxin fix-xejn. Fil-ħdax ta’ filgħodu tal-11 ta’ Novembru
tal-1918, ġie ffirmat il-waqfien f’nofs foresta f’Compiegne, fil-parti ta’ fuq
ta’ Pariġi, bejn rappreżentant tal-Gvern provviżorju Ġermaniż u l-Ġeneral
Franċiż Ferdinand Foch. Huwa dmirna li
nwettqu dan il-mument ta’ waqfien. Dawk
li tilfu ħajjithom, li għamlu l-ikbar sagrifiċċju, għandna naraw li ma jiġux
injorati, imma mfakkra. L-Ewropa tallum
għandha tibqa’ grata għas-snin li ġejjin għal dawn il-bnedmin.
Sagrifiċċju uman
3. Il-kotba tal-istorja jgħallmu. Dak li wassalna biex nidħlu f’kunflitt bħal
dak huwa suġġett għal dibattitu. Li huwa
ċert hu li d-dinja nbidlet. Il-prezz
kien għoli ħafna. Tul il-gwerra mietu
madwar sitt’elef ruħ kull ġurnata, tul elf u ħames mitt jum. Iktar minn disa’ mitt suldat Franċiż u elf u
tlett mitt Ġermaniż mietu kuljum tul erba’ snin. Intbagħtu jikkumbattu mill-partijiet kollha
madwar erba u sebgħin miljun suldat, li minnhom, tmintax-il miljun nafu li
mietu jew ġew feruti. Kull naħa
tal-kumbattiment mill-iktar imdemmi sofriet il-konsegwenzi fil-ħajjiet ta’ dawk
li sabu ruħhom fit-trunċieri, jum wara jum jikkumbattu bnedmin oħra bħalhom.
Dawk li baqgħu ħajjin
4. Dawk li reġgħu marru lura għall-ħajja
normali tagħhom baqgħu mmarkati għall-bqija tal-eżistenza. Ħafna li kienu ġew feruti ġarrew
is-sofferenza tagħhom għal iktar snin warajhom.
Sofferenza xejn faċli u
mill-iktar diffiċli. Diversi
spiċċaw il-jiem li kien għad fadlilhom fi sptarijiet għall-veterani. Ħafna tilfu jdejhom u riġlejhom. Bnedmin li spiċċaw f’kundizzjonijiet umani
mill-iktar iebsa u ħżiena. L-Ewropa
kellha effetti mill-iktar negattivi wara.
Naqsu dawk li setgħu jaħdmu, l-ekonomija marret lura, l-istat ħallas
iktar f’pensjonijiet u benefiċċji lil dawn il-bnedmin, u r-rata tal-twelid
naqset sew. Dan kien il-prezz li għaddew
minnu ta’ qabilna li m’għandniex ninsew.
Jum il-Pepprina
5. Diversi jilbsu l-pepprina fuq il-pavru ta’
ħwejjiġhom. Din il-pjanta, li nsibuha
deskritta hekk fid-dizzjunarju tagħna: “xtieli jwarrdu aħmar fir-Rebbiegħa
kultant imsejħa aħrax, magħduda
b’velenużi, jikbru fir-raba’ iżda magħrufa wkoll bħala xaħxieħ/tal-loppju/papavru” tfakkarna fl-għelieqi li dawn
is-suldati kellhom quddiemhom. Tfakkarna
wkoll fil-kefrija ta’ dik l-esperjenza umana.
Fuq naħa l-isbuħija tal-kuluri, fuq l-oħra l-għarfien li fiha fiha
nfisha velenuża. Simbolu tal-velenu li
diversi, b’xi mod, kellhom iduqu. Dik
is-sustanza li fil-ħajja tmissek u diffiċli li tneħħiha minn ġewwa fik.
Ċimiterji tagħna
6. Għandna evidenza qawwija quddiemna ta’ din
il-Gwerra l-Kbira. Li ngħaddu forsi minn
quddiemha mingħajr ma nirriflettu dwarha.
F’pajjiżna nsibu numru ta’ ċimiterji b’qobra ta’ ħafna suldati li tilfu
ħajjithom. Dawk li nġiebu f’pajjiżna jew
biex jiġu kkurati, inkella biex jindifnu.
Bnedmin li kienu qed jikkumbattu f’Gallipoli jew fuq il-baħar sabu
ruħhom miġjuba hawn. Kull sena,
iċ-ċimiterji li għandna fil-Kalkara, fil-Pietà, u Ta’ Braxia jaraw
pellegrinaġġi ta’ viżitaturi li jqegħdu kuruni u jitolbu għall-erwieħ
tagħhom. Postijiet fejn insibu diversi
Maltin u Għawdxin, li huwa wkoll tilfu ħajjithom. Għandna marka u rabta ma’ dak li seħħ.
Il-paċi llum
7. Ikun ċertament żball kbir jekk nonqsu milli
nieqfu u niftakru. Żball ikbar li ma
naqrawx minn dak li għaddew minnu ta’ qabilna.
Żball li b’xi mod nirrepetu l-eżempji ħżiena li mexxejja politiċi u
militari ħallew warajhom. Il-gwerra
nkwiet u distruzzjoni biss issarraf. Ma jikber xejn minnha u d-dinja, flok
tavvanza, tmur iktar lura. F’dan il-jum
niftakru li dik l-esperjenza umana kissret diversi bnedmin bħalna. Niftakru li qed ingawdu dawn is-snin ta’ paċi
proprju minħabba s-sagrifiċċji tagħhom u l-esperjenzi qarsa passati. Nassiguraw li ma nkunux parti minn fost dawk
li għadhom, fl-injoranza tagħhom, jimmaġinaw li l-gwerra hija soluzzjoni jew
strument ta’ progress u riforma.
Nassiguraw li nibqgħu dejjem iktar forza ta’ paċi u sewwa, li
tikkumbatti l-veleni umani u soċjali.
Strumenti li jagħtu sehemhom sabiex dak li seħħ ma jibqax jirrepeti
ruħu.
No comments:
Post a Comment