4.7.16

Fir-Renju jew fl-Unjoni.


 
1.       L-eventi ta’ dawn l-aħħar jiem ċaqilqu l-ilmijiet sew.  Ir-referendum uniku għall-ħruġ mill-Unjoni Ewropea tar-Renju Unit ġieb il-konsegwenzi tiegħu, li għalkemm ftit jistgħu jbassruhom bil-preċiż, però ġiebu l-inċertezza fuq quddiem.  X’ser joffri l-futur ma nafux.  Nistgħu nippruvaw nirraġunaw dwar x’ser iġib u dak li x’m’għandux inħallu jsir.  Żgur mhux forsi, il-prijorità tagħna għandha f’dan tkun dik li tassigura li l-Unjoni Ewropea tibqa’ taħdem u tibqa’ tissaħħaħ.  Il-qabżiet kbar li għamilna u għad nistgħu nwettqu f’diversi setturi, proprju għax aħna membri sħaħ, għandhom jikkonvinċuna fuq dan il-bżonn.  Għalhekk irridu ningħaqdu, iktar minn qatt qabel, mal-membri l-oħra biex nassiguraw li nibqgħu mexjin ‘il quddiem, nirfinaw, nissudaw u nkabbru dak li għandna u dak li aħna.

Nifhmu s-sitwazzjoni
2.       Għal ħafna, mhux ser tkun faċli li jifhmu u jaċċettaw Unjoni Ewropea nieqsa mir-Renju Unit.  L-ewwel: li jifhmu li d-deċiżjoni li ħa dan il-poplu li jaqta’ ruħu barra minnha trid tiġi rispettata, mhux injorata.  It-tieni, li fl-effetti tagħha aħna għandna d-dmir li nnaqqsu dawk negattivi f’kemm nistgħu.  Ser ikollna nbiddlu numru ta’ strateġiji u alleanzi fi ħdan l-istess Unjoni.  F’dan, f’ħafna sens ser nerġgħu mmorru lura għal dak li kien pajjiżna qabel ma waslu fih l-Ingliżi.  Ser inevitabilment jonqsu fid-dimensjonijiet tagħhom numru ta’ influwenzi u rabtiet soċjo-ekonomiċi mar-Renju; biss jissudaw iktar mal-Unjoni, bil-konsolazzjoni li pajjiżna ser jibqa’ jkollu vuċi fil-kapitolu fejn il-pajjiż li ddominah għal tant snin irrinunzja għalih.

Ħolm jew le
3.       Fid-dinja Ewropea tal-lum hija ħolma li taħseb li tista’ tkun poplu li tgħix billi ma tirrikonoxxix is-saħħa u l-potenzjal tal-Unjoni.  Hemm realtà li ħadd ma jista’ jaħrab.  Ir-Renju Unit, bid-deċiżjoni tiegħu mar lura għal dak li żewġ sekli ilu kien jiftaħar li kien fih: “In splendid isolation”.  Fl-1850 iċ-ċirkostanzi kienu differenti.  L-Unjoni kienet qegħda fl-aqwa tal-bini tal-Imperu u l-Ewropa ma kenitx żviluppata u magħquda kif inhija llum.  Dik il-politika żmienha spiċċa.  Ir-Renju, anke jekk irid imur iktar għal rasu jaf li ma jistax jgħix mingħajr ma jkollu xi forma ta’ ftehim mal-Unjoni.  Wieħed li, fiċ-ċirkostanzi, ħadd ma jista’ jippretendi li jkun l-istess bħal ma għandu issa.  Għalhekk, diversi qed iħossu li l-ħolma ta’ eżistenza mingħajr involviment f’ħidmet l-Unjoni ma tistax isseħħ.  Qed jissoġra li, fir-realtà jiġi dettat lilu direttament jew indirettament dak li ma jridx jew li ma jaqbillux.

Renju li m’għadux?
4.       Iċ-ċirkostanzi qed ikomplu jinbidlu ta’ taħt fuq.  Fit-18 ta’ Settembru 2014 kien sar referendum ġewwa l-Iskozja sabiex ikun hemm l-indipendenza mill-bqija tar-Renju.  Hemm, l-Unjoni wissiet li vot favur ikun ifisser il-ħruġ minnha.  Ir-riżultat kien li 55% kienu kontra u 44% favur, mentri f’dan ir-referendum l-Iskozja vvutat b’maġġoranza ta’ 62% favur li tibqa’ fl-Unjoni.  Għalhekk, il-biża’ li tinqata’ barra ma hemmx dubju li kienet il-lieva naħa u oħra.  Daqshekk ieħor fuq dan jidher li hemm sens li Nicola Surgeon, il-Prim Ministru tal-Parlament Skoċċiż bdiet ħidmietha f’direzzjoni li żżomm ‘l-Iskozja ġewwa waqt li l-Ingilterra toħroġ barra.  Kemm dan huwa possibbli niddubita: l-ewwel, għax hemm rabtiet storiċi, kulturali li mhux faċli wieħed jaqtagħhom u t-tieni, għax deċiżjoni simili tixħet iktar lura lir-Renju minn dak li m’għadux.

Qabża fid-dlam
5.       Iktar ma naqra, iktar ma nisma’, jidher dejjem iktar ċar kemm ħadd ma verament ikkalkula ġewwa dak il-poplu u fl-Unjoni x’ser ikunu l-effetti veri ta’ din is-separazzjoni.  Il-kummerċ, l-ekonomija, is-settur finanzjarju huma llum mibnija madwar u bil-premessa li huma parti mill-Unjoni.  Ma hemmx alternattiva għaliha.  Jistgħu, għada pitgħada, jippruvaw jaqtgħu kull rapport minnha, imma llum jidher ċar li bdew jirrealizzaw li kull ma jkunu qed jagħmlu huwa li jgħaddu fuq platt tal-fidda xogħol lil Stati oħra fi ħdan l-istess Unjoni.  Meta poplu jirrinunzja għal vantaġġ tiegħu, ma hemmx dubju li dan m’huwiex ser jibqa’ fuq l-ixkaffa imma ser jeħduh oħrajn.  Ma hemmx rispetti f’dan, hemm biss konsegwenzi.  It-tnaqqis fil-pożizzjoni strateġika li kellu ser iġib tnaqqis fid-dħul u miegħu ser jikbru l-problemi soċjali li dan il-poplu diġà qiegħed jiffaċċja.  F’dan hemm ir-riskju li huma bdew deħlin biċċa biċċa f’deżert li ma jwassalhomx neċessarjament lejn Ġerusalemm.

L-effetti fuq l-Unjoni
6.       Għal min ma jafx tajjeb l-Unjoni, dan ir-riżultat seta’ bagħat il-messaġġ li ser ikun il-bidu tat-tmiem tagħha.  Fir-realtà ser, minflok, iġibha iktar lejn konsolidament.  Il-pożizzjonijiet politiċi ġewwa l-Unjoni li kienu jittieħdu mir-Renju Unit issa ser jispiċċaw bla sostenitur.  Dan jiftaħ iktar il-bieb sabiex probabbilment ikomplu jiżdiedu l-membri f’direzzjonijiet oħra.  Għalhekk għandek pajjiżi fertili, bħal dawk fil-Balkani jew iktar ‘il bgħid fi ħdan il-komunità ikbar tal-Kunsill tal-Ewropa, li jersqu viċin.  Mhux biss, imma issa li l-istess Unjoni qegħda turi li għandha l-interess li timxi bil-pass tagħha mingħajr għaġġla fil-konfront tal-ħruġ tal-istess Renju, il-kumplikazzjonijiet ser jiżdiedu.  L-Unjoni ser, f’dan, finalment tassigura li ġġib lir-Renju fil-pożizzjoni li trid hija.  Ma ninsewx li diġà hemm esperjenza Ewropea ma’ żewġ Stati b’saħħithom ekonomikament li m’humiex membri imma li xorta għandhom bżonn qawwi tal-Unjoni: in-Norveġja u l-Iżvizzera.  Dan flimkien mal-fatt li l-pożizzjoni fin-negozjati m’huwiex bejn partijiet fuq l-istess livell imma fejn ir-Renju qiegħed fi żvantaġġ għax issa ġie jiddependi iktar minn qatt qabel fuq il-volontà tal-Unjoni.

Inħarsu fit-tul
7.       It-telliefa ta’ dan kollu, ma hemmx dubju, huma dawk li jgħixu fir-Renju Unit.  Pass pass, jum wara l-ieħor, l-effetti negattivi ser jinħassu għalihom u ħaddieħor m’għandux għaġġla jew raġuni li qabel kellu biex isalvahom.  Jiġi liema Prim Ministru ġdid fir-Renju Unit, għadu ma jafx għal dak li dieħel għalih.  Biss aħna, bħala membri sħaħ fl-Unjoni rridu nassiguraw il-politika tagħna fit-tul.  Il-konsegwenzi ma nistgħux inżommuhom.  Biss, nistgħu minn issa nibnu l-qafas sabiex ġenerazzjonijiet oħra jiġu f’sensihom u jidħlu lura fl-Unjoni.  Hemm f’dan quddiemna, fuq naħa l-fatt li meta tneħħi l-votanti Skoċċiżi u Irlandiżi, l-maġġoranza fl-Ingilterra hija ferm ikbar biex joħorġu.  Hemm fuq l-oħra l-ġenerazzjoni żagħżugħa li, fil-maġġoranza tagħha, trid tibqa’.  Bibien imbexxqa rridu nħallu.

Rabtiet ser jibqgħu
8.       Għal pajjiżna, rabtiet politiċi, soċjali u ekonomiċi ma hemmx dubju li ser jibqgħu.  Biss, l-intensità tagħhom u l-livell tal-koperazzjoni fihom ser jonqsu.  Dak li seta’ jsir b’ċertu faċilità u bil-vantaġġ ta’ suq kbir għad-dispożizzjoni, issa ser jinbidel.  Nafu nservu bħala l-post minn fejn tista’ tinnegozja ġewwa l-Unjoni, però nafu li huwa iktar faċli għax hemm inqas spejjeż taħdem ma’ dawk iktar viċin tagħhom.  Nistgħu wkoll ngħinu biex innaqqsu fl-effetti negattivi bil-pożizzjonijiet tagħna fl-Unjoni għalihom.  Biss, hemm hemm mument meta ser nifhmu li dan ma jistax isir jew li bih ser inbatu aħna wkoll.  Hu x’inhu, ma nistgħux inżommu lura l-arloġġ, anqas il-konsegwenzi tad-deċiżjoni li ġiet meħuda.  Nistgħu biss nagħrfu li aħna mifruda mir-Renju u magħquda fl-Unjoni.
   
           

           

1 comment:

enca said...

Jidher li fir-Renju Unit, min kien favur il-Brexit ma kellux pjan għal din il-possibiltà li milli jidher se ssir realtà. Kuntrarjament għal dak li seta' seħħ fl-Iskozja, l-Iskoċċiżi kellhom pjan ta' kif kienu ser jaħdmu li kieku ma baqgħux fir-Renju Unit sentejn ilu.

Jidher ukoll li f'Londra m'hemmx mexxej b'saħħtu biżżejjed li jista' jmexxi ir-RU 'il barra mill-UE. Mir-Renju kollu, persuna li tidher li hija b'saħħitha hija Nicola Sturgeon li għandha potenzjal ta' mexxej b'saħħtu. L-għajta tal-SNP kienet li jibqgħu fl-UE. Din kienet l-għajta ta' sentejn ilu li biex jibqgħu fl-UE ma setgħux iħallu r-RU. Dan kollu llum inbidel u jista' jkun ukoll li fil-futur tinbidel il-ġografija politika tar-RU. Cameron, Farage, Johnson u naħseb li anke Corbyn iridu jwarrbu.


L-Iskozja donnha li qed terġa' tqajjem il-kwistjoni tal-indipendenza minħabba li nbiddlu ċ-ċirkostanzi. L-Iskozja għarfet il-ħtieġa tal-UE.Iżda jidher li anke fl-Ewropa hemm min huwa kontra li ssir stat indipendenti. Nistgħu nsemmgħu lil Franza, minħabba li jitħajru l-Baski, u Spanja minħhabba li jistgħu jitħajru wkoll il-Katalani.

Ir-riżultat tar-referendum jista' jservi wkoll biex jiftaħ għajnejn l-Ewropa li m'għandhiex tibqa' tidħol daqstant fil-ħajja taċ-ċittadini tagħha.

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...