18.7.16

Kappillani f’Parroċċa.


 
1.      Diversi huma l-parroċċi, l-knejjes, il-każini tal-baned li jiċċelebraw l-anniversarju tagħhom.  Ħaġa tajba li tagħmel il-ġid – spiritwali u kulturali.  Ftit huma dawk li però għamlu dak li l-Parroċċa tal-Fgura għamlet din is-sena.  Diversi drabi jinħoloq kumitat organizzattiv li jfassal programm ta’ ċelebrazzjonijiet.  Mużika, attivitajiet soċjali, lejliet kulturali, quddies kantat u animat issibhom mingħajr eċċezzjoni.  Dan huwa tajjeb.  Iġib il-ġabra u diversi drabi jwelled spirtu ġdid ta’ ħidma, b’persuni li jiddeċiedu li jibdew jagħtu iktar mill-ħin liberu tagħhom lil ħidmet il-Knisja Kattolika.

2.      Nikteb f’din il-linja għax din is-sena jaħbat il-ħamsin anniversarju minn meta l-Fgura saret Parroċċa, u fl-istess ħin il-ħamsa u għoxrin sena minn meta kien hemm il-konsagrazzjoni tal-knisja l-ġdida.  Għax wieħed għandu jgħid li dan ir-raħal kiber biċċa biċċa.  Illum il-ġurnata jgħodd diversi bnedmin li twieldu, u għadhom jgħixu hemm.  Niftakar li xi snin ilu kont sibt numru ta’ domandi parlamentari ta’ nannuwi, jitlob li jkun hemm ilma u dawl pubbliku għal dawk il-ftit raħħala u residenti li kien hemm.  Kien hemm fejn jissemma’ uffiċjalment għall-ewwel darba l-post bħala “Fgura”.

3.      Iktar tard, mill-1945 ‘il quddiem ġiet komunità ta’ patrijiet Karmelitani li mat-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija bdiet taħdem din l-għalqa.  Twaqqfet hawn għalhekk din il-komunità, li sallum fortunatament baqgħet attiva u anzi ma’ kull sena tiġbor u tiġbed iktar nies warajha.  Il-festa tal-Madonna tal-Karmnu qed issir dejjem iktar ċentrali.  Nista’ ngħid dan mix-xhieda diretta tiegħi ta’ kemm il-pożizzjoni nbidlet għal quddiem.  Hemm rabta verament qawwija li turi identità ġdida.

4.      Biss din il-Parroċċa, fl-anniversarju tagħha naħseb li rnexxielha toħroġ b’pubblikazzjoni li fi ftit postijiet oħra rajtha, u dan wieħed irid jgħid li proprju minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari tagħha li setgħet issir.  Pubblikazzjoni mhux sempliċement kommemorattiva jew mimlija b’ritratti tal-kulur u reklami bħalma aħna mdorrija naraw fil-festi lokali.  Waħda li fiha nġabru l-esperjenzi u x-xhieda ta’ seba’ Kappillani li kienu responsabbli tal-Fgura f’dawn il-ħamsin sena.  Minn Patri Timotju Azzopardi sallum Patri Renald Lofreda daħlet esperjenza li kieku kienet tintilef ma’ dawk li wettquha.

5.      Din il-biċċa xogħol naraha li fiha aktar valur, proprju mill-fatt li din il-pubblikazzjoni bl-isem sempliċi u fl-istess ħin dirett ta’ “Il-Fgura 50 Sena Parroċċa 1965-2015” ġiet fdata f’idejn Charles Magro, BA, MOM.  Bniedem umli, attent, li huwa magħruf sewwa fid-dinja tal-Letteratura Maltija u b’mod partikolari mal-qarrejja ta’ din il-gazzetta li Ħadd wara Ħadd jaraw u jaqraw kitbietu.  Il-pinna u l-intelliġenza tiegħu servew sabiex dak li nkiteb ma jgħabbix żejjed il-karta, u fl-istess ħin iħajjar għall-qari.

6.      Fi Frar 2015, meta tqassam għall-ewwel darba dan il-librett, sibtni mingħajr ebda forma ta’ diffikultà naqrah, u dan malajr bħal żiffa ħelwa.  Ngħid dan għax dak li nkiteb fih huwa lezzjoni mill-aqwa għal min irid li wara anniversarju jibqa’ mhux sempliċi rikordju, iżda marka fir-ruż u l-moħħ tal-bniedem.  Is-sur Magro, b’paċenzja u attenzjoni mill-iktar evidenti, ħa ħsieb jibbilanċja l-kontenut bi storja, b’mumenti importanti imma l-iktar bl-intervisti li għamel u kkura lil dawn il-Kappillani.  Kull wieħed stqarr il-passi li rnexxielu jwettaq, dak li xtaq u fl-istess ħin immarka l-imħabba Karmelitana għal din il-komunità.  Fuq dan huwa jgħid: “Il-Kappillani kollha qaluli li ż-żmien li għaddew fit-tmexxija tal-Parroċċa tal-Fgura jħarsu lejn b’nostalġija: bħala esperjenza mill-isbaħ.”

7.      L-iktar interessanti f’din il-pubblikazzjoni hija dak li joħroġ, biex ngħidu hekk, indirettament.  Mix-xhieda mill-isbaħ ta’ dawn il-Kappillani, jidher il-ħin kollu l-iżvilupp soċjali, demografiku u kulturali tal-post.  Il-proġetti li welldu, il-pjani varji tagħhom setgħu jieħdu r-ruħ u s-saħħa proprju għax il-Fgura kienet qegħda l-ħin kollu tikber.  Dawk li ġew jgħixu fiha mill-ibliet u l-irħula viċini bdew b’uliedhom, bil-preżenza ħajja tal-abbatini, tas-soċji tal-Mużew u diversi oħrajn isibu lilhom infushom ħaġa waħda ma’ dan il-post u l-Kappillan tiegħu.

8.      Joħroġ f’din il-kitba mhux biss l-amor proprju ta’ diversi, imma l-fatt li l-kittieb ried li dak li ġabar jibqa’ hemm mhux biss bħala sempliċi rikordju, imma bħala parti mill-istorja soċjali u reliġjuża tal-Fgura.  Ġabar dak li ħaddieħor ma jistax u anqas għadu jiġbor.  Mar lura fis-snin u segwa l-eżempji passati tajbin, bid-differenza li x-xhieda li ngħatat hija ħajja, ġejja mill-protagonisti u mhux mill-kitba ta’ terzi fuq dak li deherilhom li għandhom jiktbu.  Il-qabża fil-kwalità u fil-kontenut hija ċara.  Fil-fatt, fil-bidu huwa jgħid hekk: “Jien ħdimt qrib ma’ dawn il-Kappillani kollha, li għall-Grazzja t’Alla għadhom kollha mimlijin bl-għomor.  Ħassejt li minn dak li kienu se jgħiduli meta mort inżurhom wieħed wieħed stajt noħroġ ir-rakkont tal-bini u l-iżvilupp tal-komunità parrokkjali tal-Fgura, mill-bidu sal-istat li aħna fih illum.”  M’huwiex rakkont “mimli trab” iżda wieħed li jbaqbaq, ħaj.

9.      Kull min jinħatar Kappillan jaf li jidħol għal responsabbiltajiet kbar, ikun fejn ikun fid-dinja.  Però b’mod speċjali f’dawn il-gżejjer.  Hemm diversi, bħal San Ġwann Vianney, li huwa l-patrun li serva biex jistabbilixxi l-livell li wieħed għandu jaħdem għalih.  Il-qaddis li lkoll nafu kemm kien il-kustodju tal-erwieħ tal-merħla tiegħu.  Il-bniedem li fl-umiltà, is-sempliċità tiegħu sar jaf lill-parruċċani tiegħu personalment.  Li ma marx għal xi trattati jew kumplikazzjonijiet, iżda rabat ħidmietu mal-quddies, il-preżenza għal sigħat twal fil-konfessjonarju jistenna s-sriebet ta’ dawk li riedu jqerru.  Waqt li wieħed jaqra din ix-xhieda ta’ dawn il-Kappillani, mingħajr ma wieħed irid jifhem kemm dan il-qaddis servihom ilkoll bħala dak li riedu jimitaw.

10. Fil-fatt is-sur Magro rnexxielu mhux biss jirċievi mingħandhom, iżda wara jittrasmetti jittrasmetti lura lilna messaġġ ta’ fidi, determinazzjoni u perseveranza.  Il-kitba f’din il-pubblikazzjoni hija xhieda qawwija li l-Knisja Kattokika kienet, u għadha, preżenti magħna għax hija impenjata għas-soċjetà. Meta wieħed jaqra l-esperjenzi li semmejna, li fortunatament setgħu jinġabru minn dawk kollha li kienu Kappillani, jifhem li xejn ma huwa faċli.  Li hemm ġlieda għas-sewwa li ma nifhmux, però dan il-librett, mingħajr ma rridu jwassalna biex napprezzawh ferm iktar fid-diffikultajiet tiegħu.  Nifhmu l-impenn u s-sagrifiċċju li min jiġi maħtur f’din il-pożizzjoni jrid iwettaq.  Filwaqt li hemm bżonn li nirrikonoxxu iktar din il-ħidma, irrid nawgura li aktar Kappillani u parroċċi jieħdu dan l-eżempju tajjeb.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...