1. Mhux ser nipprova nipperswadikom fuq kemm
huwa vitali għal pajjiż demokratiku, modern, progressiv u Ewropew li jkollu
Gvern li ma jaħbix u jgħid il-verità.
Ċert li lkoll ser taqblu miegħi fuq dan.
Ċert ukoll li ma tapprovawx minn min irid jaqbad din it-triq
żbaljata. Għalhekk ħassejt li għandi
nikteb dan l-artiklu. Mhux biex ningħata
raġun, għax dan hemm qiegħed, imma sabiex inħajjar lill-Gvern tal-ġurnata
jifhem li għandu jibdel triqatu. Jibdel
dan il-mod, dan l-eżempju żbaljat.
2. Hemm verament differenza bejn li taħbi u
ma tgħidx il-verità. Meta taħbi, almenu
ma tkunx qiegħed tigdeb. Ma tkunx
qiegħed tgħid il-kontra ta’ dak li ġara, però xorta f’soċjetà fejn għandha
tirrenja t-trasparenza u anzi fejn huwa dritt fundamentali ta’ kull ċittadin li
jkun jaf il-verità, is-sitwazzjoni għandha l-istess gravità. Wisq drabi, li issa bdew jakkumulaw sew, qed
jiġu għal widnejna u għajnejna każijiet li l-Gvern ma jrid jgħid xejn dwarhom,
anzi jrid jaħbihom taħt it-tapit. Dan
huwa stramb ħafna.
3. Huwa stramb għax ħafna ma jifhmux x’valur
hemm fi Gvern li tela’ b’ħafna saħħa, b’ħafna kaxxi ta’ wegħdi, li joqgħod lura
milli jgħid il-verità. Gvern immexxi
minn Prim Ministru daqshekk żgħir fl-età, u sa issa fl-esperjenza, għandu
l-bżonn li jmur għal din it-tattika antika?
Meta gvern jibda jaħbi l-fatti, l-istatistika, il-poplu jispiċċa
jinqabad fl-istess nassa. Eżempju ħażin
iġib eżempji ħżiena oħra u jibda huwa stess jiddeċiedi fuq fatti li m’humiex
korretti, b’konsegwenzi żbaljati. U hawn
għandna numru ġmielu ta’ każijiet.
4. Issa jekk hemm uffiċċju li għandu jkun
iċ-ċavetta u l-garanzija tal-fatti huwa dak tal-Uffiċċju Nazzjonali
tal-Istatistika. Garanzija għall-pajjiż
kollu fuq iż-żewġ naħat tal-Kamra. Hekk
kien sa issa, imma dan il-Gvern iddeċieda li ma jġeddidx il-kuntratt
tad-Direttur Ġenerali mingħajr ebda forma ta’ raġuni valida. Direttur Ġenerali li qeda dmiru sewwa, għandu
esperjenza kbira u ma ċċaqlaqx taħt ebda forma ta’ pressjoni politika taħt żewġ
amministrazzjonijiet. Allura għalfejn
dan il-Gvern, tant b’saħħtu, għandu jaġixxi b’dan il-mod żbaljat? Għalija dan huwa indikazzjoni ċara li issa
l-Gvern irid jibda jbagħbas anki bil-figuri tal-istatistika għall-konvenjenza
tiegħu. Mhux biss jaħbi l-fatti, iżda
issa jibda jittanta ruħu jħassar u jibdel il-figuri.
5. Dan huwa iktar evidenti għax tul din
il-ġimgħa, il-Kap tal-Oppożizzjoni ċċita kif kien kellu l-figuri indipendenti u
imparzjali tal-istess uffiċċju fuq kemm hemm persuni li daħlu jaħdmu mal-Gvern
f’dawn ix-xhur, u l-figura telgħet issa għal 4,420. Figura li nċaħdet b’formoli matematiċi
tal-gabrijoli. Għal diversi nies huwa
mill-iktar ovvju li l-Gvern ma jridx ‘il-poplu jkun jaf x’qiegħed jagħmel u
ddeċieda li jieħu l-passi neċessarji biex l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika
jsir issa Uffiċċju tal-Istatistika Mbagħbsa, skont dak li jaqbillu l-Partit
Laburista.
6. Mhux biss dan, imma anke l-kwistjoni
tal-Casino. Għala l-Gvern qeigħed jerġa’
jaħbi l-affarijiet u ma jippubblikax ir-rapport magħruf bħala “Valenzia”. Anki l-kwistjoni tal-Gozo Connect: għala
sibna ruħna naraw fil-Parlament logħba ta’ tqassim tal-ballun min-naħa
għall-oħra, minn ministru għal ieħor, sakemm fl-aħħar sirna nafu parti
mill-affarijiet? L-istess jgħodd għal
dak li seħħ fil-kwistjoni tal-irtirar tal-kawża tal-Australia Hall, inkella dik
marbuta mal-kuntratt tal-Cafѐ Premier.
Domandi fuq domandi li l-Gvern ma jweġibx, jaħrab minnhom u fl-aħħar
ipoteżi jgħid il-kontra.
7. Fl-aħħar ta’ dan tiġi d-domanda: għala
l-Gvern qiegħed iħoss tant il-bżonn li jaħbi?
Quddiem sitwazzjoni politika, ekonomika u soċjali li hija fit-triq
tan-niżla, il-Gvern baqagħlu karta waħda f’idejh: jaħbi, ma jgħidx il-fatti kif
inhuma u allura jibda l-proċess ta’ propaganda politika biex jipperswadi li
kollox huwa tajjeb fuq l-istatistika mbagħbsa tiegħu. Dan huwa żbaljat. Il-poplu għandu dritt għall-verità u dan
il-Gvern għandu jgħidhielu. Fuqha biss
jista’ jibni politika tajba.