1. Pajjiżna fortunatament għandu
f’postha sistema legali li fiha d-demokrazija hija l-ġebla tax-xewka
tas-soċjetà tagħna. Sfortunatament,
però, mhux kull min iservi fl-istituzzjonijiet demokratiċi jifhem li għandu
poter li jrid iservi mhux bħala dittatur iżda bħala serv fidil
tas-soċjetà. Il-poter għandu verament
dawn iż-żewġ uċuħ. Fuq naħa jservi ta’
ġid għan-nies, fuq l-ieħor ikabbar ras dawk li jkollhom il-poter
f’idjehom. Hemm qabża li ż-żminijiet
jitolbu li numru ta’ persuni fil-politika għadhom ma ndunawx biha u jibqgħu
jaqgħu fl-iżbalji passati. Min għandu
l-piż tar-responsabbiltà pubblika jrid jifhem li jista’ jħaddem dan
fil-parametri li tagħtih id-demokrazija.
Irid jifhem li għandu kemm għandu poter f’idejh ma jistax jaħseb li
t-tmexxija demokratika qegħda f’idejh biss.
2. Id-dibattitu li beda nhar
it-Tnejn fil-Parlament dwar il-kuntratt tal-Power
Station, li suppost ġejja ġewwa Dellimara, beda jagħti sinjali ċari ta’ dak
li ilna dawn l-aħħar xhur nosservaw quddiemna.
Il-Gvern jidher ċar li tilef triqtu f’dak li qal u ser iwettaq meta jkun
fil-poter u dak li attwalment qiegħed jirnexxilu jagħmel. Hemm sinjali evidenti li min għandu l-poter
ikkonċentrat f’idejh inqata’ waħda u sew minn żewġ partijiet determinanti fil-ħajja
politika. L-ewwel inqata’ mill-poplu li
vvutalu b’maġġoranza daqshekk qawwija; it-tieni mill-istess komponenti sħaħ
tal-Partit Laburista. Il-fatt li hemm
maġġoranza elettorali daqshekk qawwija, il-fatt li hemm maġġoranza parlamentari
daqshekk sproporzjonata qed iwasslu għal uħud biex jaħsbu li għandhom dritt
divin imexxu u mhux qegħdin hemm għax qegħdhom il-poplu.
3. Id-demokrazija parlamentari
titlob dejjem li jkun hemm mexxejja li jħarsu ‘l quddiem, li għandhom
il-kapaċità li jgħaqqdu u jservu. Ma
titlob però li jkollok persuna waħda jew ftit li jmexxu waħdehom u għal rashom
mingħajr il-kunsens tal-bażi u tal-membri l-oħra. Hawn iktar minn qabel mhux biss it-tendenza,
iżda iktar minn hekk l-eżerċizzju tal-poter demokratiku minn min qiegħed jimmaġina li għandu forma ta’
renju monarkiku. Il-kawża interna ta’
dan qed nagħrfuh, però issa qed naraw aktar fil-beraħ l-effetti tagħha. Id-dibattitu parlamentari wassal għal żewġ
punti. L-ewwel il-Gvern li ma jibżax
jiċħad il-verità u anzi li jgħid il-kontra ta’ dak li huwa. It-tieni li jagħżel b’mod iktar gravi li
jidħol f’kampanja ta’ attakki vili u personali fuq il-membri tal-bank
tal-Oppożizzjoni. Huwa sintomu perikoluż
tal-monarkiji li meta ma jkollhomx raġun u dahrom ikun mal-ħajt jirrikorru għal
dawn il-metodi.
4. Il-poplu matul din il-ġimgħa
għamel numru ta’ domandi li l-Gvern preżenti qiegħed jaħrab milli jwieġeb. Domandi li hemm bżonn li jingħataw risposti
għax id-demokrazija hija bażata fuq il-verità tal-fatti. Hija bażata fuq it-trasparenza ta’ dak li
huwa għaddej u dak li qiegħed iwassal lill-Gvern biex jimxi fi triq jew
oħra. Aħna bnedmin mhux magni u huwa
min-natura tagħna stes li l-affarijiet ma jiġux jew ma jsirux kif wieħed irid. Biss hemm bżonn l-umiltà, l-għarfien u
l-konoxxenza li wieħed jieħu żball u kull ma jrid huwa li jammettih, jistqarru
quddiem u f’isem min qiegħed imexxi l-pajjiż.
Ngħid dan għax il-Gvern, mexxej politiku jikber mhux b’kemm għandu poter
ikkonċentrat f’idejh, iżda bil-mod miftuħ li jersaq lejn il-problemi u wara
jispjega lill-poplu.
5. Il-pajjiż bilfors li jagħti
każ tal-Power Station għax kien
il-Partit Laburista stess li ġibidlu kontinwament l-attenzjoni. Tlaqna b’kemm l-affarijiet ser isiru aħjar
ladarba jkun fil-gvern għax ser jibnu l-Power
Station. Wara qalulna li t-tanker
tal-gass huwa meħtieġ ġewwa l-port ta’ Marsaxlokk għax inkella ma jitlestiex
fil-ħin il-proġett. Wara ġejna infurmati
li l-Electrogas u l-konsorzju Ċiniż, it-tnejn li huma ingħataw x’jifhmu li ser
ikun tagħhom. Wara, li l-Power Station li saret mill-BWSC u li
tħammeġ hija lura u ser jaraw kif jibdluha.
Messaġġi li jikkuntrastaw lil xulxin.
Dak li sar mill-BWSC illum huwa aċċettat mill-istess Gvern li ma jħammiġx,
ma huwiex magna tal-kankru, anzi huwa fattur li għen sabiex jiġu ffrankati
l-ispejjeż li l-Gvern qiegħed jonfoq fil-ġenerazzjoni tad-dawl u huwa r-raġuni
determinanti li ser iwassal għall-għeluq tal-Power Station l-antika tal-Marsa.
6. Il-klima politika preżenti
qegħda twassal sabiex is-sitwazzjoni dwar l-enerġija mhix ċara. Il-messaġġi u d-dikjarazzjonijiet varji li
saru mill-Gvern f’dawn l-aħħar sentejn skorruti ħawdu l-atmosfera sew. Ħawduha għax illum ma nafux, l-ewwel,
il-Gvern x’ser verament iwettaq, f’kelma oħra ser jibniha? It-tieni, ma nafux meta ser iwettaq dan jekk
ser tinbena. It-tielet, ma nafux
x’inhuma jew x’ser ikunu l-vantaġġi għalina f’bini ta’ power station ġdida. Kien
hemm kumplikazzjonijiet u konfużjonijiet li kontroversja politika ġġib qabel
l-aħħar elezzjonijiet. Il-poplu fehem li
dak li sar mill-Partit Nazzjonalista kien ħażin, qed ikun kaġun tat-tnaqqis fis-saħħa
tan-nies, li kien fattur ta’ żieda fil-kontijiet tat-tnaqqis tal-kontijiet
tad-dawl. Illum, sforz il-ħidma li saret
mill-Oppożizzjoni qiegħed jirriżulta kompletament il-kontra. Il-proġett Nazzjonalista kien u għadu tajjeb
tant li ħaddieħor irid jixtrih, mhuwiex jikkaġuna ħsara fis-saħħa tal-bnedmin u
qiegħed jiffrankalna b’miljuni tajba fil-konsum tad-dawl. Il-poplu għandu dritt għall-verità. Il-Partit Nazzjonalista, bħala wieħed li
jemmen fid-demokrazija, huwa determinat li dan iseħħ għax il-gidba hija
anti-demokratika.
1 comment:
Pajjiżna għandu sistema legali. Naturalment kollox jibda bil-Qorti... tal-Maltin għall-Maltin. L-ilsien li jintuża, bi dritt,hu l-Malti. Fl-istess ħin għandna Universita' li niftaħru li hi awtonoma, li tgħallem kollox bl-Ingliż u ma tippermettix il-Malti. Ir-raġuni: mhemmx ponn Professuri li jafu l-Malti sew u ma jħossuhomx komdi jitkellmu, jiktbu u jaqraw bi lsien pajjiżna. Imbagħad l-istess studenti dojoq tal-liġi, jridu u ma jridux,ikollhom 'il quddiem jidhru l-Qorti biex jiddefendu lill-klijenti tagħhom u jitkellmu bil-Malti. Allura din x'sistema legali hi?
Post a Comment