B’referenza
għal dak li ġie rrapurtat f’diversi mezzi tax-xandir fejn jidher li l-GU Clinic
fl-Isptar Mater Dei mhix qed taċċetta appuntamenti għal testijiet ġodda,
il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Gvern biex jispjega x’inhi r-raġuni
għalfejn mhux qed isiru dawn l-appuntamenti u kif seta’ jħalli funzjoni
daqstant sensittiva mingħajr l-amministrazzjoni klinika neċessarja mingħajr ma
jaħseb għal rimedju li jassigura l-kontinwità tas-servizz.
Minn dak li
ġie rappurtat, s’issa jidher li persuni li qed jitolbu li jagħmlu testijiet
marbutin mal-HIV/AIDS u l-Hepatitis fil-GU Clinic ta’ l-Isptar Mater Dei (li hi
l-unikà faċilita li fiha jistgħu jsiru dawn it-tip ta’ testijiet) m’humiex
jingħataw appuntamenti biex isirulhom dawn it-testijiet sensittivi u qed ikunu
mitluba jħallu aktar minn xahar ieħor biex jerġgħu jippruvaw jagħmlu
appuntament. Il-Partit Nazzjonalista jemmen li din is-sitwazzjoni m’hijiex
aċċettabbli f’sistema tas-saħħa żviluppata bħal ta’ pajjiżna u li l-Gvern għandu
jaġixxi biex jindirizza l-problema mingħajr aktar dewmien.
Dan
in-nuqqas ta’ servizz jikkuntrasta
bil-kbir mad-direttivi u l-linji gwida tal-World Health Organisation li tqis
l-iscreening u t-testijiet bħala mezz ewlieni fil-ġlieda kontra t-tixrid ta’
dan it-tip ta’ infezzjonijiet.
Minbarra li
tagħmel dawn it-testijiet, din il-klinika għandha rwol importanti ħafna f’dak
li għandu x’jaqsam mal-counselling ta’ pazjenti u tal-qraba tagħhom,
servizz li jidher li minħabba nuqqas ta’ riżorsi qiegħed jingħata
b’limitazzjonijiet.
Din
is-sitwazzjoni mhux biss qiegħda tnaqqar il-livell tas-servizz mogħti
lill-pazjenti iżda wkoll qed toħloq ħafna pressjoni fuq il-ħaddiema fil-GU
Clinic li jridu jiffaċċjaw it-tħassib u r-rabja tal-pazjenti li ma jistgħux jingħataw
servizz daqstant sensittiv. Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista qiegħed
jappella lill-Gvern biex ma jħallix din is-sitwazzjoni tkompli għaddejja u
jieħu azzjoni immedjata biex dan is-servizz jerġa’ jibda jingħata fuq il-livell
li jixraq f’pajjiż żviluppat.
Claudio Grech
Kelliem għas-Saħħa
22.11.14
No comments:
Post a Comment