Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib kbir tiegħu
għall-fatt li kellha tkun il-media li tiżvela li d-Direttur-Ġenerali
tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatisika, is-Sur Michael Pace Ross, ma
iġġeddidlux il-kuntratt tiegħu fl-aħħar ġimgħat. Fir-rispett tas-serjetà u
tat-trasparenza, wieħed kien jistenna li l-Awtorità tal-Istatistika tippubblika
stqarrija b’dan l-iżvilupp u, tinforma b’mod formali lill-pubbliku u
lill-aġenziji internazzjonali, fosthom il-Eurostat, b’din l-aħbar u tagħti l-informazzjoni
meħtiega dwar min qed jokkupa din il-kariga sakemm tintagħżel il-persuna li ser
tokkupa din il-kariga.
Il-kariga ta’ Direttur Ġenerali hija funzjoni importanti li
hi mistennija li tkun indipendenti mill-Gvern tant li tirrispondi lil Awtorità
Superviżorja u mhux lill-Gvern. Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib
tiegħu dwar iċ-ċirkostanzi riċenti li jistgħu jkunu wasslu ghal din
id-deċiżjoni, deciżjoni li inżammet mistura għal gimghat sħaħ. Il-PN jittama li
l-Gvern mhux jindaħal f’din l-istituzzjoni li jeħtieġ li tibqa’ indipendenti.
L-indipendenza tal-istatistika ppubblikata minn dan
l-Uffiċċju, hi kruċjali biex pajjiżna jibqa’ jżomm ir-rispett
tal-istituzzjonijiet Ewropej u internazzjonali. L-istatistika tal-NSO hija
għodda importanti ħafna għal policymakers għaliex tagħti stampa tal-isfidi u
l-opportunitajiet li għandu pajjiżna, u għalhekk huma kruċjali għat-teħid ta’
deċiżjonijiet li jaffettwaw lill-familji Maltin u Għawdxin.
Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Awtorità biex tassigura
li il-perjodu ta’ tranżizzjoni ikun wieħed qasir għal ġid tal-Uffiċċju u
tal-kredibilità tieghu. Għandu jkun assigurat li l-Uffiċċju tal-Istatistika
jibqa’ jgawdi r-rispett u l-istima mhux biss f’pajjiżna iżda wkoll
tal-Istituzzjonijiet Internazzjonali, fosthom il-Eurostat. Il-PN jistenna
l-għażla tal-persuna mill-Awtorità jsir b’mod independenti mill-Gvern u
b’osservanza għal Code of Practice tal-Eurostat innifsu.Ikun mill-aktar
perikoluż jekk il-Gvern jipprova jinfluwenza l-għażla tad-Direttur Ġenerali u
jipprova jibdel l-NSO f’xi Dipartiment ieħor taħt il-kontroll tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li waħda mir-raġunijiet li
waslet għall-kollass tal-Greċja kienet proprju n-nuqqas ta’ indipendenza
tal-uffiċju tal-istatistika, li kien qed jgħatti d-dejn ta’Gvernijiet
suċċessivi minhabba direzzjoni politika. Dan għandu jservi ta’ tagħlima biex
il-Gvern jieqaf immedjatament jinterferi fil-ħidma tal-Uffiċċju Nazzjonali
tal-Istatistika, u jiżgura l-indipendenza u t-trasparenza assoluta tiegħu.
12.11.2014
No comments:
Post a Comment