L-aħbar li l-Gvern għolla l-kera
tal-appartamenti tal-Gvern allokati għall-akkomodazzjoni soċjali ħasdet
lill-bosta familji li għandhom dħul baxx. F’dawn l-appartamenti, hawn jgħixu
madwar 15,000 familja. L-ironija dwar dan kollu hu li filwaqt li għal kull ħaġa
ta’ xejn, Joseph Muscat isejjaħ lill-ġurnalisti u l-kameras bħalma għamel meta
raħħas il-prezzijiet tal-fuel b’2c, biex iħabbar din iż-żieda li qed taffetwa
lil dawn il-familji fil-laħam il-ħaj, lanqas sempliċiment stqarrija ma ħarġet.
F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem
l-Awtorita’ tad-Djar fil-Furjana, l-Kelliem għall-Familja u s-Solidarjetà
Soċjali Clyde Puli qal li hemm familji li l-kirja tagħhom irduppjat, oħrajn li
triplat, u saħansitra hemm numru ta’ familji li rċevew kont erba’ darbiet aktar
daqs kemm kien qabel.
Clyde Puli żvela kif il-Gvern preċedenti,
fl-2010, minkejja l-kriżi internazzjonali, kien ħa deċiżjoni li jissospendi
d-dritt li kienet tagħtih il-liġi tar-riforma tal-kera li daħlet fis-seħħ
fl-2009, u ma għolliex il-kera tal-akkomodazzjoni soċjali. Dak iż-żmien,
il-Gvern Nazzjonalista kien ħa din id-deċiżjoni għaliex ma riedx li jitfa’ piż
fuq l-aktar familji vulnerabbli fis-soċjetà Maltija. Il-Gvern ta’ Joseph Muscat
iddeċieda differenti.
Minn naħa tagħha, l-kandidata
għall-elezzjoni ġenerali Graziella Schembri spjegat kif ħafna minn dawk
il-persuni li jgħixu f’dawn l-appartamenti huma anzjani u familji li għandhom
dħul baxx, li issa se jkollhom il-piż finanzjarju jiżdied permezz ta’ dawn iż-żidiet
fil-kera. Ma’ dawn wieħed irid iżid it-taxxa ġdida fl-edukazzjoni permezz
taż-żidiet fil-prezzijiet tal-eżamijiet tal-MATSEC, il-prezzijiet għoljin
tal-petrol u d-diesel meta l-prezz internazzjonali taż-żejt huwa f’livelli
baxxi ħafna, kif ukoll l-għotja ta’ 58c għall-għoli tal-ħajja li ħafna qed
jiddeskrivuha bħala ċajta.
Clyde Puli temm jgħid li l-Gvern ta’ Joseph
Muscat mhux ma’ kulħadd jimxi l-istess. Filwaqt li lill-familji vulnerabbli qed
jgħollilhom il-kera tal-akkomodazzjoni soċjali, u filwaqt li lill-familji
tal-istudenti għollilhom il-prezzijiet tal-eżamijiet, lil dawk viċin tiegħu
tagħhom karigi u pagi għoljin.
05.11.14
No comments:
Post a Comment