26.3.26

PARTI MILL-IDENTITÀ TAGĦNA

1. Fid-dinja tagħna għandna bnedmin li jibqgħu determinanti fil-formazzjoni sħiħa tagħha. Dawk li jgħixu jaħdmu bil-ħsieb li ser iħallu l-memorja tagħhom mod fl-istorja, mentri fir-realtà jmorru f’dik differenti. Jgħixu fil-linja li qabdu qabilna f’dak li kienu jsejħu, u għandhom oħrajn warajhom jaħsbu għalih: Cursus honorum. Dik il-linja ta’ inkarigi f’pożizzjonijiet u ħatriet politiċi fl-Istat fejn il-bniedem jara lilu nnifsu tielgħa taraġ. Dejjem iktar ’il fuq u fejn ma jarax lilu nnifsu nieżel lura ’l isfel. Imma anki jekk ikun hekk, jew viċin dan, xorta l-istorja tiddetermina kif jibqa’ magħruf jew f’liema forma ta’ importanza huwa jingħata.

Hekk qalu għalih

2. Fit-3 ta’ Jannar ta’ din is-sena ftakarna wkoll fit-twelid, fis-sena 106 Q.K., ta’ wieħed minn dawn il-bnedmin. Marcus Tullius Cicero: politiku, avukat, skular, filosfu, oratur u bniedem tal-Istat li mexa f’din id-dinja f’karriera li parti sew minnha iddedikaha għas-servizz ta’ Ruma. Bħala bniedem kien ġej minn għeruq umli, mhux mill-klassijiet ta’ fuq. Imma l-iktar bl-intelliġenza, u bil-ħbiberiji u bl-alleanzi li għamel wara, sab ruħu fiċ-ċentru ta’ esperjenzi pubbliċi mill-iktar qawwija. Ma kienx fl-unuri dejjem, anzi għadda minn ħafna fil-kunflitti li daħal fihom ma’ Rumani oħra iktar importanti minnu. Beda kontra Gaius Verres, dak li kien Gvernatur ta’ Sqallija u Malta, u lil Ċiċerun akkużah b’atti ta’ korruzzjoni wara li kien ġabar il-provi sew, inkluż ta’ Maltin li kienu marru jkellmuh biex jirrapportaw kemm dan kien seraq u ħa mit-tempji f’żejt u għasel, fost l-oħrajn.

Mhux ward

3. Il-karriera, dak li sejjaħna ‘Cursus honorum’ tiegħu kienet eżemplari, imma fl-eventi li żviluppaw wara l-qtil ta’ Ġulju Ċesri (100 Q.K. – 44 Q.K.), li seħħet fil-15 ta’ Marzu 44 Q.K., ma baqax dak li kien fl-importanza li kien laħaq. Madanakollu f’ħajtu kiteb ħafna u ħalla daqshekk ieħor kitba warajh. Għandna l-fortuna li dan il-bniedem mhux biss irrifletta u kiteb, imma wkoll li ħa ħsieb jittraduċi mill-Grieg għal-Latin diversi kitbiet klassiċi. L-użu tal-Latin tiegħu kien partikolari u bihom, qaddisin kbar bħal Santu Wistin u San Ġirolmu, ġew influwenzati. Tal-aħħar kien iddikjara li ħolom li huwa ġie akkużat li ma kienx verament Nisrani, imma Ċiċeronjan.

Kif kien qal


4. Kif kien kiteb il-mibki Professur Michael Grant (1914-2004): “The influence of Cicero upon the history of European literature and ideas greatly exceeds that of any other prose writer in any language. In most of the literary, political, religious, ethical, and educational controversies that have gravely agitated western mankind he has been passionately and incessantly quoted – usually by both sides.” (L-influwenza ta’ Ċiċerun fuq l-istorja tal-letteratura Ewropea hija ferm ikbar minn dik ta’ kull kittieb ieħor f’kull lingwa. F’ħafna mill-kontroversji letterarji, politiċi, reliġjużi, etiċi u edukattivi li ċaqilqu sew id-dinja tal-punent huwa ġie, u jiġi ċitat b’saħħa u passjoni diversi drabi miż-żewġ naħat tal-argument.) Bniedem li ta’ qabilna kellhom ix-xorti li studjaw sew u jagħrfu l-għeruq tagħhom fih.

Id-dinja llum

5. Id-dinja llum m’għadhiex dik li kienet qabel u abbandunajna ħafna minn dak li kien jiddistingwina. M’għadniex nisimgħu dwaru, u anqas naraw politiċi jiċċitawh. Wisq inqas nisimgħu lil min irid jew qiegħed jaqrah. Anzi, qisu hawn min jaħseb li biex il-ħajja tkun aħjar għandna nħalluh warajna, minsi fil-memorja tal-istoriċi. Fortunatament, però, għad fadal universitajiet u akkademiċi li għadhom jistudjawh sew. F’Mejju tas-sena l-oħra, fil-fatt ġie stampat ktieb voluminuż ta’ Andrew R. Dyck (1947), Professur Emeritu fl-Università ta’ Cambridge, bit-titlu: Cicero: The Man and His Works. Wieħed li kif l-istoriku Amerikan Michael Kulikowski (1970), fir-riċensjoni riċenti tiegħu fil-London Review of Books ifaħħar sew u jiddistingwih, fl-elf u mitt paġna tal-ktieb, b’dan il-mod: “Andrew Dyck’s giant volume begins there, with Cicero’s birth in 106 BC, and sticks relentlessly to biographical chronology. It is very much a life not a a life and times.” (Il-ktieb voluminuż ta’ Andrew Dyck jibda hemm, mat-twelid ta’ Ċiċerun fis-sena 106 Q.K., u jibqa’ strettament ma’ kronoloġija biografika. Iktar ħajtu milli ħajtu u żminijietu.)

It-tnejn

6. Apprezzament tajjeb proprju għax sija Dyck, li ddedika ħajtu għal kitbet Ċiċerun, kif ukoll Kulikowski, li jaf sewwa s-suġġett, jafu x’inhuma jgħidu. It-tnejn jirrikonoxxu li l-fama u l-influwenza politika ta’ Ċiċerun ma baqgħetx li kienet, l-iktar taħt żmien ir-Repubblika Rumana, minkejja li huwa baqa’ jittama li ser jerġa’ jiksibha lura fiż-żmien imperjali. Minn perjodu fejn kien jidher iktar li l-politika kellha xi prinċipju għal dik li l-konvenjenza tal-mexxejja kienet iktar għolja. Xorta, il-kitbiet straordinarji ta’ Ċiċerun assigurawlu mhux aktar saħħa politika, imma kif jgħid Kulikowski, huma dawk li ggarantewlu immortalità.

Niftakruh

7. Ma nippretendix li f’dan l-artiklu ser ngħaddilkom ħafna minn kitbietu. Imma li huwa sabiħ hu li jibqa’ wieħed mill-kittieba li baqa’ kontra mexxejja dittatorjali. Dawk li bla ġustifikazzjoni neħħew il-libertajiet u d-drittijiet tal-bniedem. Dan għax kien jemmen li hemm awtorità iktar għolja fil-prinċipji morali li jwellduhom, li ebda bniedem ma jista’ jneħħi. Fit-trattat tiegħu dwar l-Istat, wara diffikultajiet politiċi varji jikteb: “True law is reason, right and natural, commanding people to fulfil their obligations and prohibiting and deterring them from doing wrong. Its validity is universal; it is immutable and eternal. Its commands and prohibitions apply effectively to good men and those uninfluenced by them are bad. Any attempt to supersede this law, to repeal any part of it, is sinful, to cancel it entirely is impossible.” (Liġi vera hija bbażata fuq ir-raġuni, loġika u naturali, li tikkmanda l-bnedmin biex iwettqu dmirijiethom, li tipprojbihom u żżommhom milli jwettqu l-ħażen. Il-validità tagħha hija universali; ma tinbidilx u hija eterna. Tikkmanda u tipprojbixxi sija fuq il-bnedmin it-tajba u dawk li mhumiex. Kull attentat li ma jirrispettax din il-liġi, li jneħħi xi parti minnha huwa dnub, li jikkanċellaha kompletament huwa impossibbli.) Kliem li jibqgħu jispiraw u jfakkruna li d-demokrazija hija valur u l-liġijiet tagħna li jwettquha daqshekk ieħor li jiġu protetti.

Wara tant snin

8. Wara tant snin irridu nirrikonoxxu, anzi għandna dmir li nwettqu dan ma’ bniedem kbir. Marcus Tullius Cicero mmarkana u jibqa’ hekk jekk irridu nifhmu dak li aħna u kemm hemm x’wieħed jitgħallem u jirrifletti f’kitbietu. Nirringrazzjaw kittieba u akkademiċi li għadhom iżommu għolja l-memorja tiegħu. Nittamaw li fis-snin li ġejjin naraw li jibqa’ magħna u nġibuh lura b’saħħa fl-iskejjel sekondarji u terzjarji tagħna. L-iktar fl-għarfien li kitbietu huma effettivament parti mill-identità nazzjonali u Ewropea tagħna.

No comments:

RAĦAL ĠDID – TRIQ GĦAJN DWIELI – XOGĦOL

35179. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: B’referenza għat-tweġib...