1. Għall-kuntrarju ta’ dawk li jħobbu jgħixu fid-dinja tagħhom u ma jagħtux każ il-verità. Għall-kuntrarju ta’ dawk li jippreferu jgħixu illużjoni aktar milli r-realtà. Għall-kuntrarju ta’ dawk li jibqgħu ma jħarsux, ma jisimgħux u ma jitkellmux. Nagħżel li mmur fid-direzzjoni opposta, anki jekk inkun waħdi. Nagħżel li nibqa’ saqajja mal-art u anki jekk nara xquq ta’ tama, dawn nerġa’ nqishom billi nistaqsi u nivverifika. Ilni numru ta’ snin u f’leġislaturi biżżejjed biex nifhem li meta taħrab minn dan il-proċess kollu, ħsara lill-elettorat li tirrappreżenta tkun qed tagħmel. Mhux biss, imma tkun qiegħed tmur kontra tiegħek innifsek stess f’dak li dejjem tiftakar li l-bniedem jibqa’ dak li hu. Mhux biss, imma li l-poter jaħkem u jsir velenuż, jibdel lil min iġorru u jsir mhux aktar strument għall-oħrajn imma għan għalih innifsu.
Dak li qiegħed nara
2. Minn dak li hu għaddej, tul dawn l-aħħar xhur dħalna f’fażi demokratika mhux proprju l-aqwa. Minn meta ġie mħabbar u mxandar id-diskors tal-Budget tal-Ministru tal-Finanzi bdejna proċess li jrid jikkonvinċina li kollox huwa tajjeb. Irid iddaħħalna fil-forma mentali li, l-ewwel: ma jistax ikollna Gvern aqwa milli għandna; it-tieni: li ma jistax isir aħjar milli huwa jwettaq; u t-tielet li l-Oppożizzjoni mhijiex ippreparata. Qed isir infiq ta’ flejjes kbar mingħajr ebda skruplu ta’ xejn. Kull ġurnata nsibu li hemm fit-triq messaġġi ġodda biex, anki jekk weqfin fit-traffiku, naraw u nemmnu. Kull messaġġ huwa ġenerali imma dirett biex jgħidilna li huwa l-aqwa u l-aħjar. Ma’ dan iktar, kull ġurnata fil-mezzi tax-xandir nazzjonali u fuq dawk soċjali hemm biss id-dominanza, kważi assoluta tal-Gvern, jew ta’ dawk imqabbdin minnu, biex “jinfurmawna” kemm kollox huwa tant tajjeb li ma hemmx il-bżonn li tibdel.
Aħjar le
3. F’dan iktar il-ħsieb ossessjonanti u minn taħt li m’hemmx bżonn tibdel għax kollox huwa sewwa u li għalhekk, jekk tibdel, tkun qiegħed tissogra fix-xejn. Huwa ċar ħafna li dan irid jingħad lilna: aħjar kif int milli kif tista’ tkun. Bħalissa fil-Parlament ħerġin it-tweġibiet fuq kemm intefqu flus, u qed jintefqu ħafna, sabiex dan kollu jiġi msammar f’moħħna. Tant il-propaganda hija effettiva, u tant il-partit tal-Oppożizzjoni, u tant il-gazzetti tar-Raba’ Pilastru tad-demokrazija m’għandhomx mezzi jew aċċess veru, li dan qiegħed manifestament jitwemmen. L-istħarriġ tal-Maltatody tal-Ħadd 15 ta’ Marzu għandu jiftaħ l-għajnejn għax jipprova proprju dan. Jipprova, kjarament, li avolja hemm 45.6% li ddikjaraw li ser jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista, hemm biss 32.4% li jiddikjarawh ippreparat biex jiggverna, u terġa’, li 8% biss li għandu ċans li jirbaħ elezzjoni ġenerali. Din mhijiex riżultat ta’ opinjoni oġġettiva u infurmata, imma waħda meħuda wara xhur ta’ bumbardamenti medjatiċi. Nistgħu ninjorawha, imma dik hi. Ejja nifhmu dak li ġej għalina.
Għalija
4. Dan għalija huwa diġà ta’ ċerta gravità u li jġib fis-sogru d-demokrazija. U nibqa’ ma naqbilx ma’ min irid jelimina l-istazzjonijiet politiċi. Bihom hemm forma ta’ bilanċ li mingħajrhom ma jkun hemm xejn, salv vuċi totali u assoluta tal-partit fil-Gvern. M’hemmx garanziji għad-demokrazija f’xi kumitat jew xi għażla ta’ bnedmin suppost “indipendenti” fix-xandir, salv realtà waħda: li wieħed irid jissoda biss il-vuċi kuntrarja. Imma ’l bgħid minn dan hemm dak li qiegħed jiżviluppa fuq dak istituzzjonali. Għandek passi li sejrin biex jikkonsolidaw il-poter kontra l-bilanċ demokratiku li għandna, bi dritt, li nitolbu li jkollna. L-ewwel: flok qed inżidu fit-trasparenza, l-onestà u l-kontabilità qed nipproċedu sabiex il-Ministri ma jiddikjarawx l-assi tagħhom, kif bil-liġi huma obbligati li jagħmlu. Dan huwa żbaljat minnu nnifsu, perikoluż, u li jiftaħ il-bieb għal iktar tentazzjonijiet għax il-kontrolli jonqsu. Tberik indirett b’ommissjoni ta’ atti ta’ korruzzjoni futuri.
It-Tieni u t-Tielet
5. Fit-tieni: is-sitwazzjoni tal-għażla ta’ Prim Imħallef hija daqshekk iktar inutilment ikkumplikata u fiha l-perikolożità tagħha. Flok hemm ftehim loġiku, sempliċi u dirett bejn żewġ bnedmin, issa ser inżidu fl-istrutturi, fil-kumplikazzjonijiet ulterjuri sabiex kif inhuwa ovvju, finalment tgħaddi tal-Prim Ministru. Flok nosservaw il-Kostituzzjoni u l-emendi li saru mill-istess Gvern, qed inżommuhom lura, infixkluhom. Dan fih tiegħu iktar fil-konsegwenzi quddiem il-fatt li bħalissa diġà dħalna fis-sitwazzjoni fejn dak li huwa temporanju ġej, biċċa biċċa, permanenti. Wieħed li jfakkarna li qegħdin f’sitwazzjoni fejn qed inżommu lura l-proċess demokratiku normali li nagħżlu u wara, min jiġi, persuna ġdida li diversi qed jistennew li forsi jkun jista’ jibda l-passi tiegħu. It-tielet: fl-ostakli kontinwi sabiex l-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra ma jiġux emendati. Il-Parlament irid iwieġeb għar-realtà demokratika tal-lum u jekk dan il-proċess ma jsirx ser nibqgħu weqfin f’xenarju li huwa komdu ħafna għall-Gvern. F’dan hemm iktar x’jinkwetani, imma dawk il-pożizzjonijiet għandhom ifehmuna iktar dak li ġej għalina.
Fejn sejrin
6. Il-magna tal-Gvern tidher li hija fl-aqwa tagħha u l-pajjiż huwa bħalissa konvint fil-maġġoranza ta’ dawk li fl-aħħarnett jiċċaqalqu sabiex imorru jivvutaw. Mhux faċli biex tibdel dan li huwa llum iffurmat, u ċerti mumenti nara wkoll min fl-Oppożizzjoni huwa stess ma tantx jgħin. Dak li sejrin għalih jidher li għal diversi huwa diġà stabbilit. Il-konklużjoni hija lesta u anki jekk għadhom m’għaddewx il-ħames snin, hemm ħafna li qed jimbuttaw għal elezzjoni ġenerali qabel. Wieħed jifhem, għax hemm ħafna problemi ġejjin li huma marbuta ma’ diversi sitwazzjonijiet fejn iż-żieda tal-prezz taż-żejt u tal-gass u l-ftehim li jrid jiġi mġedded ser jippreżenta sfidi qawwija. Kif ukoll aħjar issa li jemmen li ċertament ser jirbaħ, milli jissogra. Hu x’inhu, mill-Oppożizzjoni, anki jekk l-ispazju huwa ristrett, xorta wieħed irid jibqa’ jikteb u jsemma’ l-vuċi tiegħu sewwa, anki jekk mhux utilizzat sewwa. It-triq f’dan tibqa’, u hija twila. Kampanja elettorali hija, kif nafu, leġislatura fiha nfisha. Nittama biss f’dawk li jridu jisimgħu, li wieħed jifhem dak li ġej għalina u kif għandu jirreaġixxi għalih biex effettivament jibdlu.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
RAĦAL ĠDID – TRIQ GĦAJN DWIELI – XOGĦOL
35179. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: B’referenza għat-tweġib...
-
10922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin...
-
9944. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid ke...
-
27921. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputa...
No comments:
Post a Comment