16.3.26

MA KIENX JAQBEL

1. F’dawn il-ġranet fejn id-dinja tinsab f’mument mill-iktar diffiċli u kkumplikat, m’għandniex ninsew persuna li ħadmet għal dinja aħjar milli għandna. Kif qed nifhmu, għad hawn min jaħseb li l-problemi ssolvihom bl-armamenti militari. Għad hawn għax erġajna morna lura fi żminijiet meta l-Ewropa u d-dinja kienu mifnija għal sekli twal b’kunflitti. Kull gwerra ġġib magħha mewt u distruzzjoni. Telfiet li ma tistax iġġibhom lura. F’dan konna, bħala Ewropej, bit-tama li mill-aħħar gwerra dinjija kulħadd kien ħa lezzjoni u fehem li l-abbiltà tal-mexxejja hija fid-diplomazija. Il-gwerra għandna, jekk xejn nagħrfu li l-livell tal-periklu tagħha kiber sija bl-użu tal-intelliġenza artifiċjali u magħha dik nukleari.

Fl-eventi

2. F’dawn iċ-ċirkostanzi, b’dak li qiegħed u kien jokkupa għajnejn id-dinja u l-mezzi tal-aħbarijiet tagħna, ħallejna barra persuna partikolari. Fis-17 ta’ Frar ġie nieqes Jessie Jackson (1941-2026), politiku Amerikan li tul dawn is-snin kellu sehem determinanti fil-pajjiż. Għal dawk bħali li smajnih u segwejnih f’ħidma mill-iktar determinata u perseveranti, nammetti li ħassejtu. Kien dak li f’ħafna kompla dak li Martin Luther King (1929-1968) kien irnexxilu jwettaq. F’dan kien dak il-ġuvnott preżenti proprju fl-omiċidju ta’ King nhar l-4 ta’ April f’Memphis. Ra lill-eroj tiegħu u ta’ diversi jmut inġustament quddiemu. Ġabar fuqu d-demm ta’ King f’kull sens. Dak kollu li kien ħadem għalih fil-bidliet li kienu qed isiru f’Amerika kuntrarja għall-ugwaljanza u ġie biċċa biċċa fil-pożizzjoni li jmexxi u jispira dak li ħalla warajh dak il-bniedem kbir u kariżmatiku. Kien, għal snin twal, il-vuċi ta’ dawk li kienu minn taħt. Vuċi favur il-ġustizzja soċjali f’soċjetà fejn din ma kenitx għolja fil-prijorità tagħha.

Mexxej denju

3. Serva lill-poplu li ħabb b’dinjità u attenzjoni. Mhux biss, imma Jackson witta t-triq lil diversi oħrajn biex jieħdu sehem u karigi fl-istat demokratiku. Fl-ewwel kien il-bniedem li żamm il-bandiera tal-ħidma sabiex id-diskriminazzjoni u l-preġudizzju kontra bnedmin ibbażat fuq il-kulur tal-ġilda tagħhom tiġi kuntrastata. Kien dak li xerred iktar il-preżenza u l-ħidma attiva ta’ dan il-moviment fl-irkejjen kollha tal-pajjiż. Fit-tieni mexa ’l quddiem sabiex, kontra kull kurrent li sab quddiemu, iħabbat il-bibien tal-Partit Demokratiku sabiex dan jinbidel. L-istrutturi nterni ċċaqilqu, u magħhom iċċaqilqet dik ta’ diversi delegati fi proċess uniku. Kien dak li minkejja d-diffikultajiet li mess magħhom, f’xenarju avvers ressaq il-kandidatura tiegħu għall-Presidenza Amerikana darbtejn, fl-1984 u fl-1988. Hemm, kull darba ġieb ’il quddiem is-sejħa u t-tama ta’ diversi li kien wasal il-mument li jkun hemm President differenti.

Diskorsi

4. F’ħafna kien kariżmatiku. Kapaċi jiġbed in-nies warajh. Kapaċi li jmexxi movimenti varji bħal dak PUSH (People United to Save Humanity), li wara sar People United to Serve Humanity). Kien preżenti f’xenarji mondjali u ltaqa’ ma’ ħafna. Ġie deskritt tajjeb ħafna f’reċensjoni f’The Economist fejn inkiteb hekk: “It needed a leader – someone with intelligence and courage, will, discipline, divine inspiration – to make King’s long arc of moral justice bend just that bit faster.” (Kellha bżonn dak il-mexxej – dak il-bniedem intelliġenti u kuraġġuż, b’rieda, dixxiplina, ispirazzjoni divina – biex jagħmel li l-qaws tal-ġustizzja morali ta’ King jitgħawweġ dak id-daqsxejn aktar malajr.) Kien dak li fil-missjoni soċjali u reliġjuża tiegħu għamel il-pass importanti li jikkandida ruħu għall-presidenza tal-pajjiż. Kif ingħad fil-gazzetta Taljana Avvenire: “Ha cambiato la nazione. Ha servito in modi che non gli sono mai riconosciuti.” (Biddel il-pajjiż. Serva b’modi li għalihom ma ġie rikonoxxut qatt.)

Kien jaf

5. Kien konxju tal-fatt li kien qiegħed jifrex f’territorju kompletament ġdid. Mhux biss, imma f’ħafna, ostili għalih. Fid-darbtejn li għażel li jimxi f’dik it-triq, fl-1984 u fl-1988 kellu diversi fis-simpatija, imma diversi oħra li kienu kuntrarji. Ried jisfronda barrieri antiki, antikwati, diskriminatorji, sabiex jikseb il-kandidatura tal-Partit Demokratiku għall-Presidenza tal-Istati Uniti. Dak li huma ma rnexxilux, għalkemm kien verament ħaqqu. Imma f’dan kollu witta t-triq għal dak li kellu jiġi aktar tard: Barack Obama. L-iktar għax kien eżemplari f’ħidmietu u fl-impostazzjoni li permezz tagħha mexa. Id-diskorsi tiegħu baqgħu f’dan imfakkra u dawk li ġew warajh għamlu użu minnhom direttament jew indirettament. Jekk ridt il-kunsens demokratiku, ridt ukoll il-barka ta’ dik il-parti tal-partit u l-pajjiż li kienu jsegwuh.

Diskors

6. F’diskors partikolari kien wera li kien verament kapaċi jiġbed warajh u jisma’ s-sejħiet u t-tamiet tal-oħrajn. Huwa kien qal: “America is not like a blanket – one piece of unbroken cloth, the same colour, the same texture, the same size. America is more like a quilt; many patches, many pieces, many colours, many sizes, all woven and held together by a common thread.” (L-Amerika mhijiex bħal kutra – biċċa drapp waħda bla qtugħ xejn, tal-istess kulur, l-istess tessut, l-istess daqs. L-Amerika hija iktar bħal kwilt; magħmula minn ħafna biċċiet, b’ħafna kuluri, ta’ qisien differenti imma li kollha huma minsuġa u miżmuma flimkien permezz ta’ ħajta waħda.) F’dan aktar kellu l-għajta politika: “Yes we can”. (Iva, nistgħu nirnexxu.) Dik li aktar tard uża Obama b’tant effett nazzjonali.

Fil-mewt

7. Kif diversi mexxejja ddikjaraw fil-pajjiż u barra, kien bniedem uniku. Sofra d-diffikultà ta’ min irid iwitti t-triq lill-oħrajn warajh. Kien dak li ra ħolma tiġi fis-seħħ, imma din ġiet proprju hekk għax żamm il-kolp u minkejja l-avverżjonijiet u l-kuntrarji li ra baqa’ dritt u pożittiv f’ħidmietu. Kien dak li għaraf ukoll li kien żball li jħalli lill-poplu li dejjem ħabb ikun ’il bgħid mill-Partit Repubblikan, u nsista li għandhom jimmilitaw fih ukoll. Kien fattur u mutur ta’ bidla. M’hemmx dubju li għada pitgħada ser ikun hemm dawk li jiktbu aktar dwar dan. Bniedem li ħadem ħafna u ħajja warajh legat uniku. Iż-żraben tiegħu huma kbar biex jimtlew minn eredi, imma jinsabu għad-dispożizzjoni ta’ min irid jidħol fihom. Illum, wara xahar mill-mewt tiegħu, insellmulu u nirrikonoxxu li warajh ħalla wirt uniku, proprju għax ma kienx jaqbel ma’ dak li ma kienx ġust u sewwa u li għalhekk iddedika ħajtu biex jafferma l-linja t-tajba.

AIMS - VJAĠĠI MINN UFFIĊJALI

34937. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il vjaġġ sar minn uffiċjali varji tal-Awtorità dwar l-Integrità fl-Isport Malta (AIMS) minn meta twaqqfet sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll jindika kemm kienet in-nefqa u min kienu l-uffiċjali li attendew?

 

06/03/2026

 

ONOR. CLIFTON GRIMA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

 

Seduta Numru 444

11/03/2026

AIMS - DIRETTURI - KUNTRATTI TAL-IMPJIEG

34936. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratti tal-impjieg tad-Diretturi tal-Awtorità dwar l-Integrità fl-Isport Malta (AIMS) li saru s’issa u jindika jekk dawn humiex full-time jew part-time?

 

06/03/2026

 

ONOR. CLIFTON GRIMA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

 

Seduta Numru 444

11/03/2026

AIMS - CEOS - KUNTRATTI TAL-IMPJIEG

34935. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratti tal-impjieg tas-CEOs tal-Awtorità dwar l-Integrità fl-Isport Malta (AIMS) li saru s’issa?

 

06/03/2026

 

ONOR. CLIFTON GRIMA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

 

Seduta Numru 444

11/03/2026

KONSULENTI - KUNTRATTI TAL-IMPJIEG

34934. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali: Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratti tal-impjieg tal-konsulenti preżenti li hemm ingaġġati fil-Ministeru tiegħu?

 

06/03/2026

 

ONOR. ANTON REFALO: Il-konsulenti ingaġġati mal-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali huma impjegati skont il-Manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

 

Seduta Numru 444

11/03/2026

IL-BELT, VALLETTA - TRIQ IL-MERKANTI - TELEPHONE BOX

34933. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoqsijiet preċedenti rigward it-telephone box ta’ Żmien l-Ingliżi (il-ħamra) li kienet tinsab fi Triq il-Merkanti, fil-Belt, Valletta, li ġiet imneħħija għar-restawr, jista’ l-Ministru jgħid jekk din it-telephone box hijiex ser tiġi installata mill-ġdid?

 

06/03/2026

 

ONOR. OWEN BONNICI: Ninsab infurmat li t-telephone box se tiġi installata mill-ġdid hekk kif jintemm l-intervent ta’ restawr fuqha.

 

Seduta Numru 444

11/03/2026

ĦAL LUQA - TRIQ IL-GUDJA - XOGĦLIJIET

34932. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika: Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet qed isiru fi Triq il-Gudja, f’Ħal Luqa u kemm ser jiġu jiswew? Tista’ wkoll tagħti raġuni għaliex dawn ix-xogħlijiet qegħdin idumu daqshekk biex jitlestew?

 

06/03/2026

 

ONOR. MIRIAM DALLI: Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34930.

 

Seduta Numru 444

11/03/2026

FACT-FINDING REPORT - RAKKOMANDAZZJONIJIET

34082. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 32338 u 32739, jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-rakkomandazzjonijiet tal-Fact Finding Report ġewx implimentati? Jekk iva, jista’ jgħid kif u meta dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġew implimentati peress illi qed titqajjem preokkupazzjoni dwar dan?


03/02/2026

ONOR. CLIFTON GRIMA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt;

1. Id-Direttorat tal-Kwalità u Standards f-Edukazzjoni jagħmel external Review. L-external review sar u matul dan ix-xhur, l-istess Direttorat fassal u żviluppa framework ta’ external review li se jibda jintuża f’dawn l-istituzzjonijiet. Dan il-mudell se jiġi varat f’din is-sena skolastika

2. Isiru diskussjonijiet maċ-Child Safety u Child Protection dwar il-każ. Id-diskussjonijiet saru u ma kienx hemm bżonn ta’ investigazzjoni ulterjuri

3. Jitfassal qafas regolatorju għall-ABA. Saru laqgħat bejn stakeholders neċessarji u qed jitlesta rapport.

Seduta Numru 441
04/03/2026

BORMLA - PJAZZA GAVINO GULIJA - XOGĦLIJIET

34081. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari preċedenti, jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex ser isiru t-tiswijiet neċessarji fi Pjazza Gavino Gulija, f’Bormla?


03/02/2026

ONOR. CHRIS BONETT: Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ser jagħmel it-tiswijiet neċessarji.

Seduta Numru 441
04/03/2026

BORMLA - PJAZZA GAVINO GULIJA - XOGĦLIJIET

34080. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari preċedenti, jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex ser isiru t-tiswijiet neċessarji fi Pjazza Gavino Gulija, f’Bormla?


03/02/2026

ONOR. OWEN BONNICI: Nirreferi lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Seduta Numru 441
04/03/2026


TELEPHONE BOX

34079. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari preċedenti, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser tiġi installata mill-ġdid it-telephone box (il-ħamra) ta’ żmien l-Ingliżi li ġiet imneħħija għar-restawr fi Triq Mariano, il-Belt Valletta?


03/02/2026

ONOR. OWEN BONNICI: Ninforma l-Onor. Interpellant li fil-Belt Valletta m’hemm l-ebda triq jisimha Triq Mariano.

Seduta Numru 441
04/03/2026


IL-FURJANA - ĠNIEN DANTE - LARINĠ

34078. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser jinġabar il-larinġ li hemm fi Ġnien Dante l-Furjana din is-sena, biex jekk dan il-larinġ huwa tal-bakkaljaw, ma jintilifx?


03/02/2026

ONOR. OWEN BONNICI: Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Furjana ser ikun qed jagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex dan il-larinġ jinqata’ u jsib mezzi kif jista’ jintuża għall-benefiċċju tal-komunità lokali.

Seduta Numru 441
04/03/2026

IL-BIRGU - PARTI TAL-PONTA - TINDIF

34077. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti, jista’ l-Ministru jara li t-tindif tal-parti tal-Ponta tal-Birgu jsir peress li huwa ta’ periklu għal terzi? Jista’ wkoll jara li tingħata l-attenzjoni neċessarja?


03/02/2026

ONOR. OWEN BONNICI: Nitlob lill-Onor. Interpellant jipprovdi iktar informazzjoni dwar liema parti tal-Birgu qed jirreferi għaliha.

Seduta Numru 441
04/03/2026


12.3.26

IL-MEDJAZZJONI F'PAJJIŻNA

1. Huwa dejjem tajjeb li dawk li jispiċċaw, jew jafu li ser jispiċċaw f’kawża, ikollhom mod ta’ kif jaslu fi ftehim qabel. Fis-sistema legali tagħna u ta’ diversi pajjiżi oħra ma tantx hemm importanza mogħtija lill-medjazzjoni. Forsi f’dan irid jingħad aħjar li hemm inqas fiduċja li ser tirnexxi minn dawk li s-soltu mdorrija jikkumbattu fil-Qorti u fl-aħħar li jkollhom sentenza. M’hemmx biżżejjed kunfidenza proprju għax mhijiex parti mis-sistema legali u għalhekk ma tiġix użata għal kemm għandha saħħa u potenzjal. Hija ħasra li minkejja l-fatt li għandna Ċentru tal-Medjazzjoni, u li ilu għoxrin sena skorruti jaħdem fil-Qorti tal-Familja, għadna pass lura. Fil-verità, il-kultura legali tista’ tinbidel jekk ikun hemm liġijiet li jistabbilixxu l-medjazzjoni f’aktar każijiet minn dawk marbuta mal-familja.

Hemm lok għaliha

2. Kien pass differenti mis-soltu dak li wassalna sabiex indaħħlu l-proċess tal-medjazzjoni bħala parti mis-sistema legali fil-kwistjonijiet marbuta mas-separazzjonijiet. Kienet sfida xejn faċli u diversi kienu tal-parir kuntrarju. Disprezz u nuqqas ta’ piż favur, fil-loġika legali Maltija li din setgħet taħdem bejn il-poplu. Fis-sens li l-linja litiġjuża, dik li trid tikkumbatti kollox, jew inkella l-pika li takkumpanja dawn ix-xenarji żammew u daħlu ċerti barrieri. Biss, issa li hemm riżultati tajba f’dak li l-medjazzjoni wettqet u għadha twettaq fil-kamp tal-familja, wieħed għandu janalizza mill-ġdid is-sitwazzjoni sabiex jara jekk għandux iwettaq passi oħra ’l quddiem.

Strument legali

3. Kif inhija s-sistema ġewwa dan il-kamp, hemm ċerti prinċipji kostituttivi li daħlu fil-medjazzjoni fil-Qorti tal-Familja. L-ewwel: li kull ċittadin għandu dritt personali li jieħu sehem waħdu u ma jiddependix fuq oħrajn sabiex jidħol għaliha. It-tieni: li f’dan il-proċess hemm il-libertà assoluta li wieħed jieħu sehem, jew le. It-tielet: li l-medjaturi huma mħallsa għas-servizzi tagħhom mill-Istat. Dawn il-linji jfissru li, u kienu l-elementi li f’daqqa ġiebu ħidma qawwija sabiex flok kawża quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti, il-partijiet jaslu għal ftehim maqbul bejniethom. Nirringrazzjaw, b’mod partikolari, lill-medjaturi; it-tieni, lill-Imħallfin, u t-tielet lill-avukati li servew u li qed iservu fis-sistema. Dawk li lkoll f’daqqa għamluha suċċess legali. F’dawn is-snin twal kien hemm ’il fuq minn tletin elf koppja, jiġifieri sittin elf ruħ, li użaw dawn is-servizzi.

M’hemmx dubju

4. F’dan ma hemmx dubju li l-medjazzjoni rnexxiet u tista’ tkun iktar ta’ strument ta’ suċċess f’għelieqi legali oħra. Dan għax illum għandna ftit aktar għarfien tal-valur tal-medjazzjoni. Iktar u iktar meta għandna, l-ewwel, l-għodda taċ-Ċentru tal-Medjazzjoni, imwaqqaf bil-Kapitolu 474 tal-Liġijiet ta’ Malta (2004), kif ukoll, it-tieni, il-kors universitarju li twaqqaf apposta biex jifforma l-medjaturi. Fuq dan wieħed jifhem li l-Gvern ippreżenta abbozz ta’ liġi biex jissoda dak li waqqafna għoxrin sena ilu. Dan, minnu nnifsu, huwa pass pożittiv u li jagħmel ġieħ lill-Gvernijiet Nazzjonalista, li kellhom il-viżjoni sabiex dan isir. Il-medjazzjoni llum irridu nirreġistraw li ż-żewġ naħat tal-Kamra jaqblu li għandha tingħata iktar għodda legali biex twettaq ħidmietha aħjar. Proprju l-abbozz ta’ liġi li ġie diskuss f’dawn il-ġranet huwa f’dik id-direzzjoni. Proposti ġodda u differenti, fejn wieħed irid ikun attent li l-ispirtu liberu tal-medjazzjoni ma jintilifx. Ċertament, però, wieħed ma jistax jiġġudika qabel u jrid jara kif dawn ser jaħdmu, għalkemm il-linja hija ċara ħafna.

Nistgħu nimxu

5. Fil-liġi prinċipali diġà hemm il-poter sabiex il-Ministru tal-Ġustizzja jkun jista’ jistabbilixxi li kif daħlet il-medjazzjoni fil-kwistjonijiet marbuta mal-familja, dan il-proċess jista’ jidħol f’oħrajn. Hemm għalqa fertili, sija f’kawżi ta’ natura kummerċjali, kif ukoll f’dawk quddiem it-Tribunali għal Talbiet Żgħar. Jekk l-Istat jieħu fuqu l-ispejjeż marbuta ma’ ħidmet il-medjaturi naħseb li din tirnexxi. Il-finanzi minfuqa fuq il-medjazzjoni huma dawk li bihom innaqqsu oħrajn. Jekk nagħrfu li meta kawżi f’dawn iż-żewġ setturi jdumu biex ikunu deċiżi, ikunu qed jixħtu lura l-proċess, speċjalment f’dak ekonomiku. Mhux biss, imma tkun qed tibni kultura iktar qawwija fost dawk li huma fin-negozju li huwa vantaġġjuż li jsir hekk. Il-medjazzjoni tippermetti li informazzjoni sensittiva, jew li tagħti vantaġġ lill-kompetitur ta’ min ikun qiegħed fil-proċess ma toħroġx, imma tibqa’ kunfidenzjali. Aktar minn hekk, tippermetti li ma jkunx hemm kumplikazzjonijiet li kawża ġġib magħha bejn bnedmin fin-negozju.

Kritika

6. Nammetti magħkom li dawn is-snin li fihom rajt il-medjazzjoni titwieled u titħaddem, jagħtuni sodisfazzjon kbir. Is-suċċess tagħha jixhduh kemm dawk il-bnedmin li ġew bżonnha, kif ukoll il-fatt li llum ma hemmx dubju li l-maġġoranza issa jaqblu magħha. Kien mument diffiċli ħafna għalija, li kont għadni kif qbadt linja ta’ tibdiliet fil-Qrati tagħna, li sibt tant bnedmin kontra tiegħi. Għal ħafna żmien kont qed nikkumbatti waħdi, u nammetti li lanqas dawk li kienu fil-Partit miegħi ma kienu qed joħorġu jdoqqu. Inkitbu artikoli, saru dibattiti varji lkoll kontra sabiex din ma ssirx u ma taħdimx. Sibtni wkoll naqla’ attakki personali, li fihom ġejt deskritt f’termini xejn tajbin. Fortunatament dak il-mument issa ġie superat, proprju għaliex il-medjazzjoni sarrfet il-vantaġġi tagħha. Ngħid ‘grazzi’ lill-perseveranza li kelli biex baqgħet hemm. U għalhekk kelli, bi pjaċir nara li maż-żmien kien hemm ferm iktar min kien favur u mxejna ’l quddiem.

Nifhem

7. Illum nifhem aktar li dak li daħħalt jaħdem fis-16 ta’ Diċembru 2003 kien kunċett totalment ġdid, u billi ma kienx hemm esperjenza legali tiegħu, ma kienx tant konċepibbli jew aċċettabbli dak iż-żmien. Dak li kelli u għad għandi fiduċja fih ried iż-żmien tiegħu tal-prova ma’ oħrajn. Illum, ċertament, minħabba l-prattika kostanti għal tnejn u għoxrin sena, din biddlet aktar. U f’dan kien tajjeb li l-medjazzjoni ma tintmissx, u titħalla taħdem għal perjodu twil. Li issa qed isiru numru ta’ emendi jafferma aktar il-valur tagħha, għalkemm jibqa’ l-fatt li trid dejjem kura u attenzjoni. Hemm bżonn li jkun hemm min iħares dak li jiġi fis-seħħ sabiex jiġi assigurat li l-medjazzjoni taħdem fid-direzzjoni li rriduha, u mhux tieqaf.

Inħares lura


8. Fuq dan inħares lura u nagħraf li kien staġun ta’ bidliet li daħlu fis-seħħ. Dawk marbuta, fost diversi oħrajn, mal-użu tal-Ittri Uffiċjali Eżekuttivi, it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva, kif ukoll dawk li ssudaw iċ-Ċentru Malti tal-Arbitraġġ. L-esperjenza li nġabret wieħed jista’ jkompli jaħdem fuqha, kif qed isir fil-medjazzjoni. Nemmen li ċ-Ċentru Malti tal-Arbitraġġ għandu bżonn aktar fondi u aktar kwistjonijiet legali, bħal dawk marbuta ma’ inċidenti tat-traffiku, li jsibu ruħhom deċiżi hemm. L-istess għall-Ittra Uffiċjali Eżekuttiva, li tista’ tiġi ssudata iktar, u li t-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva, li għalaq sbatax-il sena jaħdem (mill-1 ta’ Jannar 2009), li wkoll wera l-vantaġġi tiegħu, jista’ jiżdied fil-kompetenza tiegħu. Hemm ħafna xi jsir, u b’sodisfazzjon ngħid li kelli x-xorti li nkun parti minn dawk il-bidliet, li nittama li jibqgħu jiġu kkurati u ssudati għall-ġid tal-poplu tagħna. F’dan kollu nibqa’ nemmen li d-dħul tal-medjazzjoni f’pajjiżna kien u għadu pass fid-direzzjoni t-tajba.

ĦAL TARXIEN - TRIQ L-ISQAJJAQ - ZEBRA CROSSING

34088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31141, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu dwar iż-zebra crossing li hemm fi Triq l-Isqajjaq, f’Ħal Tarxien?

 

03/02/2026

 

ONOR. OWEN BONNICI: Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Ħal Tarxien li, wara diskussjonijiet u bil-kooperazzjoni ta’ resident li aċċetta li l-cables tad-dawl jgħaddu mal-faċċata tiegħu, issa ser ikun jista’ jsir id-dawl għaż-zebra crossing.

 

Seduta Numru 442

09/03/2026

IX-XGĦAJRA - RESTAWR TA’ LAPIDA

34087. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 32649 u 32650, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu jew ser jittieħdu fir-rigward tar-restawr tal-lapida li hemm ix-Xgħajra?

 

03/02/2026

 

ONOR. OWEN BONNICI: Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xgħajra, li ġie maqbul li tiġi ordnata plakka tal-irħam ġdida biex tieħu post dik eżistenti li hemm fil-ġnien bejn l-aħħar parti ta’ Triq Qaċċawiet u Dawret ix-Xatt.

 

Seduta Numru 442

09/03/2026

VOTI GĦALL-GAZZETTI

34086. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32656 fir-rigward tar-rappreżentazzjonijiet neċessarji sabiex il-vot għall-gazzetti għal għotjiet lill-media jiżdied b’mod iktar sostanzjali, jista’ l-Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm u jekk ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman ġewx implimentati?

 

03/02/2026

 

ONOR. OWEN BONNICI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali ser jidħol fi ftehim direttament mal-media houses waqt li jikkonferma li l-Ministeru ser ikun qed jonora parti mir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman.

 

Seduta Numru 442

09/03/2026

MARSAXLOKK - VILLA TAS-SILĠ - PROĠETT

34085. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 28889, 30873 u 32652, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-Villa f’Tas-Silġ, f’Marsaxlokk?

 

03/02/2026

 

ONOR. OWEN BONNICI: Ninsab infurmat li, minn l-aħħar tweġiba relatata ma’ dan is-sit, m’hemm l-ebda aġġornament ulterjuri x’jiġi kkomunikat. Ninsab informat ukoll li l-kundizzjoni tas-sit hija waħda stabbli.

 

Seduta Numru 442

09/03/2026

ĦAL TARXIEN, RAĦAL ĠDID, IL-GUDJA U Ż-ŻEJTUN - PROBLEMA TAL-ĦAMIEM

34084. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari preċedenti dwar problemi ta’ ħmieġ u preżenza qawwija ta’ ħamiem f’Ħal Tarxien, Raħal Ġdid, il-Gudja u ż-Żejtun, jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jittieħdu biex din il-problema tiġi kkontrollata?

 

03/02/2026

 

ONOR. JO ETIENNE ABELA: Ninsab infurmat li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ħejja programm sabiex jitnaqqas l-ammont ta’ ħamiem salvaġġ madwar il-lokalitajiet f’Malta u Għawdex liema programm ġie sottomess għall-approvazzjoni tal-kumitat Ornis.

 

Seduta Numru 442

09/03/2026

ARKIVJU NAZZJONALI - LOK ĠDID

34083. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32667, jista’ l-Ministru jgħid jekk instabx lok ġdid għall-arkivju nazzjonali kif preċedentement kien ippjanat?

 

03/02/2026

 

ONOR. OWEN BONNICI: It-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra

 

Seduta Numru 442

09/03/2026

F'DINJA NIEQSA MILL-PAĊI

1. F’dak kollu li hu għaddej, fil-kunflitti fix-xenarji varji tal-art komuni tagħna m’hemmx ħafna linji ta’ dawl. Il-pass li ttieħed ikompli jingħaqad ma’ dawk li diġà kellna għaddejjin. Flok morna l-kontra ta’ dak kollu li ma qbilniex miegħu, b’mod partikolari fl-invażjoni tal-Ukrajna, qed naraw min isegwi. Dawk li kkundannaw qed iġibu ruħhom f’pożizzjoni fejn mhux qed jiġu tant imfaħħra. Fl-esperjenza li qed naraw, u li rajna anki bis-saħħa militari fejn it-teknoloġija qed tibdel il-metodu li bih isiru l-kunflitti, xorta hemm l-għarfien li ma hemmx rebħiet malajr u sempliċi. Minflok hemm kumplikazzjonijiet varji li ma jistriħux fil-kontinwità attiva jew passiva tagħhom.

Riżentimenti

2. Dan iktar u iktar fiż-żerriegħa żbaljata li qed naraw tinxteħet f’qalb u moħħ il-bniedem. Kif nafu, il-mexxejja, f’dan kollu jiġu u jmorru, imma dak li jħallu warajhom ma jintilifx meta jitneħħew jew jindifnu. Jibqgħu hemm, preżenti, jistennew li f’mument jew ieħor, joħorġu. F’dan nafu diġà b’dak li għandna, imma daqshekk ieħor proprju ser inkomplu naraw b’dak li ġej għalina fil-futur. Wieħed jista’ jaħseb li dak li hu għaddej ser isolvi dak li kien qiegħed idejjaq. Jista’ wieħed jimmaġina li l-użu tal-armi militari ser iġib il-bidliet li jrid, imma fil-fatt l-istorja li għaddejja turi l-kontra. Dak li għaddej, iktar u iktar mhuwiex fil-fatt il-mod ta’ kif, jekk ma tagħmilx ħbieb, almenu ma żżidx l-għedewwa.

Kumplikazzjonijiet

3. F’dan kollu hemm iktar l-għarfien li ma ssolvix, imma ġġib iktar diffikultajiet. Dan huwa preċiż dak li qed naraw għaddej fl-Iran u fil-pajjiżi ta’ madwaru. Kienu x’kienu r-raġunijiet li jistgħu jiġu ppreżentati lilna f’termini ‘nobbli’ inkella ‘neċessarji’, jibqa’ l-fatt li l-effetti tagħhom qed isiru raġunijiet ġodda. Ser indumu biex nifhmu li fil-fatt dan kollu ġej minn ġenerazzjoni ta’ politika li għadha taħseb li hija qed taġixxi fil-passat. Ix-xenarju li wieħed jitlaq minnu huwa dak li kienet id-dinja qabel l-Ewwel Gwerra Mondjali u timmaġina li tista’ ġġib fis-seħħ mekkaniżmi li setgħu saru dak iż-żmien bit-teknoloġija moderna tal-lum.

Fejn ser immorru?

4. F’dan iktar, l-affarijiet huma iktar diffiċli biex tifhimhom meta tqis li l-kamp tal-battalji nbidel drastikament f’dawn is-snin. Wieħed ma jsolvix billi joqtol jew jiddistruġġi b’dak li għandu fit-triq militari qawwija u sproporzjonata, imma li timxi u taġixxi b’mod differenti. Wara l-esperjenzi fl-Iraq u fl-Afganistan, flok ittieħdu l-lezzjonijiet sabiex ma nidħlux aktar fihom, qed naraw ripetizzjonijiet. Inkella għal uħud hija l-korrezzjoni fuq dak li twettaq ħażin qabel. Dan fil-ħsieb kontinwu li hemm min għandu dritt jikser kull liġi internazzjonali u jaġixxi fil-libertà u fin-nuqqas ta’ konsultazzjoni tradizzjonali.

Fil-passat

5. F’dan, kull ma rrid huwa li nħarsu lejn ftit snin ilu sabiex nifhmu kemm kien dejjem aħjar li qabel kull azzjoni jkun hemm diskussjoni u djalogu intern. Wieħed li kien isir, u f’dan il-mument qed naraw li mhuwiex. Forsi jista’ jkun hemm min jaħseb li dan juri li xejn ma jista’ jew għandu jwaqqfu. Imma meta taġixxi f’dan ix-xenarju ssib ruħek f’pożizzjoni fejn oħrajn jibqgħu lura. Meta titlaq taġixxi u dan biex ma jkollokx telf ta’ żmien, inkella opinjoni differenti, tkun hemm. Aktar u aktar meta joħroġ l-għarfien li x-xenarju huwa tant viċin l-Ewropa li b’xi mod jew ieħor ser jiġu nvoluti. Kif f’dan kollu ser jaġixxu mhuwiex faċli quddiem dan il-fatt kompjut. L-Iran mhuwiex il-Venezwela. Huwa ’l bogħod mill-Istati Uniti, imma mhuwiex minn interessi ekonomiċi varji u pajjiżi ġirien daqshekk strateġikament kommessi.

Iktar kumplikazzjonijiet

6. F’dan huwa iktar ċar li dak li ġej f’dawn il-jiem jista’ jieħu l-pożizzjoni f’direzzjonijiet differenti. Kull ġurnata l-inkwiet, il-kunflitt mhuwiex jonqos. Anzi, qiegħed jinfirex b’veloċità ferm iktar. Fejn il-loġika u r-reazzjonijiet mhumiex jimxu id f’id ma’ xulxin, imma separatament. Ser ikun hemm attakki varji fejn l-iskop ġenerali jista’ jkun biss dak li wieħed iwieġeb lejn dak li seħħ. Dan ukoll mingħajr direzzjoni politika ċara, iktar u iktar fejn hemm ċertament xokk quddiem il-fatt li sakemm id-diskussjonijiet kienu għaddejja ma kienx ser ikun hemm dan l-aġir militari; u t-tieni, l-effett uman li ġie kkaġunat. Ma narax li hemm xi pajjiż li b’xi mod jista’ jaħseb li huwa eżenti milli b’xi mod jintmiss. Xenarju li għandu jkun prijorità fl-inkwiet li kull ma huwa marbut mal-ħajja tagħna huwa fil-fatt minaċċjat. F’dan triq waħda hemm biex ikun hemm stabilità lura, u dan fl-għarfien li mhuwiex ser ikun hemm paċi qabel il-partijiet jaslu f’xi forma ta’ qbil.

Il-vuċi tagħna

7. F’dan nistgħu ningħaqdu fil-pożizzjoni iktar soda sabiex id-dinja timxi lejn din id-direzzjoni paċifika. Kif nistgħu nsostnu kliem il-Papa Ljun XIV, li ddikjara tant tajjeb: “Stability and peace are not achieved through mutual threats, nor through the use of weapons, which sow destruction, suffering, and death, but only through reasonable, sincere and responsible dialogue.” (L-istabilità u l-paċi ma jintlaħqux b’theddid reċiproku, anqas bl-użu tal-armi, li jiżirgħu d-distruzzjoni, is-sofferenza u l-mewt, imma biss bi proċess ta’ djalogu, raġonevoli, sinċier u responsabbli.) F’dan kollu, ċertament niżbaljaw jekk naqtgħu qalbna u nitilfu t-tama sabiex l-affarijiet jinbidlu u jieqfu. Hemm bżonn, anki f’dawn il-mumenti, li nagħtu lura vuċi lid-diplomazija. F’dinja nieqsa mill-paċi għandna naħdmu aktar u nsemmgħu iktar leħinna sabiex il-kunflitti jieqfu.

4.3.26

ĦU PARIR

1. Kemm hija utli u siewja dik il-fehma personali ta’ dak li jkun mistoqsi jew le dwar punt, huwa x’inhuwa. Ħafna drabi, però, wieħed ikun jixtieq jagħtih imma jibqa’ lura għax ma jkunx ċert jekk ħaddieħor jirċevihx tajjeb jew le. Ħafna jħossu d-dmir f’qalbhom u fil-kuxjenza li jgħadduh xorta waħda, anki jekk jafu li mhumiex ser jiġu milqugħa bil-palm. Imma opinjoni, kunsill, mogħti lil ħaddieħor fih valur meta jsir f’forma ta’ twissija dwar imġieba jew azzjoni ta’ dak li jkun, preżenti jew futura. L-isbaħ ikun dejjem jekk wieħed jitlob dan lil min kapaċi jarah kapaċi. L-esperjenza umana, l-iktar dik politika, tmexxik aktar sabiex tifhem li l-parir it-tajjeb tista’ tirċevih mingħand kull persuna ta’ rieda tajba. Mhux biss, imma f’dan ma hemmx bżonn, anqas, xi lok formali. Passiġġata, laqgħa fejn ma taħseb li ser issibek biżżejjed. Wara jkun f’idejk jekk tiħdux, inkella tibqax għaddej b’dak li trid twettaq. Imma fil-verità, il-politika t-tajba tinbena fuq il-pariri t-tajba.

Rjus iebsa

2. Verament, kull bniedem, anki jekk jista’ kunsill ta’ oħrajn, jagħżel li jagħżel dak li jsegwi u dak li le. Inkella jibqa’ maħkum minn min kellmu qabel jew l-aħħar u ma jsegwihx. Inkella, għalkemm jaf li huwa tajjeb għalih, xorta ma jimxix fuqu għax ġie mingħand min ma riedx li jiġi. Hemm ukoll il-kategorija tal-irjus diffiċli, dawk li jkunu xi ftit suppervi. Dawk li anqas ma jkunu lesti li jagħtuk xi forma ta’ widen għax konvinti li jafu ferm iktar minnek jew minn oħrajn. Nifhem dejjem, u fir-realtà dan għaddejt minnu u nibqa’ ngħaddi minnu. Fil-fatt, dak li tgħaddi minnu fil-passat, fil-kaxxa tal-esperjenza tiegħek, iservik. Għalik ukoll, anki jekk ħafna drabi taqta’ dak li ġej jew fejn sejrin l-affarijiet. Imma wkoll, f’dan il-proċess, mingħajr ma taf, fuq l-oħrajn issir forma ta’ vuċi skomda, antipatika, li tmiss mal-kuxjenza ta’ oħrajn u għalhekk, billi huwa inti li titkellem, ma jridux jisimgħuk. Jaħsbu li qed tgħid il-ħmerijiet, imma ferm iktar tard jifhmu li jkunu żbaljaw.

L-istorja tgħallem

3. F’dan aktar nifhem f’kemm kotba jirrakkuntaw dak li seħħ qabel u li, terġa’, aktar dawk li jsegwu riċerka iktar fonda u dettaljata biex imexxuk. Ikunu ta’ gwida għalik u għarbiel kontinwu tiegħek innifsek. Iktar u iktar meta ssib ruħek vuċi fid-deżert. Bħalissa proprju għandi f’idejja ktejjeb sabiħ. L-awturi huma tnejn: Alberto Mangani u Yolanda Godoy Lozano. It-tnejn magħrufa u awturi ta’ diversi kotba storiċi oħra. Il-ktieb, stampat fl-1998, għandu t-titlu Teodolinda La Longobarda. Imiss mal-ġrajja madwar din il-persuna, Reġina tal-Longobardi. Jingħad li għexet bejn is-snin 570 u 628 wara Kristu, għal madwar sittin sena li fihom iddominat f’qisu tlett fażijiet. Mart żewġ Rejiet: Autari l-ewwel, Agilulfo t-tieni, u wara reġġenti tat-tifel Adoloaldo. Stmata tant fl-għaqal u l-kapaċitajiet tagħha. Marbuta mal-belt ta’ Monza, fejn jingħad li bniet knisja ddedikata lil San Ġwanni l-Battista. Parti importanti fl-iżvilupp tas-saħħa u l-affermazzjoni Kattolika fil-pajjiż u fost il-Longobardi.

Interessanti

4. Ħajjitha hija verament mimlija b’punti ta’ interess għax teħodna fi żmien li llum ma tantx huwa msemmi. Forsi ċertament ukoll minħabba d-diffikultà li għandna fir-riċerka u l-fonti storiċi ta’ dak li seħħ. Però l-awturi jsemmu numru ta’ dokumenti u ittri li ġew, b’xi mod, preservati u trażmessi fil-ġenerazzjonijiet. Qed nitkellmu fuq madwar elf u erba’ mitt sena ilu, meta ma kienx hemm tant din it-tradizzjoni. Anzi jidher ċar li mertu tal-istoriku magħruf u ċitat Paolo Diacono, li kien patri, Nisrani, poeta u storiku, li nkitbet l-istorja tal-Longobardi. Jingħad li qabel, l-istorja kienet tiġi trażmessa fil-memorja tar-rakkonti ta’ dak li seħħ bil-fomm. Difatti, dawn iż-żewġ awturi, f’mument jagħżlu li jikkwotaw biċċiet twal minn kitbietu sabiex jaffermaw il-punt. Li huwa sabiħ fih innifsu, proprju għax juri li kien hemm dinja kkumplikata, fejn il-gwerra kienet parti mill-aġenda kontinwa tal-bnedmin.

Intelliġenza

5. F’dan, il-ktieb jiddiskuti b’ċertu tul ittra partikolari li kienet oriġinarjament intbagħtet f’Settembru tas-sena 593 wara Kristu. Il-Papa Girgor l-Ewwel, magħrufa magħna bħala l-qaddis il-kbir, jikteb minn Ruma ittra lir-Reġina Teodolinda, sabiex iġibha għall-ordni. Fiha juża lingwaġġ iebes u ta’ ċanfira. Jibda hekk: “Ci è stato riferito che la vostra gloria è stata indotta da alcuni vescovi a un errore nei confronti della Santa Chiesa, tale che vi siete esclusa dalla comunione con la comunità cattolica. Per questo motivo, quanto più ci siete cara, a maggior ragione ci lamentiamo di voi, perché date retta a uomini sciocchi e inesperti, che non solo non sanno quello che dicono, ma riescono a malapena a intendere ciò che ascoltano.” (Ġejna nfurmati li s-sinjurija tiegħek ġiet indotta minn ċerti isqfijiet fi żball fil-konfront tal-Knisja, tant li eskludejt lilek innifsek mill-komunjoni mal-komunità Kattolika. Għal din ir-raġuni, għax inti daqshekk għażiża għalina, għandna raġunijiet kbar biex nilmentaw dwarek, għax qed tagħti każ ta’ bnedmin boloh u inesperti, li mhux biss ma jafux x’qed jgħidu, imma bilkemm jirnexxilhom jifhmu dak li jisimgħu.)

Kif kienu qabel

6. L-ittra ma marritx direttament, imma kif kienet il-konswetudni, l-ewwel marret għand l-Isqof Costanzo li l-Papa, kontra l-kurrent, kien għadu kif innominah f’Milan. Dan, kif irċeviha, qraha imma ddeċieda li ma jgħaddihiex. Ħa parir mingħand Bonifacio, li kien intelliġenti bħalu, u minflok dehrilhom li jibgħatuha lura għand il-Papa u tawh parir jiktibha mill-ġdid, b’ton ftit differenti, u ma jidħolx f’ċerti kwistjonijiet reliġjużi. L-awturi tal-ktieb jgħidulna hekk: “Il pontefice non se l’ebbe a male, convenne con Costanzo che, se la lettera poteva risultare controproducente, era stato saggio non recapitarla e preparò un nuovo testo.” (Il-Papa ma ħadhiex ħażin u qabel ma’ Costanz li jekk l-ittra kien ser ikollha effett kontroproduċenti, kien għaqli li ma tintbagħatx u kellha tiġi ppreparata ittra ġdida.)

It-Tieni Ittra

7. L-affarijiet ma seħħewx malajr u ittra oħra nkitbet f’Lulju tas-sena 594, fejn it-test prinċipali nbidel u permezz tagħha beda rapport iktar qawwi bejn ir-Reġina u l-Knisja Kattolika. Saret dik li riedet li din tissaħħaħ u ħadet ħsieb li minkejja li żewġha Agilulfo kien Arjan, binhom Adaloaldo jiġi mgħammed fir-rit Kattoliku. Però, f’din l-ittra nsibu pinzellata isbaħ li mal-ewwel paragrafu, li l-Papa kien ħallih, miegħu żied din is-sentenza: “Costoro, finché non si documentano, né danno retta a chi si documenta, rimarranno nella stess errata convinzione che si sono fatti di noi.” (Dawn, sakemm ma jaqrawx u jaraw, jagħtu każ sew tat-testi veri, jibqgħu fl-istess fehma żbaljata li ffurmaw dwarna.) Mertu ta’ din il-ħidma bilqħaqal, u proprju fil-gwida ta’ persuni li taw pariri tajba, ir-rabtiet bejn ir-renju Longobardu u l-Knisja Kattolika ssudaw. Teodolinda mmarkat ruħha f’dan u baqgħet identifikata f’ħidmieta matul is-sekli. L-Ewropa tal-lum għandha tkun f’dan grata għal dawn il-bnedmin li ħadu l-parir it-tajjeb.

 

IX-XATT TA’ WIED IL-GĦAJN - ĦSARAT IKKAWŻATI BIL-MALTEMP

34076. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid xi ħsarat ġew verifikati fix-Xatt ta’ Wied il-Għajn wara l-aħħar maltempata? Jista’ jgħid ukoll x’passi diġà ttieħdu u x’passi ser jittieħdu f’dan ir-rigward?

 

03/02/2026

 

ONOR. CHRIS BONETT: Ninforma lil l-Onor. Interpellant li immedjatament wara l-maltempata saru numru ta’ spezzjonijiet biex jiġi iddeterminat xi ħsarat hemm. Żoni li kienu ta’ periklu ġew barrikati biex jingħalaq l-aċċess għall-pubbliku. Bħalissa qed isir eżerċizzju fejn qed jiġi determinat liema partijiet tal-istrutturi li ġew affettwati mill-maltemp ser isir intervent fuqhom u x’tip ta’ intervent. Li hu żgur li fejn inqala' fil-maltemp ser jerġa' isir fiż-żmien li ġej.

 

Seduta Numru 440

03/03/2026

IL-KALKARA - BAJJA TA’ RINELLA - ĦSARAT IKKAWŻATI BIL-MALTEMP

34075. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid xi ħsarat ġew verifikati fil-Bajja tar-Rinella fil-Kalkara wara l-aħħar maltempata? Jista’ jgħid ukoll x’passi diġà ttieħdu u x’passi ser jittieħdu f’dan ir-rigward?

 

03/02/2026

 

ONOR. CHRIS BONETT: Ninforma lill-Onor. Interpellant li immedjatament wara l-maltempata saru spezzjonijiet tal-ħsarat. Ingħalqet iż-żona li hi ta’ periklu biex ma jkunx hemm aċċess għall-pubbliku. Fil-frattemp saret ukoll investigazzjoni biex jiġi determinat fejn jinsab il-livell tal-blat minħabba li hemmhekk hu wied. Bħalissa għaddejjin analiżi biex jiġi determinat xi struttura ser tiġi mibnija u l-estent tal-intervent bil-pjan li x-xogħlijiet jibdew ma jdumux.

 

Seduta Numru 440

03/03/2026

IX-XATT TAX-XGĦAJRA - ĦSARAT IKKAWŻATI BIL-MALTEMP

34074. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid xi ħsarat ġew verifikati fix-Xatt tax-Xgħajra wara l-aħħar maltempata? Jista’ jgħid ukoll x’passi diġà ttieħdu u x’passi ser jittieħdu f’dan ir-rigward?

 

03/02/2026

 

ONOR. CHRIS BONETT: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-maltempata ta’ Jannar li għadda kkawżat l-erożjoni tal-pedament ta’ parti mill-promenade tax-Xgħajra u din ċediet. Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi intervjena minnufih u poġġa blokki tal-konkos sabiex jagħlaq din il-parti tal-promenade. Id-dipartiment qed iħejji s-surveys u l-pjanti neċessarji sabiex din il-parti tal-promenade li ċediet terġa’ tinbena mill-ġdid.

 

Seduta Numru 440

03/03/2026

 

IX-XATT TA’ WIED IL-GĦAJN - ĦSARAT IKKAWŻATI BIL-MALTEMP

34073. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid xi ħsarat ġew verifikati fix-Xatt ta’ Wied il-Għajn wara l-aħħar maltempata? Jista’ jgħid ukoll x’passi diġà ttieħdu u x’passi ser jittieħdu f’dan ir-rigward?

 

03/02/2026

 

ONOR. OWEN BONNICI: Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Wied il-Għajn li x-xogħlijiet kollha tad-dawra tax-xatt, mit-Torri ta’ San Tumas sal-knisja u dik taż-Żonqor, huma responsabbiltà ċentrali. Il-Kunsill, però, ser jagħmel użu mis-servizz ta’ surveyor li ser jiġi pprovdut mir-Reġjun sabiex jikkwantifika l-ħsarat tar-railing li nqala', tat-triq u tal-bankina. Ir-rapport ser jiġi riferut lil Infrastructure Malta bil-possibbiltà li x-xogħol ta’ riġenerazzjoni jiġi estiż f’din il-parti wkoll.

 

Seduta Numru 440

03/03/2026

IL-KALKARA - BAJJA TA’ RINELLA - ĦSARAT IKKAWŻATI BIL-MALTEMP

 IL-KALKARA - BAJJA TA’ RINELLA - ĦSARAT IKKAWŻATI BIL-MALTEMP

 

34072. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid xi ħsarat ġew verifikati fil-Bajja tar-Rinella fil-Kalkara wara l-aħħar maltempata? Jista’ jgħid ukoll x’passi diġà ttieħdu u x’passi ser jittieħdu f’dan ir-rigward?

 

03/02/2026

 

ONOR. OWEN BONNICI: Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Il-Kalkara li, kawża tal-maltempata, il-Bajja ta’ Rinella sofriet ħsara konsiderevoli fit-turġien li jagħtu aċċess għall-bajja, fil-bankini u fit-triq li ddawwar il-bajja. Numru ta’ ġebel kbir inġema’ fit-triq u ammont sostanzjali ta’ ramel tkaxkar mill-baħar. F’kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Lokali u Infrastructure Malta, tpoġġew barrikati tal-konkos f’din it-triq biex jingħalaq l-aċċess għall-vetturi fil-parti fejn sfrondat it-triq. Saru wkoll arranġamenti biex jitpoġġew tabelli sabiex il-pubbliku jiġi infurmat b’dan u jevita ż-żona. Qed isir assessjar taż-żona biex jiġi stabbilit l-aħjar mod kif tiġi indirizzata s-sitwazzjoni tal-ħsara fit-triq.

 

Seduta Numru 440

03/03/2026

IX-XATT TAX-XGĦAJRA - ĦSARAT IKKAWŻATI BIL-MALTEMP

34071. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid xi ħsarat ġew verifikati fix-Xatt tax-Xgħajra wara l-aħħar maltempata? Jista’ jgħid ukoll x’passi diġà ttieħdu u x’passi ser jittieħdu f’dan ir-rigward?

 

03/02/2026

 

ONOR. OWEN BONNICI: Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Ix-Xgħajra li l-maġġor parti tal-ħsarat seħħew max-xatt. Id-dawra tax-xatt iġġarraf minħabba li ċeda s-sottobank u, konsegwentement, inqala’ r-railing u d-dawl dekorattiv. Ħafna mill-palm tul ix-xatt tqaċċat u ammont kbir ta’ ġebel ittella’ mill-baħar u kisser il-bankina. Tabelli u bins ukoll tkissru, filwaqt li xi bankijiet inqalgħu.

 

Peress li d-dawra tax-xatt hija responsabbiltà ċentrali, l-awtoritajiet relevanti ġew infurmati biex flimkien jiġi stabbilit l-aħjar mod kif tiġi indirizzata s-sitwazzjoni.

 

Seduta Numru 440

03/03/2026

ĠURIJIET PENDENTI

33550. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ġuri kien hemm pendenti sal-aħħar tas-sena 2025 u liema huwa l-iktar wieħed li ilu pendenti?

 

07/01/2026

 

ONOR. JONATHAN ATTARD: Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sal-aħħar tas-sena 2025 kien hemm 39 ġuri appuntat u kif ukoll 32 ġuri li mmaturaw u li kienu qed jistennew id-data tal-appuntament.

Ma dawn hemm ukoll 183 ġuri oħra li ma setgħux isiru għal diversi raġunijiet fosthom; minħabba proċeduri Kostituzzjonali, għax kienu qegħdin jistennew kawżi oħra, għax kienu għadhom fi stadju ta’ eċċezzjonijiet preliminarji jew qed jistennew rapport minn espert psikjatriku jew għadhom fi stadju bikri tal-proċeduri.

Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li fl-ewwel xahrejn ta’ din is-sena, 2026, diġà saru 3 ġurijiet u kien skedat ieħor li ġie kkanċellat fuq punt ta’ liġi. Ninforma wkoll illi s-sena l-oħra kien hemm total ta’ 23 ammissjoni, mentri fl-ewwel xahrejn ta’ din is-sena kien hemm 4 ammissjonijiet irreġistrati.

L-aktar ġuri li ilu pendenti jmur lura għas-sena 2008.

 

Seduta Numru 439

02/03/2026

ĦAL GĦAXAQ - KUNSILL LOKALI - RIVISTI PPUBBLIKATI

33549. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rivista ħareġ il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq matul is-sena 2025 sabiex jinforma l-lokalità b’dak li qiegħed jiġri fl-istess lokalità u kemm kienet in-nefqa rispettiva? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ pubblikazzjonijiet stampati u jqiegħed kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?

 

07/01/2026

 

ONOR. OWEN BONNICI: Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali Ħal Għaxaq ma ppubblikax rivisti matul is-sena 2025 u, għaldaqstant, ma kien hemm l-ebda nefqa relatata.

 

Seduta Numru 439

02/03/2026

WIED IL-GĦAJN - KUNSILL LOKALI - RIVISTI PPUBBLIKATI

33548. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rivista ħareġ il-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn matul is-sena 2025 sabiex jinforma l-lokalità b’dak li qiegħed jiġri fl-istess lokalità u kemm kienet in-nefqa rispettiva? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ pubblikazzjonijiet stampati u jqiegħed kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?

 

07/01/2026

 

ONOR. OWEN BONNICI: Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Wied il-Għajn, li matul is-sena 2025, il-Kunsill ma ppubblikax rivisti u għalhekk ma kien hemm l-ebda nefqa relatata.

 

Seduta Numru 439

02/03/2026

 

MARSAXLOKK - KUNSILL LOKALI - RIVISTI PPUBBLIKATI

33547. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rivista ħareġ il-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk matul is-sena 2025 sabiex jinforma l-lokalità b’dak li qiegħed jiġri fl-istess lokalità u kemm kienet in-nefqa rispettiva? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ pubblikazzjonijiet stampati u jqiegħed kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?

 

07/01/2026

 

ONOR. OWEN BONNICI: Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali Marsaxlokk ma ppubblikax rivisti matul is-sena 2025 u, għaldaqstant, ma kien hemm l-ebda nefqa relatata.

 

Seduta Numru 439

02/03/2026

IŻ-ŻEJTUN - KUNSILL LOKALI - RIVISTI PPUBBLIKATI

33546. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rivista ħareġ il-Kunsill Lokali taż-Żejtun matul is-sena 2025 sabiex jinforma l-lokalità b’dak li qiegħed jiġri fl-istess lokalità u kemm kienet in-nefqa rispettiva? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ pubblikazzjonijiet stampati u jqiegħed kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?

 

07/01/2026

 

ONOR. OWEN BONNICI: Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali taż-Żejtun ma ppubblikax rivisti matul is-sena 2025 u, għaldaqstant, ma kien hemm l-ebda nefqa relatata.

 

Seduta Numru 439

02/03/2026

ĦAL TARXIEN - SKOLA TAL-PRIMARJA L-ANTIKA

33545. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ l-Ministru jgħid x’użu qiegħed isir mill-Iskola tal-Primarja l-antika f’Ħal Tarxien? Jista’ jgħid ukoll x’sar matul is-sena 2025 jew x’ser isir matul is-sena 2026?

 

07/01/2026

 

ONOR. CLIFTON GRIMA: Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 26273.

 

Seduta Numru 439

02/03/2026

2.3.26

LANQAS TEMMEN!

1. Lil min taqbad tgħidhom dawn l-affarijiet, wieħed jistaqsi? Forsi aħjar, taf f’qalbek taħseb li m’għandekx bżonn tgħidhom, għax il-fatti forsi qed jitkellmu waħedhom. Li pajjiż bħal tagħna qiegħed ibati tant biex isib ftehim fuq Prim Imħallef, b’dak kollu li qed jiġri, ftit jistgħu jifhmuh. Nistaqsi: min jaf il-kapitali Ewropej li aħna membri magħhom, li qed jirċievu regolarment ir-rapporti dwar dak li qed jiġri jum wara l-ieħor f’dak li hu għaddej, x’inhuma jgħidu? Ma tantx naħseb li proprju mixjin ’il quddiem fl-istima li għandna nimxu lejha. Wisq inqas qed nirbħu tant punti fuq il-livell ta’ dak li huwa legalment loġiku u razzjonali. Anzi jidher li qed inkomplu nżidu l-paġni ma’ dak il-manwal li sa issa għadu ma nkitibx.

Il-manwal

2. Hemm diversi kotba tajba li jagħtu direzzjonijiet varji fuq sitwazzjonijiet daqshekk kumplessi ta’ kif il-bnedmin fil-politika għandhom iġibu ruħhom. Tajjeb li tkun taf bihom, iżda daqstant ieħor li taqrahom. Imma sa issa għadu ma ġiex f’idejja l-ktieb li fih il-manwal ta’ dak li l-politiċi m’għandhomx proprju jwettqu. Bħalissa ninsabu xhieda ta’ eżempji varji ta’ kif wieħed m’għandux jaġixxi. Diġà kellna paġni preċedenti marbuta mal-pariri sabiex il-membri fl-Eżekuttiv jiddikjaraw l-assi tagħhom. Fl-ittra tas-6 ta’ Jannar tal-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-pożizzjoni kienet ċara ħafna: motivata, loġika, diretta, u li fil-fatt ġiet injorata. Dik li, b’konsegwenza ta’ dan l-aġir, ftit wara rat ir-riżenja ta’ Ministru proprju fuq dan il-punt.

F’dan, fejn sejrin?


3. Imma f’dan komplejna għaddejjin iktar f’din it-triq u f’ħafna kważi fi sqaq li dħalna fih fejn flok qed insibu s-soluzzjonijiet qed infittxu iktar kumplikazzjonijiet. Il-linja faċli għandha tkun dik ta’ bnedmin li jiltaqgħu u jwettqu għażla fl-interess tal-pajjiż u fl-interess tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Jekk, għal raġunijiet varji, personalitajiet differenti, nuqqas ta’ abbiltà fil-komunikazzjoni jew mossi u kontromossi politiċi ma nistgħux naslu, allura wieħed jista’ jfittex triq oħra. Għax oġġettivament il-pożizzjoni mhijiex daqshekk iebsa biex wieħed jasal. Billi f’dan, terġa’, m’aħniex f’pajjiż fejn għandna eluf jew mijiet ta’ bnedmin li ġew magħżula, ħadu l-ġurament u qed iservu ta’ mħallfin. Inkella qegħdin f’sitwazzjoni fejn dawk li għandna jservu m’aħniex kapaċi ngħarblu l-karattri fl-abbiltajiet varji tagħhom.

Fil-Kostituzzjoni


4. Nistgħu mmorru lejn talba lill-Imħallfin stess sabiex iressqu huma l-proposti tagħhom. Nistgħu naħtru Kummissjoni li tipproponi lista ta’ ismijiet. Nistgħu wkoll sempliċement inħaddmu l-Kostituzzjoni. Naħseb, u għandi nippresumi, li min għandu fuqu r-responsabbiltà tal-poter għandu wkoll il-maturità, l-intelliġenza u d-dixxerniment biex iwettaq dan. Imma jekk dan, kif qed naraw, mhuwiex il-każ, allura hemm bżonn għajnuna esterna. Hemm bżonn, għax is-sitwazzjoni mhijiex proprju serja tajjeb. Il-poplu ma jistax jifhem, salv li qed jara spettaklu li jixtieq ħafna li ma jarax. Iktar u iktar meta flok l-użu tal-proċedura mistennija, fejn wieħed jaqbel internament u jħabbar, issa qegħdin fil-linja l-iktar żbaljata li ssemmi ismijiet u tistenna l-ġudizzju barra.

Prattika ħażina

5. L-Imħallfin ħaqqhom rispett veru fis-sħiħ u mhux f’parti, jew fid-duħħan li joħroġ mill-inċensier. Nittama li nieqfu nsemmu ismijiet ta’ bnedmin serji, qisna qed jiġu nnegozjati fis-Suq tal-Belt. Bnedmin li kull ma jridu huwa s-serenità li jaħdmu, jisimgħu l-kawżi u jiddeċiduhom. F’dan kull persuna għandha x-xewqat tagħha. Uħud iridu jservu bħala Prim Imħallfin u oħrajn li ma jridux, u minn dawn xi wħud forsi jaċċettaw jekk jaraw li hemm qbil politiku u fost il-kollegi tagħhom. Il-Korp tal-Ġudikatura diffiċli biex tibnih u biex tarah jimxi fl-ambjent li ħaqqu. Imma huwa mill-iktar kontra kull raġunament li taqbad bnedmin u tgarahom barra fl-arena tal-medja, bla difiża u esposti għall-irwiefen tal-kritika, ħafna drabi inġusta u bażata fuq aġendi ta’ dawk li ma jidhrux, imma li jixħtu l-ġebel.

Ittra

6. Jekk f’dan kollu kien hemm min ħaseb li ser jipprova: l-ewwel, li ma jistax jasal fi ftehim minħabba l-Oppożizzjoni; u t-tieni: f’dan li għalhekk għandu jkollu f’idejh ‘dead-lock mechanism’ kostituzzjonali, is-sitwazzjoni llum inbidlet ta’ taħt fuq mertu ta’ ittra. Dak li ntqal hemm u bi tweġiba jew reazzjoni, f’demokraziji oħra jbiddlu l-arja politika. Minn dak li qiegħed jidher, is-sitwazzjoni hija ferm iktar iebsa milli wieħed jaħseb. Dak li ngħad hemm ma tantx narah ser itir mar-riħ jekk ma jkunx hemm tweġibiet ċari u sodisfaċenti. F’dan proprju aktar, wisq inqas ix-xenarju ma huwa proprju l-aqwa biex wieħed imur lejn Elezzjoni Ġenerali. Il-poplu mhux ser joħroġ jivvota kontra partit jew ieħor għax ma ġiex magħżul Prim Imħallef. Infakkar biss li jekk xi ħadd irid ibiddel il-Kostituzzjoni, dan għandu bżonn l-appoġġ tal-Oppożizzjoni, li mhijiex sejra tisparixxi.

’Il quddiem

7. L-arja hija kkargata sew, u ħadd mhu jifhem biżżejjed kemm huwa aħjar għal kulħadd, forsi aktar għall-Gvern, li l-affarijiet jikkalmaw. Huwa f’dan prijorità li jkun hemm għażla ta’ Prim Imħallef ġdid sabiex il-Qorti tirreġistra pass ’il quddiem. Mhuwiex xi forma ta’ diżunur, jew xi nuqqas fil-punti politiċi għall-Gvern li jkun hemm ftehim. Anzi, minn dak li qed nara tagħmillu l-ġid jekk isolvi u juri li huwa kapaċi jħaddem tajjeb is-sistema quddiem dak kollu li ġara. Jekk ikun hemm il-qbil, dan, wara li jiġi reġistrat, nazzjonalment iwaqqaf dak li hu għaddej u b’hekk l-attenzjoni tal-pajjiż dwar ħidmet il-Qorti tkun tista’ tgħaddi għal affarijiet oħra.

Nimxu

8. Infakkar, f’dan kollu, li hemm kwistjonijiet politiċi varji li fihom titlef. Hemm oħrajn, li huma inqas, li fihom tirbaħ, u diversi oħra li fihom la tirbaħ u lanqas titlef. Imma f’dan, iktar ma ndumu biex naslu, iktar ser tidher l-inabilità tal-Gvern li jasal u jitlef fl-appoġġ ġenerali tiegħu. Ma nafx, f’dan kollu, lil min nistgħu ngħidu li morna tant lura u li l-bnedmin fuq dawn il-gżejjer tilfu tant l-użu tar-raġuni li ma nistgħux insibu, fost il-ftit Imħallfin li għandna, persuna kapaċi li għandu, jew għandha, l-kunsens kostituzzjonali biex iservi jew isservi. Ngħid iktar f’dan proprju li lanqas tista’ temmen fejn ninsabu!

MA KIENX JAQBEL

1. F’dawn il-ġranet fejn id-dinja tinsab f’mument mill-iktar diffiċli u kkumplikat, m’għandniex ninsew persuna li ħadmet għal dinja aħ...