Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
18.12.25
SENA OĦRA WARAJNA
Politika tas-Serjetà
2. F’dan nagħraf aktar li fl-esperjenza li b’xi mod akkumulajt, volontarjament jew le, hija s-serjetà dik li l-bnedmin ifittxu. Għandna soċjetà mimlija b’maġġoranza ta’ bnedmin li għandhom ir-rieda t-tajba. Dawk li jibqgħu jittamaw fis-sewwa u li l-Istat Demokratiku tagħhom jitmexxa f’din it-triq. Dawk li jaħdmu u jittamaw li qed jiġu mmexxija minn min jaf x’inhuwa jwettaq. Jittamaw li l-affarijiet qed isiru b’passi biex tinbena soċjetà aħjar milli għandna. Uħud jistgħu, għal ftit ħin, jiggustaw bħalma jagħmlu t-tfal żgħar, xi ħmerija. Jistgħu wkoll iħarsu lejn l-apparenzi u l-paraventi li qed jakkumpanjawna. Imma fil-verità jfittxu dejjem iktar li l-affarijiet isiru sewwa u li jaraw li titwettaq il-politika tas-serjetà.
Politika nieqsa mill-passjoni
3. Il-politika titlob ħafna raġuni, loġika, u fuq kollox l-użu razzjonali tal-ideat u tal-imġieba sħiħa. Imma l-poplu jippretendi li dawn ikunu akkumpanjati minn dożi ta’ passjoni li hija waħda umana, mimlija demm u laħam, mhux silġ. Dożi ta’ determinazzjoni u direzzjoni, fejn dak li jingħad ikun qiegħed jitqiegħed fil-kuntest ta’ programm ta’ riforma. Programm ta’ ideat immarkati sabiex wieħed jifhem li min qed iressaqhom ikun qed jagħmel dan mhux għax jaqbillu, inkella għax b’hekk jaħseb li l-oħrajn jarawh sabiħ, imma għax jemmen verament fihom. Il-bnedmin f’dawn il-gżejjer tgħallmu jifirdu l-kategoriji varji tal-klassi politika. Jafu min huwa ġenwin u min mhuwiex. Ifittxu dejjem iktar dak il-melħ politiku fil-moħħ u fil-qalb tal-politiku. M’għandhomx bżonn demagoġija. Iridu biss ideat veri, serji, fejn hemm ġlieda li ssir bl-imħabba u l-impenn veru favur il-proxxmu. Fid-dawl ta’ dak li kien kiteb il-ġenju politiku Luigi Sturzo (1871-1959): “Servire non servirsi. La prima regola del buon politico.” (Li sservi, mhux tisserva. Din hija l-ewwel regola tal-politiku t-tajjeb.)
Politika tal-imitazzjonijiet
4. F’dan aktar hemm dawk li jagħrfu jifirdu l-politiċi minn dawk li jirrepetu dak li wettqu ta’ qabilhom u dawk li le. Dawk li kapaċi jagħrfu li l-politiku ser isib sfidi ġodda li jrid jikkunsidra fid-dawl partikolari tagħhom u dawk li jibqgħu jaħsbu li kollox ser jibqa’ l-istess. Hemm dawk li joqogħdu pass lura, dawk li ma jafux, u dawk li jibqgħu bla direzzjoni salv dik li tawhom oħrajn qabilhom. Imma l-poplu jfittex lil dawk li għandhom l-ideat tagħhom. Dawk li jridu jsibu soluzzjonijiet tal-lum għas-sitwazzjoni preżenti. Dawk li diversi drabi jistaqsu x’qiegħed isir differenti minn dak li sar qabel. Dawk li ma jippretendux rivoluzzjonijiet imma minflok li jsiru passi oħra: l-ewwel, lejn iktar ġustizzja soċjali ma’ dawk li għal xi raġuni jinsabu ’l isfel; u t-tieni, li titfassal viżjoni kostanti tas-soċjetà li qed inħarsu li nibnu li jkollna.
Politika tal-ordni
5. F’dan aktar, fis-serjetà, fl-oriġinalità u f’politika umana hemm sejħa kostanti sabiex fis-soċjetà tirrenja l-ordni. Fejn l-affarijiet isiru kif għandhom fid-dawl tal-ġustizzja, tar-rispett lejn il-libertà u fl-għarfien li kull persuna huwa ugwali. Ugwaljanza fid-drittijiet u d-dmirijiet mingħajr privileġġi jew impunitajiet. Kull bniedem fl-Istat Demokratiku tagħna jrid jitmexxa sewwa, b’dan li l-affarijiet ikunu hekk regolati. Isiru kif għandu jkun fl-interess ta’ kull persuna lejn il-ġid komuni. Illum f’dan, iktar minn qabel, hawn sejħa għall-ordni demokratiku fis-sħiħ tiegħu. Ma’ kull jum, fil-konfużjoni li wieħed jidentifika, fin-nuqqasijiet li wieħed imiss magħhom hemm talba sabiex niġu għal forom siewja ta’ normalità. Il-pożizzjoni mhijiex faċli u diversi għandhom is-sens li l-affarijiet ħarġu mill-idejn. Sija minħabba deċiżjonijiet tal-passat riċenti, kif ukoll minħabba l-inabilità li wieħed isolvi dak li attwalment ġieb fuqu.
Politika li tfittex bidla
6. F’dan aktar niftakar fl-istorja u f’dawk il-mumenti li l-bnedmin sabu ruħhom fihom. Dawk li wieħed irid ikun attent fihom. Dawk li għandhom l-isfidi tagħhom ferm aktar ikkumplikati mill-oħrajn. Fejn il-bnedmin fil-politika jridu jkunu iktar ippreparati. Fejn iridu jifhmu li dak li jridu jaffrontaw huwa ferm ikbar minnhom. Fejn jiftakru kemm l-umiltà mhux biss hija gwida imma hija element essenzjali sabiex tifhem kemm tista’ li bil-pożizzjoni, u b’dak li għandek għad-dispożizzjoni tiegħek, issolvi. Fejn, fuq kollox, f’dan issib ruħek f’dawk il-mumenti li jew jinkurunaw jew inkella jiddemolixxu, però li fil-fatt, xorta jgħallmu. Imexxuk sabiex tagħraf il-bidla li trid verament issir u mhux dak li stajt ħsibt li hija.
Politika mġedda
7. F’dan nifhem li jista’ jkun hemm min joġġezzjona għal din il-linja ta’ ħsieb. Jista’ jkun li hemm min jiddejjaq li tmisslu l-kuxjenza forsi rieqda, inkella li tressaq alternattiva għal dak li huwa għaddej. Kif jgħidu llum, napprezza l-punt, imma ma narax li huwa dmiri li nibqa’ nħalli kollox għaddej. Iktar u iktar f’moda stramba li flok tibni bilanċ bejn sustanza u immaġini, trid tiddependi biss fuq tat-tieni. Illum iktar mill-bieraħ hemm sejħa mill-poplu sabiex ikollna iktar serjetà, iktar attenzjoni u bnedmin eletti għall-bnedmin. Waqt li nħares lura lejn dak kollu li seħħ nista’ biss niddikjara mill-ġdid li l-politika vera hija neċessità naturali għalina lkoll u għalhekk titlob ħidma kollettiva, għax ma tistax taħrabha. Waqt li nħares lejn dak li għadda minnu pajjiżna, dak li għadda minnu l-Partit li nimmilita fih, nista’ biss inkun aktar konvint mill-pożizzjoni tiegħi. Proprju quddiem il-fatt li għaddiet sena oħra li tinsab warajna, nittama li jkun hemm min jifhem u jibdel għax il-politika hija, minna nfisha, serjetà.
MINISTERU GĦALL-KULTURA, L-ARTIJIET U L-GVERN LOKALI - FONDI U PROGRAMMI TAL-UNJONI EWROPEA
32748. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32347 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32107 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, jista’ l-Ministru jgħid minn liema fondi u programmi tal-Unjoni Ewropea bbenefikaw il-Ministeru, id-dipartimenti u l-aġenziji relattivi tul dawn l-aħħar tliet snin u jindika l-ammont finanzjarju u komplessiv għalihom?
27/11/2025
ONOR. STEFAN ZRINZO AZZOPARDI: Ninforma lill-Onor.
Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Seduta 421
15/12/2025
MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA FONDI U PROGRAMMI TAL-UNJONI EWROPEA
32747. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32346 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32106 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, tista’ l-Ministru tgħid minn liema fondi u programmi tal-Unjoni Ewropea bbenefikaw il-Ministeru, id-dipartimenti u l-aġenziji relattivi tul dawn l-aħħar tliet snin u tindika l-ammont finanzjarju u komplessiv għalihom?
27/11/2025
ONOR. STEFAN ZRINZO AZZOPARDI: Ninforma lill-Onor.
Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Seduta 421
15/12/2025
MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI - FONDI U PROGRAMMI TAL-UNJONI EWROPEA
32746. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32345 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32105 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, jista’ l-Ministru jgħid minn liema fondi u programmi tal-Unjoni Ewropea bbenefikaw il-Ministeru, id-dipartimenti u l-aġenziji relattivi tul dawn l-aħħar tliet snin u jindika l-ammont finanzjarju u komplessiv għalihom?
27/11/2025
ONOR. STEFAN ZRINZO AZZOPARDI: Ninforma lill-Onor.
Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Seduta 421
15/12/2025
MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL – FONDI U PROGRAMMI TAL-UNJONI EWROPEA
32745. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32355 u ċjoè: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 32115 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, jista’ l-Ministru jgħid minn liema fondi u programmi tal-Unjoni Ewropea bbenefikaw il-Ministeru, id-dipartimenti u l-aġenziji relattivi tul dawn l-aħħar tliet snin u jindika l-ammont finanzjarju u komplessiv għalihom?
27/11/2025
ONOR. STEFAN ZRINZO AZZOPARDI: Ninforma lill-Onor.
Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Seduta 421
15/12/2025
MINISTERU GĦALL-FINANZI – FONDI U PROGRAMMI TAL-UNJONI EWROPEA
32744. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32354 u ċjoè: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 32114 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi, jista’ l-Ministru jgħid minn liema fondi u programmi tal-Unjoni Ewropea bbenefikaw il-Ministeru, id-dipartimenti u l-aġenziji relattivi tul dawn l-aħħar tliet snin u jindika l-ammont finanzjarju u komplessiv għalihom?
27/11/2025
ONOR. STEFAN ZRINZO AZZOPARDI: Ninforma lill-Onor.
Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Seduta 421
15/12/2025
MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INTRAPRIŻA U PROĠETTI STRATEĠIĊI – FONDI U PROGRAMMI TAL-UNJONI EWROPEA
32743. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32353 u ċjoè: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 32113 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, jista’ l-Ministru jgħid minn liema fondi u programmi tal-Unjoni Ewropea bbenefikaw il-Ministeru, id-dipartimenti u l-aġenziji relattivi tul dawn l-aħħar tliet snin u jindika l-ammont finanzjarju u komplessiv għalihom?
27/11/2025
ONOR. STEFAN ZRINZO AZZOPARDI: Ninforma lill-Onor.
Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Seduta 421
15/12/2025
L-AKBAR THEDDIDA
Il-Paċi u l-Gwerra
2. Il-Papa Ljun XIV, tul din il-ġimgħa, fl-10 ta’ Diċembru ddikjara ċar ħafna li ħajja u mewt huma sinonimi ma’ paċi u gwerra. Il-konflitti bejn l-Istati ma jwasslu mkien, salv għal iktar imwiet u iktar distruzzjoni. Fl-istess ħin huma mumenti fejn il-proċess tal-iżvilupp uman imur lura. Mhux biss minħabba l-fatt li hemm infiq u tberbiq ta’ flus fejn m’għandux ikun, imma għax il-prijoritajiet ikunu biss fuq l-aspetti militari, mhux soċjali. Kull min jaqra l-istorja jagħraf li mill-ewwel gwerra dinjija, it-telf finanzjarju għad-dinja ma nġiebx lura. Intilfu riżorsi umani u ekonomiċi li permezz tagħhom id-dinja ma saritx aħjar imma baqgħet tbati mid-diffikultajiet biex iġġib l-affarijiet lura. Il-gwerra għandha lil dawk li jilludu ruħhom qabel jidħlu fiha. Wara, matulha u fi tmiemha jmissu “rebbieħa” jew “telliefa” mal-konsegwenzi. Ma ġġibx lura s-soċjetà taħdem kif kienet qabel jew f’dak li tista’ tkun dak il-ħin.
Drittijiet Universali
3. Tul din il-ġimgħa ċċelebrajna d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dak li seħħ permezz ta’ sforz kbir ta’ diversi Stati fi ħdan il-Ġnus Magħquda fl-1948 jibqa’ magħna. Però, kemm huwa rispettat, ħafna drabi jiddependi minn ħidmietna. Dawn id-drittijiet huma miktuba u jeżistu. Mhumiex dawk li ngħataw mill-Istati. Huma hemm. Twelidna bihom u huma rikonoxxuti leġittimament. Biss, illum il-ġurnata, wara tant snin u esperjenzi umani, nibqgħu nagħrfu li f’pajjiżi varji dawn id-drittijiet mhumiex protetti u lanqas imħaddma. Anzi, hemm dejjem iktar it-tentazzjoni li jiġu injorati u mwarrba. Dan fil-mewġa ta’ awtokrazija li daħlet tipprova tiddomina żbaljatament lid-dinja bil-passi varji tagħha.
Dittatorjati
4. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija nibet l-għarfien ċar tal-ħsara li saret mill-Faxxiżmu u n-Nażiżmu fiċ-ċaħda tagħhom tad-demokrazija, id-dinjità u d-drittijiet umani. Welldet ukoll il-bżonn ta’ politika internazzjonali favur it-tisħiħ tad-demokraziji, għaliex dawn huma garanziji għall-bniedem. Kontra kull gwerra u favur l-istabilità tal-paċi. F’dawn ix-xhur, sfortunatament qed naraw diskorsi minn diversi bnedmin li qed jippruvaw jibdlu dan kollu. B’mod partikolari l-forma ta’ alleanza indiretta li qed tidher kontra d-demokrazija u dak li l-Unjoni Ewropa tirrappreżenta. Qed jiġi lura fuq l-ilsien diskors simili għal dak li Hitler u Mussolini kienu jiddikjaraw, u li l-istorja wriet li kienu żbaljatissimi. Hija mewġa ta’ propaganda ta’ ideat li huma kuntrarji għal dak li aħna llum u għal dak li jidentifikana.
Difiża
5. F’dan huwa iktar ċar li din it-theddida trid issibna iktar sodi f’dak li naħsbu u f’dak li nwettqu. M’għandniex ngħaddu minn dak li għaddejna, u lanqas nippermettu li jsiru l-atroċitajiet li għalihom qiegħed jitbexxaq il-bieb. Irridu nassiguraw li fis-soċjetà tagħna u f’dik Ewropea jkun hemm iktar l-għarfien li nimxu ’l quddiem għax aħna f’demokrazija fejn id-drittijiet umani huma protetti. Jekk ma nkunux dawk li huma konvinti u li aħna stess aderenti għalihom inkunu qed nagħtu saħħa lil din it-theddida. M’għandniex, la nibqgħu lura u wisq inqas nitilfu l-vuċi tagħna sabiex naffermaw li aħna, sija fil-kitba, kif ukoll fil-prattika, hekk aħna. Ibda minn min għandu f’idejh ir-responsabbiltà tal-poter u ibqa’ nieżel f’kull parti u rokna tas-soċjetà tagħna.
Pajjiżna
6. Nistgħu niddikjaraw ħafna, imma jekk ma nassigurawx formazzjoni politika u ċivika soda nkunu qed inżarmaw li għandna. F’dan, il-politika għandha iktar sehem attiv. M’għandhiex tibqa’ lura milli jkollha ideat ċari f’dak li temmen u f’dak li trid twettaq. F’dak li ħajjar lill-Papa li jiddefendi l-prinċipji etiċi u l-mudelli ta’ ħsieb li l-patrimonju intellettwali tal-Ewropa Nisranija għandu. Dawk li huma essenzjali biex wieħed jiddefendi: “... i diritti divinamente conferiti e il valore intrinsico di ogni persona umana, dal concepimento alla morte naturale.” Punti ċari li jibqgħu dawl għalina li nagħrfu kemm huwa faċli tmur lura u titlef dak li diġà għandek. Proprju issa li ninsabu f’dinja fejn l-aġenda ta’ dawk li jiddominaw mhijiex favur dak li aħna, nittamaw li nagħrfu fis-sħiħ din l-akbar theddida u nippreparaw irwieħna għaliha.
IL-GUDJA - PROBLEMA TA’ ĦAMIEM
32669. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jara jekk huwiex possibbli li tinstab soluzzjoni għall-problema tal-ħamiem li hemm preżentement fil-lokalità tal-Gudja?
25/11/2025
ONOR. OWEN BONNICI: Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Seduta 419
09/12/2025
IL-BIRGU - PARTI TA’ SANT ANĠLU - DE GUIRAL BATTERY
32668. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31439, jista’ l-Ministru jgħid f’liema pożizzjoni jinsabu d-diskussjonijiet interni dwar il-parti magħrufa bħala d-De Guiral Battery taħt Sant Anġlu fil-Birgu, imsemmija fl-istess tweġiba?
25/11/2025
ONOR. OWEN BONNICI: Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li kienet ingħatat fil-mistoqsija parlamentari 31439 fejn għadhom għaddejin diskussjonijiet interni.
Seduta 419
09/12/2025
ARKIVJU NAZZJONALI ĠDID
32667. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20308 u l-wegħda elettorali li jkun hemm arkivju nazzjonali ġdid f’Ta Qali, jista’ l-Ministru jgħid x’qiegħed isir biex dan iseħħ?
25/11/2025
ONOR. OWEN
BONNICI: Ninsab infurmat li wara li s-sit f’Ta’ Qali ingħaqad
fi proġett akbar għaż-żona f’Ta’ Qali, kif weġibt f’istanzi oħra, ġew esplorati
numru ta’ siti bil-għan li jiġi identifikat sit idoneju li jissodisfa r-rekwiżi
tekniċi u jitjieb l-aċċess tal-pubbliku u jixpruna l-interess lejn dan
il-proġett u x-xogħol tal-Arkivju Nazzjonali u bħalissa għaddej l-istudju fuq
sit partikolari biex ikun verifikat jekk il-binja ta’ Arkivju Nazzjonali ġdid
tistax issir hemm.
Seduta 419
09/12/2025
ARKIVJU NAZZJONALI ĠDID
32666. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20308 u l-wegħda elettorali li jkun hemm arkivju nazzjonali ġdid f’Ta Qali, jista’ l-Ministru jgħid x’qiegħed isir biex dan iseħħ?
25/11/2025
ONOR. STEFAN ZRINZO AZZOPARDI: Nirreferi lill-Onor. Interpellant lill-Ministru kkonċernat
Seduta 419
09/12/2025
IL-GUDJA - PROBLEMA TA’ ĦAMIEM
32665. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31453, jista’ l-Ministru jara jekk huwiex possibbli li tinstab soluzzjoni għall-problema tal-ħamiem li hemm preżentement fil-lokalità tal-Gudja?
25/11/2025
ONOR. JO ETIENNE ABELA: Nirreferi lill-Onor.
Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32663.
Seduta 419
09/12/2025
RAĦAL ĠDID - PROBLEMA TAL-ĦAMIEM
32664. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 30578, 31455 u 31708, jista’ l-Ministru jara jekk huwiex possibbli li tinstab soluzzjoni għall-problema tal-ħamiem li hemm preżentement fil- lokalità ta’ Raħal Ġdid?
25/11/2025
ONOR. OWEN
BONNICI: Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel
il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Seduta 419
09/12/2025
9.12.25
FIT-TRIQ IT-TAJBA
Fejn jinsab il-poter
2. Min għandu r-responsabbiltà politika li qed nitkellmu fuqha għandu jagħraf li huwa mxekkel, naturalment, minn numru ta’ raġunijiet. B’dak li huwa mdawwar, bl-unuri, bil-pompa, bil-parati, ċerimonjali varji, bis-sigurtà li trid tipproteġih, bil-ħajja differenti, jaf iktar jagħraf li jrid jikkumbatti kontra l-irrealtà tal-pożizzjoni. Min għandu l-poter f’idejh jispiċċa ‘neċessarjament’ maqtugħ mill-ħajja normali tal-bnedmin fl-attivitajiet soċjali tagħhom. Anzi aktar ma huma kbar il-poteri, aktar isib ostakli f’dak li jaħseb li hija triqtu. Isib ruħu jikkumbatti l-fatt li biċċa biċċa qegħda titnaqqaslu l-konoxxenza tad-dinja li hemm madwaru. Dik li l-fatti veri mhumiex iktar għad-dispożizzjoni tiegħu. F’dan hemm min jaħseb li l-poter veru li jibdel mhuwiex fil-ministeri varji imma fil-kurrenti ta’ ideat spiritwali u materjali li jkunu qegħdin iċaqalqu s-soċjetà.
Viċin il-poplu
3. Iktar u iktar meta nagħrfu li l-istatistika li tipprova tiġbor il-fatti veri għandha l-fallaċji tagħha. Il-marġini ta’ żball u l-varjetà li jibdlu kollox ’il fuq jew ’l isfel jitqegħdu fil-ġenb u wieħed jipprova jikkonċentra fuq dak li jidher li qiegħed jagħmel sens fil-massa ta’ informazzjoni. Mhux biss, imma dawk li jiġbru d-data jużaw sistemi differenti u jiltaqgħu ma’ bnedmin differenti li minnhom joħorġu direzzjonijiet daqshekk ieħor varji. Il-bniedem, jagħmel x’jagħmel, jaf li għandu diffikultà biex jidentifika l-pożizzjoni vera sħiħa. Iktar u iktar min qiegħed fil-poter, li jrid iżomm lill-poplu jaħseb li huwa għandu l-istampa ċara quddiemu u li allura ‘kapaċi’ jagħmel id-deċiżjonijiet it-tajba għal kulħadd. Storja li min qiegħed fil-poter isib li jrid isostni, anki jekk f’qalbu mhuwiex daqshekk konvint dwarha. Imma r-realtà, jingħad x’jingħad dwarha, hija proprju li kull min qiegħed fil-poter politiku jrid jaġixxi fil-parametri u l-limitazzjonijiet ta’ din il-pożizzjoni.
Wieħed jammira
4. Proprju f’dan wieħed irid jammira dak li qiegħed indirettament isir biex il-linja tiġi ddrittatha. L-iktar mill-gazzetti li fil-limitazzjonijiet ekonomiċi u l-kumplikazzjonijiet li għandhom biex joperaw qegħdin iżommu kuntatt dirett mal-poplu. L-istħarriġ tal-opinjonijiet li jsir kontinwament huwa eżerċizzju demokratiku li jisfida l-illużjoni li ħaddieħor irid. Anzi qiegħed ikun ta’ kontroll fuq il-partiti politiċi sabiex jibdlu dak li l-elettorat li jirrappreżentaw irid mingħandhom. Mhux biss, imma f’dan id-domanda li ssir, avolja hija kundizzjonata fil-konformitajiet tagħha, hija xorta ċertament utli u tiftaħ l-għajnejn. Ngħid kundizzjonata għax hija bażata mhux f’dak li l-poplu jrid jesprimi bħala opinjoni, jew messaġġ lejn min imexxih li jiġi identifikat b’kuntatt dirett ma’ dawk li jivvutaw, imma f’forom ta’ kunċetti pre-stabbiliti, inkella aqwa, Brusseljani.
Proprju fuq dan
5. Proprju fuq dan li l-politiċi f’pajjiżna jridu jimxu. Jifhmu l-arti vera tal-politika li tirrappreżenta l-volontà popolari. Limitazzjoni li hija iktar diffiċli fil-‘kumdità’ apparenti li tħalli lir-Raba’ Pilastru lura milli jeżerċita kif għandu l-mestier tiegħu, fejn f’dan hemm inqas ‘fatti’ u opinjonijiet bażati fuq il-ħajja li huma għad-dispożizzjoni. Sfortunatament, f’dawn l-aħħar xhur ir-reazzjonijiet politiċi jistgħu faċilment jiġu identifikati minn fejn ġejjin u għaliex iktar fejn jaħsbu li sejrin fuq deċiżjonijiet meħuda fuq parti mill-fatti. Iktar u iktar mill-kumplikazzjonijiet inutili li daħħal il-Gvern stess fuq jekk għandux jew jekk huwiex ser imur għal elezzjoni ġenerali qabel żmienha. Sqaq dejjaq li daħħal lilu nnifsu fih u li wieħed jifhem għala hemm min issa, f’din is-sitwazzjoni, irid joħorġu minnu malajr. Proprju għax l-indikazzjoni hija dejjem li jekk il-Partit Laburista jmur għall-elezzjoni qabel, allura għandu problemi interni jew qed jaħbi oħrajn li jafhom hu biss. Iktar u iktar fl-isfond evidenti li bil-limitazzjonijiet tal-istħarriġ hemm ċar li l-vot sejjer, biċċa biċċa, kontra l-Gvern. Il-bażi elettorali għalih qegħda titnaqqas u tittiekel. Wara din it-tielet leġislatura, il-poplu qiegħed inaqqaslu mill-appoġġ, u f’dak li huwa evidenti, din id-darba fir-referendum elettorali ser ikun hemm prinċipalment id-domanda jekk il-Gvern għandux jibqa’ hemm.
Proċess inevitabbli
6. F’dan iktar hemm l-għarfien li fil-pajjiż hawn għatx kbir għall-politika ta’ sustanza. Il-Gvern qiegħed jipprova juri li għadu mimli b’vitalità ta’ ideat u viżjoni mmexxi minn dawk li jafu, imma fil-fatt il-poter ġieb iktar il-politika li fiha huwa importanti kif tamministra, iktar milli kif tħares lejn proġetti futuri. Illimitata iktar sabiex ma turtax u tibqa’ żżomm f’postha l-maġġoranza li bnejt fuq il-kunċett tal-alleanza tal-affluwenti. Hemm forom ta’ konsolidazzjoni fil-konservattiviżmu li qiegħed jemerġi. Sfida iktar diffiċli proprju għax it-tastieri li ġew magħfusa qabel kontra l-Partit Nazzjonalista llum m’għadhomx applikabbli iktar. Sija għax il-pajjiż xeba’ minn dik ir-retorika, kif ukoll għall-fatt li hemm bidliet fil-Partit. F’dan hemm min għadu jaħseb li hija biss l-immaġini, il-paraventu li jgħoddu fil-politika tagħna. Sempliċi attività jew ritratti kommoventi, imma l-verità hija l-kontra. Hija s-sustanza politika fl-ideat u fil-kunċetti li hemm sejħa u karba elettorali għaliha. Dik hija li tagħmel il-ħidma u tfassal it-tmexxija tal-Istat fit-triq it-tajba.
KIF ISSIR IL-POLITIKA
Tfittex
2. F’dan huwa proċess ta’ tfittxija sabiex wieħed jifhem aħjar dak li seħħ, u iktar, dak li fil-fatt qiegħed jiġri quddiemek. Dak li tara, tisma’ u taqra tipprova tagħtih spjegazzjoni loġika u umana. Dan iktar f’dak li jwettqu dawk li għandhom il-poter f’idejhom. Anzi f’demokrazija l-lezzjoni ċara li huma dawk li għandhom ir-responsabbiltà tat-tmexxija tal-poter tal-Istat. Mhux dominanza, imma servizz. F’dan rajt u qrajt dwar dan is-suġġett. Nibqa’ nemmen li apparti l-fatt li s-suġġett jinteressani sew, hija parti minn dmirijieti bħala deputat li nibqa’ naqra u nsegwi. Dak li jaħsbu li għandhom ideat ċari fuq kollox isibu li dan mhuwiex minnu. Trid tifhem, u tibdel. Tibni mill-ġdid u tirfina wkoll dak li taħseb u dak li tara li huwa l-aħjar fis-soċjetà li għandna.
Kif issir aħjar
3. Il-proġett kostanti huwa u għandu jibqa’ jkun għalina kif wieħed jista’ jgħin sabiex ikun jista’ jaġixxi biex il-poplu jgħix f’dinja aħjar. Hemm min jaħseb li dan jista’ jwettqu bi proġetti kbar li fihom kulħadd irid jieqaf jammirah jew jitkellem dwaru. Dak li dawn jaħsbu li ser inaqqaxhom fl-eternità storika, fejn kulħadd irid jirrikonoxxi ħidmietu. Fil-fatt, l-esperjenza kostanti turi li huma passi ferm iżgħar li jagħmlu d-differenza. Anki jekk dawn ma jingħatawx importanza pubblika, xorta ħaqqhom isiru, għax jibdlu verament. Mhux biss, imma meta tħares lejn l-istorja tal-bniedem tifhem iktar kemm dan huwa minnu u l-proġetti l-kbar, apparti milli jieħdu żmienhom biex isiru, mhux dejjem jispiċċaw minn dawk li jibdewhom.
Bnedmin varji
4. F’dan sibtni naqra l-ktieb tal-istoriku u politiku Taljan Pietro Melograni (1930-2012). Bniedem interessanti ħafna. Beda l-karriera politika tiegħu fi ħdan il-Partit Komunista Taljan fl-1949. Dan sakemm fl-1956, bir-repressjoni Sovjetika fl-Ungerija u bħala firmatarju tal-Manifest tal-101 kontra dan, minħabba l-pożizzjoni li kien ħa l-istess Partit, irriżenja. Wara għamel tletin sena fid-dinja akkademika, jistudja u jikteb b’mod partikolari dwar erba’ suġġetti. L-ewwel, il-politika tul l-ewwel gwerra dinjija; it-tieni, l-Faxxiżmu; it-tielet, il-Komuniżmu; u r-raba’, numru ta’ kompożituri. Qara sew diversi dokumenti u kitbietu huma minjiera analitika ta’ informazzjoni li ftit qraw jew kollhom aċċess għalihom. Iktar interessati li fl-1996 ġie elett fil-lista indipendenti ta’ Forza Italia, il-partit fiċ-ċentru lemin ta’ Silvio Berlusconi (1936-2023).
Kotba
5. Għalhekk huwa fil-fatt ripositorju ta’ informazzjoni u esperjenzi diretti ħafna. Dawk li jittrasmetti aktar proprju għax il-kitba tiegħu hija mmexxija minn pinna tajba ħafna u ma tixbax jew tieqaf taqrah. F’dan iktar, però, hemm tlieta partikolari li laqtuna. L-ewwel Storia politica della Grande Guerra (1969); it-tieni, Saggio sui Potenti (1977); u t-tielet, Fascismo, Comunismo e Rivoluzione Industriale (1984). F’dawn il-jiem ikkonċentrajt iktar u qrajt Saggio sui Potenti. Ktieb li jimmerita attenzjoni partikolari għax jeżamina analitikament dak li wettqu diversi mexxejja fl-istorja. Jibda mill-illużjoni li diversi jikkontivaw li d-dinja tibda u tispiċċa magħhom. Jitkellem fuq l-injoranza tagħhom, fuq il-poter tal-ekonomija magħhom u fuqhom u l-fissazzjoni li jibnu palazzi u monumenti li jibqgħu xiehda warajhom tal-kobor tagħhom.
Spjegazzjoni
6. Il-linja kontinwa tal-awtur hija dik li quddiem id-debbulizzi u d-difetti li kellhom diversi mexxejja jidentifika, jispjega u f’ħafna jipprova jsib u jifhem xi jmexxi l-istorja tad-dinja. Fil-fatt, il-ktieb huwa proċess politiku lil diversi, kif ukoll kontra l-ideat li ssoltu jakkumpanjaw lil dawk ikkunsidrati kapijiet. Il-ktieb jiftaħ hekk: “Gli uomini, infatti, divinizzano troppo spesso il potere. Attribuiscono ai capi una facoltà pressoché illimitata di modificare la storia del mondo. Immaginano che i governanti esercitino un pieno controllo sulla politica, sull’economia, sulle burocrazie, sugli apparati militari. Ma si ingannano. La realtà del potere è diversa dalle apparenze.” (Il-bnedmin, fil-fatt, wisq drabi jqegħdu fuq pedestall il-poter. Ħafna drabi jagħtu lill-kapijiet poter illimitat li bih jibdlu l-istorja tad-dinja. Jimmaġinaw li l-governanti għandhom poter mingħajr limitu fuq il-politika, l-ekonomija, il-burokrazija u fuq il-militar. Imma jidħku bihom infushom. Ir-realtà tal-poter hija kompletament differenti mill-apparenzi.)
Punt
7. Difatti dawn huma punti li ssibhom magħna llum. L-awtur ikompli fuq din it-tema u jkompli hekk: “Il potere risiede fuori dai palazzi dei capi, nelle grandi forze spirituali e materiali che si agitano nelle società.” (Il-poter qiegħed barra mill-palazzi tal-kapijiet, imma fil-forzi kbar spiritwali u materjali li jċaqilqu s-soċjetà.) U jżid: “Questa realtà stenta a essere conosciuta poiché la grande maggioranza degli uomini vuole essere ingannata sulla natura del potere.” (Din il-verità ftit hija magħrufa billi l-maġġoranza kbira tal-bnedmin iridu jiġu ngannati fuq in-natura vera tal-poter.) L-awtur ma jaffermax biss dan imma wara jgħaddi sabiex janalizza dak li wettqu diversi mexxejja bħal Stalin, Hitler u Mussolini. Minnhom wieħed jifhem iktar kemm jekk m’għandux raġun fis-sħiħ għandu punt mill-iktar validu ta’ kif issir il-politika.
IŻ-ŻMIEN LI ĠEJ
Mess magħha
2. F’dan huwa indikattiv li tul din il-ġimgħa l-Gvern, fl-aġenda parlamentari tiegħu, għażel li jkollna dibattitu fuq il-liġi li ż-żewġ naħat tal-Kamra jaqblu magħha. Suġġett politiku ‘newtralissimu’ li wħud daħlu biex jesprimu approvazzjoni għalih. Għax għalkemm l-abbozz seta’ kien ippreparat aħjar u seta’ wkoll ikun hemm diskussjoni mal-Oppożizzjoni dwaru, xorta bażikament hemm punti ta’ konverġenza f’li tiddikjara s-27 ta’ Diċembru bħala l-Jum li fih għandna nfakkru u niċċelebraw l-Innu Nazzjonali tagħna. Dak l-Innu li ilu jindaqq mill-1922 b’saħħa u identità nazzjonali. Kif l-istess il-kwistjoni tad-dikjarazzjoni tal-Belt Valletta bħala l-belt kapitali tal-pajjiż. It-tnejn fil-Kostituzzjoni tagħna u li għalihom hemm qbil.
Jekk kellhiex
3. Indipendentement jekk kellhiex issir jew le, issa huwa ċar li l-Gvern fehem li għandu bżonn jibdel l-aġenda nazzjonali. Dan fid-dawl tal-fatt li l-kampanja ndirizzata sabiex tindika l-Budget bħala l-aqwa u l-aħjar li qatt sar, u għalhekk mument ta’ ċelebrazzjoni, ma rnexxietx wisq. Punt li jrid jingħad kull sena, jiġi pruvat u daqqa għal raġuni u daqqa għal oħra, imut wara ftit jiem. Din id-darba wara ġimgħa, proprju għax il-Gvern stess aġixxa sabiex involontarjament jibdel huwa stess l-aġenda. Iktar u iktar b’imġieba ta’ bnedmin fil-poter li mhumiex id f’id ma’ dak mistenni minnhom. Imma, kif nafu, kull gvern jaħseb li jista’ jikkontrolla kollox, inkluż dak li jaħsbu l-bnedmin. Għax huwa hekk, dħalna f’din il-fażi differenti, forsi inqas konfrontattiva, li hija sinjal ta’ direzzjoni li wieħed għandu jżomm quddiemu, nittamaw għall-futur.
Ċpar politiku
4. Ħafna mumenti, fid-dibattitu qawwi li jsegwi fuq ħwejjeġ li fil-verità huma trivjali, u dan fis-sens li m’għandhomx effett fuq il-ħajja tal-bnedmin fuq dawn il-gżejjer, iqum it-trab. Dak li ma jħallix lil kulħadd iħares ’il quddiem u jifhem x’inhuma l-isfidi li s-soċjetà tmiss magħhom. Mentri meta d-diskussjoni ssir b’mod iktar viċin iċ-ċiviltà u l-użu tar-raġuni oġġettiv, l-arja tiċċara. Dan, f’moħħ uħud, daqqa jaqbel lill-Gvern u daqqa le. Imma dejjem jaqbel lill-poplu, li jsir jaf il-fatti u jkun kapaċi jifhem u jqis dak li huma l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tas-sitwazzjoni. L-Oppożizzjoni ngħid li wkoll għandu jkollha iktar interess li jkun hemm djalogu politiku u li dan isir fil-qies tad-demokrazija. Użu tal-moderazzjoni, u f’dan proċess sabiex wieħed jifhem iktar il-pożizzjoni vera tal-affarijiet, il-fatti konkreti li l-Istat ma jiddikjarax.
Waqt li niġbru
5. F’dan, wieħed irid jifhem iktar l-arja politika u soċjali preżenti. Dan iktar fil-linja li kif inbena lura fis-snin, ser isiru numru ta’ ġabriet intenzjonati sabiex jgħinu lil dawk li jinsabu fi stat inqas minn oħrajn. Dawk li l-Istat Soċjali tagħna, bil-kumplikazzjonijiet tiegħu, ma jilħaqx. Dawk li ma jissemmewx imma li jinsabu hemm. Dawk li huma moħbija għax hekk iridu, jew inkella għax ħadd ma jidentifikahom salv dawk li jsibu lil min iħabbat il-bibien tagħhom. Anki jekk m’hemmx il-figuri ċari, u anki jekk hemm miljuni vvutati, xorta hemm bnedmin li jsibu li jridu jikkumbattu iktar minn oħrajn biex jgħixu jew biex ikollhom forma ta’ dinjità fl-eżistenza tagħhom. Huwa pass iktar ’il quddiem fl-iżvilupp tal-ġustizzja soċjali legali.
Dawk li huma fil-ġenb
6. Meta tkun fil-Gvern huwa proċess ‘normali’ li tinqata’ minn mal-poplu. L-eżistenza tiegħu sabiex permezz tagħha jkun jista’ jifhem dak li għaddej verament tonqos sew. Ħafna drabi jaġixxi fuq il-memorja passata ta’ dak li ra, ġarrab hu u oħrajn. Wara, biċċa biċċa, dik il-viċinanza ssir distanza. Proprju f’dan iktar ngħid li min għandu l-poter f’idejh irid jilbes iktar umiltà u jrid iktar bnedmin li jgħaddulu lura r-realtà li nqata’ minnha. Jekk ser insibu diversi li jitolbu iktar flus għal dawk li għandhom iktar bżonn, dan proprju minnu nnifsu jfisser li hemm bżonn naraw kif il-ġid komuni qiegħed jitqassam. Fejn huma l-prijoritajiet tagħna u kif qed nibnu l-aġenda politika nazzjonali tagħna.
Għad għandna
7. Il-mediċina, fl-iżvilupp tagħha, hija kważi konsegwenza li aktar ma tavvanza iktar ser toffri kuri. Imma hemm prezz. Għax nafu li dawn, ħafna minnhom jiswew sew u huma barra minn dak li qiegħed joffri l-Istat. Anke jekk hemm dawk li b’xi mod jorqdu u jqumu taħt saqaf dan ma jemmnuhx, il-fatt hu li għandna iktar bnedmin li m’għandhomx saqaf fuq rashom. Dawk li jorqdu fil-karozzi jew fejn isibu. It-tnejn huma l-isfidi moderni f’dan l-ewwel kwart tas-seklu li tajjeb li jiġu diskussi u ndirizzati. Jeżistu, u allura jridu jiġu kkunsidrati b’mod oġġettiv. Huwa proċess li jitlob mingħandna li nħarsu lejh. Il-fatt li mhuwiex diskuss politikament ma jfissirx li ma jeżistix.
Nibqa’ nemmen
8. F’dan nibqa’ nemmen fil-politika t-tajba. Dik li kapaċi tibdel il-ħajja tal-bniedem. Dik li tħares ’il quddiem biex tifhem u taffronta sewwa l-affarijiet. Nibqa’ nemmen fil-forza tal-pinna li twassal il-messaġġ u tqanqal il-punt. Għax tul dan ix-xahar, mingħajr ma nafu qed immissu ma’ dik li hija l-fruntiera l-ġdida għall-Istat Soċjali tagħna. Dak li għaddejjin minnu għandu jkun lezzjoni għal Gvern differenti li jaqbad linja oħra ta’ kif taffronta problemi bħal dawn. Dak li huwa bażikament fil-pedament. Dak li ser ikun mistenni mill-Partit Nazzjonalista fiż-żmien li ġej.
4.12.25
RAĦAL ĠDID - PROBLEMA TAL-ĦAMIEM
32663. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 30578, 31455 u 31708, jista’ l-Ministru jara jekk huwiex possibbli li tinstab soluzzjoni għall-problema tal-ħamiem li hemm preżentement fil-lokalità ta’ Raħal Ġdid?
25/11/2025
ONOR. JO ETIENNE ABELA: Ninsab infurmat li fiż-żmien
li ġej id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ser iniedi programm, sabiex
jitnaqqas l-ammont ta’ ħamiem salvaġġ madwar il-lokalitajiet f’Malta u Għawdex.
Seduta 418
03/12/2025
RAĦAL ĠDID - PROBLEMA TAL-ĦAMIEM
32662. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 30578, 31455 u 31708, tista’ l-Ministru tara jekk huwiex possibbli li tinstab soluzzjoni għall-problema tal-ħamiem li hemm preżentement fil-lokalità ta’ Raħal Ġdid?
25/11/2025
ONOR. MIRIAM DALLI: Nirreferi lill-Onor.
Interpellant għat-tweġibiet li diġà tajtu għall-mistoqsijiet parlamentari 30578
u 31708.
Seduta 418
03/12/2025
IŻ-ŻEJTUN - TRIQ SANTA KATERINA - XOGĦLIJIET
32661. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika: Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet għaddejjin fi Triq Santa Katerina, fiż-Żejtun u kemm huwa mistenni li jdum għaddej dan ix-xogħol?
25/11/2025
ONOR. MIRIAM DALLI: Ninforma lill-Onor.
Interpellant li x-xogħlijiet mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jinvolvu
tibdil fil-mejn tal-ilma li għaddej minn ġo Triq Santa Katarina. Dan se jwassal għal titjib fil-kwalità
tal-mejn kif ukoll fil-kapaċità. Tul
l-andament tax-xogħlijiet il-Korporazzjoni se tkun qed tevalwa jekk hemmx bżonn
ukoll li jinbidlu xi manholes u manhole slabs.
Dan ix-xogħol huwa ppjanat li jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.
Seduta 418
03/12/2025
IŻ-ŻEJTUN - TRIQ SANTA KATERINA - XOGĦLIJIET
32660. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet għaddejjin fi Triq Santa Katerina, fiż-Żejtun u kemm huwa mistenni li jdum għaddej dan ix-xogħol?
25/11/2025
ONOR. OWEN BONNICI: Nitlob lill-Onor. Interpellant
jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Seduta 418
03/12/2025
IŻ-ŻEJTUN - TRIQ SANTA KATERINA - XOGĦLIJIET
32659. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet għaddejjin fi Triq Santa Katerina, fiż-Żejtun u kemm huwa mistenni li jdum għaddej dan ix-xogħol?
25/11/2025
ONOR. CHRIS BONETT: Nirreferi lill-Onor.
Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Seduta 418
03/12/2025
IŻ-ŻEJTUN - MISRAĦ KARMENU GRIMA - XOGĦLIJIET
32658. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29758, jista’ l-Ministru jgħid xi spejjeż u x’xogħlijiet komplessivi saru f’Misraħ Karmenu Grima, fiż-Żejtun?
25/11/2025
ONOR. CHRIS BONETT: Ninforma lill-Onor.
Interpellant li x-xogħlijiet f’Misraħ Karmenu Grima u ż-żoni tal-madwar,
li jinkludu parti minn Triq Joe Attard u
parti minn Triq L-Isqof Antonio Zahra, kienu jikkonsisti f’bini mill-ġdid
tal-paviment pedonali, servizzi tal-ilma u drenaġġ, bini mill-ġdid tal-paviment
tal-pjazza, parking area u line marking. L-ispiża total hija ta’ Euro
595,998.31.
Seduta 418
03/12/2025
3.12.25
PEMBROKE - ILMENTI
32657. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31712, jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu ilmenti rigward trab, eċċ. li qed ikun hemm waqt il-kostruzzjoni li għaddej bħalissa, f’Pembroke matul din is-sena u x’passi ttieħdu?
25/11/2025
ONOR. JONATHAN ATTARD: Ninforma lill-Onor.
Interpellant li l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni u l-Awtorità għas-Saħħa u
s-Sigurtà fuq ix-Xogħol irċevew 11- il ilmenti dwar trab f’siti ta’
kostruzzjoni ġewwa Pembroke. Dwar dawn l-ilmenti, l-uffiċċjali ta’ dawn
l-awtoritajiet għamlu diversi spezzjonijiet fejn ttieħdu l-passi neċessarji,
fosthom nħarġet ordni ta’ waqfien tax-xogħlijiet u ħruġ ta’ multa fuq
emissjonijiet tat-trab.
Seduta 417
02/12/2025
VOTI GĦALL-GAZZETTI
32656. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32187, jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li jsiru r-rappreżentazzjonijiet neċessarji sabiex il-vot għall-gazzetti għal għotjiet lill-media jiżdied b’mod iktar sostanzjali?
25/11/2025
ONOR. OWEN BONNICI: Ninsab infurmat li l-kunsill
Malti għal Arti hu kommess li jkompli jaħdem biex il-voti kollha tiegħu jkomplu
jiżdiedu. Ta’ min jinnota li dan il-vot żdied b’Euro 800,000 biex fi 2026 issa
hu ta’ Euro 1,300,000.
Seduta 417
02/12/2025
ĦAL TARXIEN - TRIQ GIUSEPPE CALì - XOGĦLIJIET
32655. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 31329 u 31954 dwar ix-xogħlijiet li qed isiru fi Triq Giuseppe Calì, f’Ħal Tarxien, jista’ l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji sabiex ir-residenti tat-triq ikollhom ix-xogħlijiet lesti qabel il-Milied?
25/11/2025
ONOR. CHRIS BONETT: Filwaqt li nirreferi lil Onor.
Interpellant għal risposti lejn il-mistoqsijiet parlamentari 31329 u 31954,
fejn diġà rrispondejt li x-xogħol ser jitlesta fl-ewwel kwart ta’ 2026,
ninfurmah illi sal-Milied huwa previst li jkun lest l-ewwel saff ta’ asfalt fi
triq Giuseppe Cali sabiex din tkun tista tintuża mill-pubbliku fiż-żmien
il-festi. It-tieni saff ta’ asfalt isir meta jkun lest ix-xogħol ta’
rikostruzzjoni fi Triq Odilone biex b’hekk iż-żewġ toroq ikunu lesti flimkien
hekk kif jitlob normalment ix-xogħol.
Seduta 417
02/12/2025
BORMLA - PJAZZA GAVINO GULIA - XOGĦLIJIET
32654. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 30324 u 31334, jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsabu r-rapporti u l-investigazzjonijiet fuq l-istat tal-Pjazza Gavinu Gulija f’Bormla?
25/11/2025
ONOR. CHRIS BONETT: Ninforma lill-Onor.
Interpellant li wara l-investigazzjonijiet li saru, qed tiġi ppreparata sejħa
għall-offerti biex issir it-tiswija neċessarja.
Seduta 417
02/12/2025
IL-FGURA U ĦAL TARXIEN - ATT DWAR IL-KIRJIET RESIDENZJALI PRIVATI – RAPPORTI U SPEZZJONIJIET
32653. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli: B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti, jista’ l-Ministru jgħid kemm saru rapporti u spezzjonijiet fuq abbużi ai termini tal-emendi li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2025 fl-Att dwar il-Kirjiet Residenzjali Privati (Kapitolu 604 tal-Liġijiet ta’ Malta) fil-lokalitajiet tal-Fgura u Ħal Tarxien?
25/11/2025
ONOR. RODERICK GALDES: Ninforma lill-Onor.
Interpellant li minn l-1 ta’ Settembru 2025 ġew irrapurtati żewġ każijiet,
wieħed dwar proprjetà f’Ħal Tarxien u ieħor fil-Fgura, li allegaw li
l-postijiet rispettivi kienu okkupati minn iktar persuni milli tippermetti
l-liġi (overcrowding). Saru tliet spezzjonijiet b’kollox relatati ma’ dawn
ir-rapporti.
Seduta 417
02/12/2025
MARSAXLOKK - VILLA TAS-SILĠ
32652. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 28889 u 30873, jista’ l-Ministru jgħid jekk jistgħux isiru sforzi ġodda tant neċessarji sabiex il-proġett tal-Villa f’Tas-Silġ f’Marsaxlokk, iseħħ?
25/11/2025
ONOR. OWEN BONNICI: Ninsab infurmat li mill-aħħar tweġiba relatata ma’ dan is-sit, m’hemm l-ebda aġġornament ulterjuri x’jiġi komunikat.
Seduta 417
02/12/2025
PEDAMENTI SODI
Pietro Melograni (1930-2012)
2. F’dan sibtni naqra kitbet dan l-istoriku mill-iktar interessanti. Punti li fihom forsi parti mill-ispjegazzjoni għala hemm inqas tfal li qed jitwieldu. Fil-ktieb tiegħu Saggio sui Potenti (1977) sibt din is-silta: “L’industria ha consentito di accumulare ricchezze enormi e ha fatto crescere rapidamente salari reali e consumi. Nelle società industrializzate la mortalità infantile è diminuita, le grandi epidemie sono scomparse, la vita media si è allungata. Tutto ciò ha contribuito a modificare l’idea della vita e della morte, della religione e della politica.” (L-industrija ppermettiet li jinġemgħu sinjuriji kbar u kabbret malajr il-pagi veri u l-infiq. Fis-soċjetà industrijalizzata il-mortalità infantili naqset, l-epidemiji sparixxew, il-ħajja medja tal-bniedem twalet. Dan kollugħen biex jinbidel il-ħsieb dwar il-ħajja u l-mewt, ir-reliġjon u l-politika.)
Ir-rivoluzzjoni industrijali
3. F’dan, għandu wieħed jaċċetta li waħda mill-effetti tal-industrijalizzazzjoni ta’ soċjetajiet bħal tagħna ġiebet din il-konsegwenza? Jew kienx hemm fatturi oħra magħha, jew indipendenti minnha li trabbew u eżerċitaw l-influwenza tagħhom f’dinja fejn m’aħniex dejjem ċerti li l-mentalità tal-ħaddiem inbidlet minn kif kienet qabel? F’kemm ma bqajniex waħda li hija rurali, agrikola fil-kultura ekonomika u li ċċaqalqet għal pożizzjonijiet oħra. Saru studji varji u l-verità hija wkoll li l-influwenza tal-industrija mhijiex lokalizzata f’perjodi partikolari. Hemm fażijiet varji sija fit-tip ta’ industrija, kif ukoll fil-ġenerazzjonijiet li nqatgħu aktar mill-art. Inbidlu l-influwenzi u magħhom ir-reazzjonijiet għalihom. Aktar u aktar f’dawn l-aħħar tletin sena, fejn il-politika dikjarata tal-gvernijiet oċċidentali kienet li jġibu aktar nisa jaħdmu. Jitolbu aktar mill-mara u jaqtugħa mill-pożizzjoni li kellha preċdetement. F’kunċett ukoll li l-produzzjoni ekonomika tikber jekk ikun hemm iktar nisa jaħdmu. Ma’ dan il-kultura li l-persuna waħedha tgħodd f’kemm għandha drittijiet umhux f’kemm hemm ukoll doveri. Wasalna llum b’konsegwenza ta’ dak kollu li b’xi mod ġie deċiż qabel. Imma x’soluzzjoni hemm għalina f’dan kollu? Kif nistgħu nibdlu r-rotta, dejjem jekk nistgħu, jitlob iktar attenzjoni minn flus jew ġeneralizzazzjonijiet?
Cash for kids
4. Is-sena li għaddiet, f’The Economist tal-25 ta’ Mejju 2024, l-editorjal prinċipali fetaħ b’dan it-titolu. Fih inkiteb hekk minn dawk li l-industrija jsostnuha sew: “Baby-boosting policies don’t work. Economics must adapt to baby busts instead. As birth rates plunge, many politicians want to pour money into policies that might lead women to have more babies.” (Li l-Istat jaqbad politika li jonfoq iktar biex iħajjar iktar twelid tat-tfal mhux ser taħdem. L-ekonomija trid taddatta ruħha mal-fatt li ser ikun hemm inqas twelid. Hekk kif ir-rata tat-twelid qed tonqos, ħafna politiċi jridu jroxxu iktar flus fil-politika tagħhom sabiex iħajru n-nies jkollhom iktar ulied.) L-argument prinċipali tagħhom huwa li l-gvernijiet ma jistgħux jibdlu dan il-proċess b’iktar flus. Ċertament għalihom fl-industrija b’aktar infiq fin-nefqa nazzjonali, ma jwassalx fejn jaħsbu l-politiċi.
L-analiżi
5. F’dan, minnhom jingħad aktar hekk: “However, Government are wrong to think it within their power to boost fertility rates. For one thing, such policies are founded on a false diagnosis of what has so far caused demographic decline. For another, they could cost more than the problems they are designed to solve.” (Iżda l-Gvernijiet huma żbaljati jekk jaħsbu li fil-kapaċità statali tagħhom ser iżidu r-rati ta’ fertilità. Ibda mill-fatt li din il-politika hija bbażata fuq dijanjosi falza ta’ dak li sa issa kkawża dan it-tnaqqis demografiku. Fuq in-naħa l-oħra, jistgħu jiġu jiswew aktar mill-problemi stess li qed jippruvaw isolvu.) Argumenti li wieħed irid jikkonċedi sa ċertu punt, fis-sens li sa issa għadna m’aħniex naraw biżżejjed politika bbażata fuq studji li jippruvaw il-punt. Dik il-prova li b’aktar flus ser ikun hemm min jitħajjar ikollu iktar ulied, inkella l-kontra tagħha.
Fil-libertà
6. F’dan aktar ċertament kif ikomplu jgħidu: “The decision to have children is a personal one and should stay that way.” (Id-deċiżjoni li wieħed ikollu l-ulied hija waħda personali u għandha tibqa’ hekk.) Imma f’dan xorta waħda huwa utli li wieħed jifhem aħjar is-soċjetà tagħna u għala llum qegħdin niddibattu dan il-punt. F’dan wieħed irid jibni aktar ’il quddiem. Hemm sfida għalina lkoll u din trid soluzzjoni vera u sħiħa. Waħda li hija bażata iktar sew fuq xjenza u analiżi. Dik li tista’ tkun aktar ta’ gwida bħal dak li ġie ppreżentat f’teżi reċenti ta’ Glenn Anthony Falzon, Malta’s low fertility rate: The implications for the political economy of the smallest EU State. Fejn hemm sforz komprensiv ħafna u gwida lejn direzzjonijiet.
Kif tindirizza
7. F’dan aktar, riċentement qrajt numru ta’ artikoli fuq is-suġġett, iktar u iktar meta fid-diskors tal-Budget kien hemm din l-isfida ndikata. Il-Ministru tal-Finanzi għaraf din l-isfida mingħajr verament soluzzjoni. Huwa kien iddikjara tajjeb: “Ilkoll naqblu li s-soluzzjonijiet biex il-familji jlaħħqu mat-trobbija ta’ uliedhom jew saħansitra biex ikollhom iktar ulied, huma varji. Iżda nisġa ta’ diversi miżuri li jkunu effikaċi jistgħu jħallu impatt pożittiv fuq il-familja.” Punt li għandna naqblu fuqu. Biss dan kien forsi mhux fil-post propizju, fis-sens li kien introduzzjoni sabiex jiġi dikjarat li ser titnaqqas it-taxxa fuq il-familji. Punt tajjeb u kontinwità imma mhuwiex ser iġib żieda fit-twelid. Dan għax, kif qed naraw fid-dinja u kif jingħadu studji varji, hemm bżonn iktar minn flus.
Appell favur il-Familja
8. Hemm appelli varji li qed isiru sabiex din il-pożizzjoni tingħata iktar attenzjoni, vera u sħiħa. L-iktar riċenti dik tal-14 ta’ Ottubru 2025 tal-Papa Ljun XIV, li talab li jkun hemm dak kollu possibbli biex il-familji jingħataw il-fiduċja biex iħarsu b’serenità lejn il-futur. F’dan ċertament hemm bżonn naraw jekk f’dawn is-snin, mertu wkoll fost oħrajn tal-effetti varji tar-rivoluzzjoni industrijali, għamilniex politika li tmur kontra l-valur tal-familja. M’għadhiex moda, u anzi, m’għadhiex parti sħiħa mill-politika nazzjonali tagħna. Għalkemm nifhem il-pożizzjoni tal-Gvern illum xorta m’hemmx, fil-qalba politika, ix-xewqa li titwieled mill-bżonn li tipproteġiha.
9. Dik il-politika li tinsab ukoll f’dik li tista’ tifhem fuq naħa li biex nimxu trid ukoll tibdel, taġġusta u tmur ukoll kontra dak li wettqet f’dawn is-snin tiegħu. Imma hemm bżonn aktar Hemm bżonn li jkollna “nisġa ta’ diversi miżuri” li jistgħu jgħaddu kull studju. Gvern differenti mmexxi mill-Partit Nazzjonalista jrid jifhem li din hija okkażjoni sabiex jafferma lilu nnifsu. B’aktar riflessjoni u b’kuraġġ sabiex fil-futur id-direzzjoni tinbidel. Imma dawn jistgħu jimxu ’l quddiem jekk ma jibqgħux ispirati minn prinċipji etiċi materjalisti u minflok f’dawk li jagħrfu u jirrikonoxxu li huwa fl-interess sħiħ tal-Istat li l-familja trid tiġi protetta u kkultivata. Politika li tibda mill-ħarsien tal-familja u wara tal-Istat. Jekk dan isir, naħseb li jkunu qed jitqegħdu ferm aħjar pedamenti sodi u veri milli kellna s’issa.
2.12.25
IL-FURJANA - TRIQ L-INDIPENDENZA - RESTAWR TA’ LAPIDA
32651. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li l-lapida fi Triq l-Indipendenza l-Furjana taħt il-mina int u sejjer lejn il-Belt, tiġi restawrata billi bl-elementi sofriet deterjorament?
25/11/2025
ONOR. OWEN BONNICI: Ninsab infurmat mill-Kunsill
Lokali tal-Furjana li jeħtieġ indikazzjoni eżatta tal-lapida li qed issir
referenza għaliha sabiex tkun tista’ tingħata l-informazzjoni mitluba.
Seduta 416
01/12/2025
IX-XGĦAJRA - RESTAWR TA’ LAPIDA
32650. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li l-lapida li hemm fil-ġnien bejn l-aħħar parti ta’ Triq Qaċċawiet u Dawret ix-Xatt fix-Xgħajra, tiġi restawrata billi bl-elementi sofriet deterjorament?
25/11/2025
ONOR. OWEN BONNICI: Ninsab infurmat mill-Kunsill
Lokali tax-Xgħajra li r-restawr tal-lapida f’dan il-ġnien ser tiġi diskussa
fil-laqgħa tal-Kunsill li jmiss.
Seduta 416
01/12/2025
IX-XGĦAJRA - RESTAWR TA’ LAPIDA
32649. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li l-lapida li hemm fix-Xgħajra int u sejjer lejn il-Kalkara, tiġi restawrata billi bl-elementi sofriet deterjorament?
25/11/2025
ONOR. OWEN BONNICI: Ninsab infurmat mill-Kunsill
Lokali tax-Xgħajra li r-restawr tal-lapida f’din it-triq ser tiġi diskussa
fil-laqgħa tal-Kunsill li jmiss.
Seduta 416
01/12/2025
HERITAGE MALTA - OFFERTA
32648. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni ta’ Heritage Malta u x’passi ttieħdu senjatament dwar l-offerta li saret mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament dwar fdalijiet misjuba f’Għar Dalam?
25/11/2025
ONOR. OWEN BONNICI: Ninsab infurmat li Heritage
Malta wieġbet għal din l-istqarrija pubblikament, u t-tweġiba tagħha ġiet
ippubblikata fil-ġurnali lokali. Id-diskussjonijiet mal-Prof. Aida Gómez-Robles
komplew, tant li din il-Professoressa tagħmel parti minn tim ta’ esperti minn
istituzzjonijiet internazzjonali, li flimkien ma’ Heritage Malta,
is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali u l-Università ta’ Malta qed iwettqu għadd
ta’ studji tekniċi u speċjalizzati fuq dawn il-fdalijiet. Dawn l-istudji
għadhom għaddejjin u jiġu ppubblikati meta jkunu lesti.
Seduta 416
01/12/2025
MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBLI - FONDI U PROGRAMMI TAL-UNJONI EWROPEA
32357. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali: Jista’ l-Ministru jgħid minn liema fondi u programmi tal-Unjoni Ewropea bbenefika l-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, id-dipartimenti u l-aġenziji relattivi tul dawn l-aħħar tliet snin u jindika l-ammont finanzjarju u komplessiv għalihom?
18/11/2025
ONOR. STEFAN ZRINZO AZZOPARDI: Ninforma lill-Onor.
Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Seduta 416
01/12/2025
MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI – FONDI U PROGRAMMI TAL-UNJONI EWROPEA
32356. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 32116 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, jista’ l-Ministru jgħid minn liema fondi u programmi tal-Unjoni Ewropea bbenefikaw il-Ministeru, id-dipartimenti u l-aġenziji relattivi tul dawn l-aħħar tliet snin u jindika l-ammont finanzjarju u komplessiv għalihom?
18/11/2025
ONOR. STEFAN ZRINZO AZZOPARDI: Ninforma lill-Onor.
Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Seduta 416
01/12/2025
IL-BIDLA POLITIKA
Il-qari politiku
2. Id-direzzjoni t-tajba li wieħed jista’ jieħu mill-formazzjoni politika serja hija dik li titmexxa minn qari ta’ kotba mimlija direzzjonijiet. Fil-verità hemm il-politika li ssir mingħajr dan, li hija ifqar minn dik li ssir bih. Huwa proprju għalhekk li jekk irridu nitkellmu fuq bidla politika fil-kuntest storiku tal-lum irridu nagħrfu din il-verità. Anzi iktar, irridu nippreparaw irwieħna għas-serjetà tas-sitwazzjoni sabiex nifhmu dak li hemm bżonn jinbidel u kif ser inwettqu din il-bidla. Min jaħseb li huwa tant intelliġenti li m’għandux bżonn dan il-proċess qiegħed, fil-fatt, jidħaq bih innifsu. Nieħu pjaċir nara iktar parteċipazzjoni politika, imma ninkwieta meta nara li hemm diversi li ser jinħarqu għax għadhom mhumiex ippreparati.
L-immaġini
3. F’dan hemm dawk li qed jilludu rwieħhom li tista’ titwettaq kampanja politika bażata fuq kif tidher. Fil-kundizzjonijiet inevitabbli li f’dan il-mument hemm abbandun tax-xiri u tal-qari tal-gazzetti u t-teħid tal-ħin għall-informazzjoni jew il-fatti qed jingħata lill-mezzi soċjali. Dawk li fir-realtà huma bażati fuq ritratti sbieħ jew le fejn il-messaġġ huwa sekondarju. Hemm min qiegħed jipprova jibdel biex jagħti aktar sustanza politika, storika u letterarja, imma xorta dan mhux popolari. Biss anki jekk hemm kalatura politika fir-ritratt, xorta waħda hemm parti sostanzjali tas-soċjetà li mhijiex interessata f’dan u li anzi qed titlob iktar sustanza milli dehriet.
Fortunati
4. F’dan ukoll ngħid li, f’ħafna sens, il-ġenerazzjoni li jien parti minnha kellna vantaġġi differenti. Kellna iktar lil min jimbuttana lejn il-qari u kellna wkoll lil min kien attent sabiex ikollna kotba li stajna naqraw u li anzi ridna naqraw iktar minnhom. Tul din il-ġimgħa sellimna l-memorja ta’ persuna partikolari li f’dan għen ħafna. Arthur Gruppetta, li nafuh direttament mid-diversi kotba bil-Malti li konna nsibu f’idejna proprju bil-mod li bih biddel il-Merlin Publishers. Niftakarni naqra l-kotba varji tal-famuż Fra Mudest ta’ Charles Casha. Bħal sħabi qattajt ħafna ħin naqra, u għadni niftakar sal-lum id-diversi stejjer minn tiegħu. Is-Sur Gruppetta kien, fil-karattru ġentili tiegħu, miftuħ u mill-iktar umli: dak li kellu viżjoni, ideat u sustanza li permezz tagħhom wettaq b’abbiltà kbira bidla li għadha magħna sal-lum.
Ċertament telfa
5. Is-sejħa tiegħu lura għand il-Ħallieq tagħna hija telfa għalina. Ħalla warajh eżempju u memorja mill-isbaħ. Fuq naħa dak li huwa mis-sewwa jikber u jitkattar. Fuq l-oħra dik li kellu sehem dirett fil-formazzjoni ta’ ħafna, proprju għax kien kapaċi jidentifika u jressaq quddiemna aġenda ċara, bażata fuq il-valuri u l-ideat li bihom iffurmajna aktar ruħna. Vuċi unika f’dan iż-żmien li jrid jitlef l-għerf tal-missirijiet biex jiġbor l-injoranza tal-ġurnata. Bnedmin li kellhom fiduċja fil-ġenerazzjonijiet il-ġodda sabiex bil-gwida t-tajba jimxu ’l quddiem. Bniedem li jixraqlu attenzjoni u rikonoxximent fil-wirt li qed iħallilna.
Eżempju
6. F’dan aktar wieħed irid iħares ’il quddiem sabiex nassiguraw li l-politika futura tagħna tkun waħda bażata iktar fuq is-sustanza. Jekk irridu bidla fil-pajjiż irridu nibdew niddiskutu iktar fil-fond sabiex insibu: l-ewwel, bil-preċiż dak li jrid jinbidel; u t-tieni, il-proċess, metodu u alternattiva sabiex dan iseħħ. Hija sfida politika li nistgħu nieħdu jew inkella li nistgħu nħallu fil-ġenb. Dan għax jekk trid issir, allura taħrab mill-politika tal-inqas u tal-għażż u tmur lejn dik tal-iktar u tal-ħidma ħawtiela. Is-sejħa qed issir lilna u għal darb’oħra rridu nifhmu li hemm differenza bejn kwantità u kwalità. Nifhmu li jekk trid issir fl-ispirtu u fi proċess demokratiku trid aktar bnedmin jieħdu sehem attiv fiha.
Inħares ’il quddiem
7. F’dan aktar għax għandna iktar żmien għad-dispożizzjoni tagħna. Il-fatt li kif qed jiġi dikjarat mhuwiex ser ikollna elezzjoni bikrija, anzi, kif qed nara l-affarijiet illum ser ikun hemm leġislatura sal-aħħar tagħha, hija iktar okkażjoni għalina. Aktar u aktar meta qiegħed jidher li l-Gvern qiegħed inaqqas mill-viżjoni, l-ideat politiċi u fejn il-kunsens elettorali tiegħu qiegħed jonqoslu. Daqt nidħlu fil-perjodu tal-Milied u dak kollu li dan iġib miegħu. Waqfien ta’ attività politika parlamentari imma f’dan aktar żmien għad-dispożizzjoni tagħna lejn preparazzjoni ta’ politika ta’ sustanza. Biex ikollna bnedmin li jridu jivvutaw aktar għalina u mhux sempliċement kontra l-Gvern irridu ngħaddu minn dan il-proċess.
Jissudana
8. Dan għax matulu nissudaw iktar fid-determinazzjoni tagħna, fil-preċiżjoni tal-ħsieb u fil-viżjoni ta’ proġett politiku veru. F’dan inkunu aktar il-politiċi li l-poplu li mhuwiex jivvota jrid. Inkunu aktar dawk li kapaċi jwettqu soċjetà aħjar milli għandna, fejn almenu l-valuri li nħaddnu jitħaddmu. Inqas artifiċjalità u iktar proposti konkreti li tant hemm għatx għalihom. Dawk ta’ qabilna tawna eżempju f’dak li jgħodd u hemm bżonn ir-rieda li jkollna l-kuraġġ sabiex nidħlu sew għal din il-bidla. Il-bieb huwa miftuħ. Nappella sabiex iktar nies jingħaqdu magħna fil-bżonn tal-bidla politika li pajjiżna jeħtieġ.
SENA OĦRA WARAJNA
1. Illum nagħlqu s-seduti parlamentari f’din is-sena twila warajna. Iktar li minn Settembru sa issa kellna diversi tibdiliet. Proposti l...
-
10922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin...
-
9944. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid ke...
-
27921. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputa...