11.10.23

KWISTJONI TA' ĦAJJA AĦJAR

1. Għadni kif lestejt ktieb mimli b’sens u sustanza. Suġġerit minn ħabib li jaf aktar minni, xtrajt u qrajt To Fight Against This Age: On Fascism and Humanism ta’ Rob Riemen. Wieħed li jmiss fil-fond dak li l-Ewropa u ċ-Ċiviltà sħiħa tagħna għaddejja minnu. Fil-bżonn li wieħed jissoda iktar id-demokrazija kontra l-Faxxiżmu u l-forom varji tiegħu taħt it-titoli ġenerali tal-populiżmu. Fil-bżonn li wieħed jagħżel li jibbaża l-linja ta’ soċjetà fuq iktar kultura, iktar verità u iktar ġustizzja. Li tħares li tipproteġi d-demokrazija minn formazzjoni aqwa milli għandna llum. F’Unjoni Ewropea li trid tifhem li laħqet vantaġġi ekonomiċi u organizzattivi qawwija, imma dan seħħ proprju għax għandha valuri uniċi li mhix tagħtihom l-importanza li ħaqqhom.

Maqsum

2. Il-ktieb huwa maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel kitba ddur mas-suġġett ‘The Eternal Return of Fascism’; it-tieni ma’ ‘The Return of Europa’. It-tnejn ma niddejjaq xejn naqrahom mill-ġdid għax f’kull sentenza huma mimlija b’punti ta’ riflessjoni, aktar u aktar fil-mument u ż-żmien li qegħdin ngħixu fihom illum. Mhux ser nipprova nressaq dak li ngħad, għax naħseb li jitlob iktar riflessjoni. Però, ser nindirizza punt partikolari: dak li huwa marbut mal-bżonn li nipproteġu d-demokrazija u l-valuri Ewropej, li jagħmlu minna soċjetà differenti. Bażi u pedamenti li jmorru lura fiż-żmien. Li jiġbru ħafna f’daqqa. Għandna d-demokrazija li għandna proprju għax għandna valuri uniċi li fil-fatt huma riżultat tal-prinċipji etiċi nsara.

Kif nistgħu nħarsu aħjar

3. Biex timxi ’l quddiem l-Unjoni Ewropea m’għandhiex, f’dan id-dawl, tiċħad lilha nfisha. Jekk tħares biss li tibni għall-futur fuq il-bażi unika ta’ dak li jaqbel ekonomikament għal kull stat membru tkun qed tinsa dak li huwa verament parti essenzjali minnha. Il-kontinent Ewropew għandu fatturi ta’ ċiviltà li huma, ilkoll f’daqqa, komuni. Meta tmur ftit lura fl-istorja ssib li l-lingwa franka ta’ dak iż-żmien, il-Latin, għen sabiex jibni ideat li setgħu faċilment jintgħarfu, u fl-istess ħin, ikunu żviluppati f’kull rokna. Tmur fejn tmur issib li fid-diversi kapitali u ċentri kulturali, fiż-żmien ilkoll ikkontribwew biex bnew dak li nistgħu nidentifikaw għalina fil-valuri li ċ-ċiviltà Ewropea għadditilna.

Il-Klassiċi

4. Fiż-żmien li fih qed ngħixu, fejn id-demokrazija hija taħt theddida, wieħed irid jieqaf u jirrifletti. Iħares lejn x’inhuwa l-aħjar biex stat ikollu fih sistema demokratika li taħdem u li jkollu politiċi li jirrispettawha. Nistgħu nintilfu f’iktar liġijiet li, kif sejrin, ser isiru huma xkiel għad-demokrazija iktar vera u libera. Nistgħu, anzi, kif qed nara, niffissaw fil-ħsieb li għandek tneħħi l-poteri tal-Istat minn idejn il-parlamentari u tgħaddihom lil ħaddieħor. Tista’ timxi f’dik id-direzzjoni, imma fil-fatt tkun qiegħed biss tneħħi r-responsabbiltà li wieħed għandu jkollu bħala konfort tiegħu. Jekk politiku ħa deċiżjoni żbaljata, volontarjament jew involontarjament, se jkun qiegħed hemm biex iwieġeb, u fl-istess ħin irid juri, fit-trasparenza, kif wasal għaliha. Meta tneħħi l-poter demokratiku minn idejn il-politiċi, dan qed ikun qed jgħaddi f’idejn li mhumiex fil-pubbliku li jaslu jissudaw ħbiberiji li m’hemmx kontrolli fuqhom, salv simpatiji u antipatiji.

Italo Calvino

5. F’dan ix-xahar, li fil-ħmistax tiegħu ser infakkru l-mitt sena minn meta twieled dan l-awtur Taljan li diversi, bħali, qraw jew studjaw, għandna mmorru lura għal kitbietu. Kitba li ma tantx hija magħrufa, imma li fil-fatt hija għodda sabiħa, speċjalment għal min irid jiftaħ il-fruntieri tal-għerf u l-qari. Il-ktieb Perché Leggere i Classici jaqbad ħamsa u tletin ktieb u awturi varji. Jiddiskutihom, imma fl-istess ħin jimponi wkoll forma ta’ opinjoni fuq liema għandhom ikunu li wieħed għandu jaqra biex jibni kultura. Hemm kitbiet ta’ awturi oħra, bħal dawk ta’ Primo Levi jew ta’ J.M. Coetzee, li jmissuna huma wkoll. Imma dan għandu l-vantaġġ li jmiss iktar ma’ ideat u mal-bżonn li wieħed imur lura lejn il-pedamenti. Dawk li kitbiet fil-lingwa Griega u dik Latina jagħtuna.

Mhux kontradizzjoni

6. Għalkemm l-awtur stess kien mess mal-fatt li għall-opinjoni pubblika, li dak iż-żmien kienet mimlija bi bnedmin ta’ kultura klassika, dan ma kienx argument tant modern, fl-abbandun ta’ dik il-linja llum qegħdin inbatu mill-fatt li ħallejna warajna għerf li issa għandna l-bżonn tiegħu. Fi ħdan ġenerazzjonijiet fejn dawn iż-żewġ lingwi klassiċi kienu studjati u diversi studenti ffurmati fihom, kien hemm min ħass li qed ikun hemm l-esaġerazzjonijiet. Imma f’dik il-linja wasalna fil-pożizzjoni fejn ma bqajniex ngħallmuhom fl-iskejjel sekondarji tagħna. Għal diversi kien hemm, u għad hemm il-ħsieb li dawn mhumiex utli għal raġunijiet ekonomiċi. L-industrija m’għandhiex bżonn lil dawk li jafu dawn il-lingwi, imma għandha l-bżonn ta’ bnedmin imħarrġin fl-aspetti teknoloġiċi. Imma r-realtà llum hija li b’dik id-deċiżjoni bdilna u wasalna fil-venda fejn aħna qegħdin illum.

Demokrazija kontrollata

7. F’dan huwa ċar li mill-kitbiet ta’ Omeru għaddejna snin fejn, kif jingħad fit-tieni kapitlu minn Calvino, ‘Le Odissee nell’Odissea’. Ulisse, li madwaru ddur il-kitba, m’għadux ifakkarna fil-bżonn li kull bniedem jitbaskat fid-diffikultajiet u l-provi tal-ħajja. Il-persuna m’għadhiex iktar ċentrali, determinanti, dik li trid tagħżel bejn il-verità u l-gidba, imma ssir biss parti minn soċjetà li fiha kollox huwa programmat minn qabel, biex jitwettaq biss dak li diġà ġie pre-stabbilit għaliha. Dak l-ispirtu uman li jirreżisti l-elementi biex jafferma lilu nnifsu, illum qiegħed imut. U miegħu, meta tqiegħed dan fil-perspettiva moderna, tifhem li anke l-kultura Ewropea qed tiġi mwarrba u mxekkla.

Wasal iż-żmien

8. Fil-kriżi kulturali li ninsabu fiha, fin-nuqqas ta’ għarfien ta’ dak li aħna u fil-bżonn li nsiru dak li m’aħniex, qed ninsew wisq warajna. Qed niġu fil-pożizzjoni fejn din il-ġenerazzjoni mhijiex iktar kapaċi taqra u tanalizza dak li ħallew warajhom diversi bnedmin intelliġenti. Kitbiet li ffurmawna u ssudaw dak li aħna verament. Wasal iż-żmien fejn wieħed għandu jdaħħal lura l-istudju tal-Latin u tal-Grieg. Wasal iż-żmien li wieħed jinsisti li l-bnedmin f’din is-soċjetà jmorru lura biex jaqraw il-kitbiet li jsawwruna. F’din il-linja jkollna persuni u politiċi aqwa. Ikollna aktar bnedmin li, fl-aħħar tal-ġurnata jsarrfu biex jiddefendu d-demokrazija u li b’ħidmiethom jagħtu ħajja aħjar milli għandna.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...