9.10.23

DAWK LI RASHOM FIR-RAMEL

1. Ninsabu f’dinja li trid tiċħad dak li għaddejja minnu. Trid taħrab minn dak li ġej fuqna lkoll. Trid tiddikjara li kollox huwa sew fil-proċess kontinwu ta’ aljenazzjonijiet li ninsabu fihom. Diversi mexxejja hemm jinsabu: fost dawk li ma jridux jiċċaqilqu biex jittieħdu l-passi neċessarji sabiex il-klima mondjali tiġi lura f’postha. Nisimgħu b’diversi laqgħat, konferenzi, dibattiti, dimostrazzjonijiet, imma flok mexjin ’il quddiem, sejrin aktar lura. Anzi, minn dak li qed naqraw u naraw, ferm aktar lura. Jixraq li nieqfu jkollna mexxejja mondjali li jaħarbu mill-isfidi.

Kuraġġ kbir

2. Trid, quddiem dan kollu li għaddej, tieqaf biex tirrifletti u tifhem. Trid forza morali u persważiva li tibdel u tispira. Jekk qabel kienet tidher bħala esaġerazzjoni, maż-żmien żviluppat f’realtà li rridu niffaċċjaw mingħajr dewmien. F’dan ftit huma l-mexxejja mondjali jew Ewropej li qed isemmu u jfakkruna b’saħħa u kuraġġ f’dak li ġej. F’dan kollu, ċertament għandna nagħrfu kemm il-Papa Franġisku ma ħarabx minn din l-aġenda. Anzi qiegħed jinsisti fuqha. Ma daħħalx rasu bħal oħrajn fir-ramel. Il-Knisja Kattolika, li wħud jippruvaw iċekknu jew iwarrbu, uriet fil-fatt li għadha turi kemm il-vuċi tagħha hija soda u ċara. Għadha dik li tħares ’il quddiem mingħajr ma taħrab mill-preżent. Anzi, qed tiddikjra dak li ħaddieħor jibża’ jiddikjara. Mhux biss, imma kellna l-enċiklika Laudato Sì, li ħarġet fl-2015, li ddikjarat il-pożizzjoni tagħha. Imma tul din il-ġimgħa, f’Jum San Franġisk t’Assisi, fl-4 ta’ Ottubru, kellna pass ieħor ’il quddiem.

Eżortazzjoni

3. Bit-titolu Laudate Deum, fi tlieta u sebgħin (73) paragrafu qosra imma preċiżi u mill-iktar konċiżi l-Papa, u miegħu l-Knisja, affermaw pożizzjoni preċiża. Sejħa mill-qalb lill-bnedmin bħalna li għandna rieda tajba u dan fid-dawl tal-għarfien li diversi huma deċiżi li jwaqqfu u jiffrustraw l-inizjattivi li hemm bżonn jittieħdu. Il-kitba tafferma mill-ġdid il-fatt ta’ dak li huwa għaddej, u kemm it-temperatura globali tielgħa fl-għarfien li l-gass serra żdied u għadu għaddej b’42% mill-1990 u dan kif imqabbel u reġistrat mill-1850. Affermazzjoni tal-fatt li s-silġ qiegħed idub, l-ibħra sejrin lura u l-ambjent sħiħ tagħna miegħu. Fatti wara fatti li ħafna jafu bihom jiġu kkwotati u d-dinja tiġi mill-ġdid imfakkra. Tinġibed lura l-attenzjoni li għandha dmir timxi ’l quddiem biex tifhem li għalkemm ma nistgħux inwaqqfu d-danni enormi li diġà saru qegħdin bil-preċiż fil-ħin biex nevitaw danni aktar katastrofiċi.

Fejn moħħu l-bniedem

4. F’din id-dikjarazzjoni hemm reġistrat ukoll b’mod ċar kristall li din mhix problema ta’, biex ngħidu hekk, arja biss jew ambjent in ġenerali, imma ferm aktar. F’dan jingħad hekk: l-ewwel: “Si tratta di un problema sociale globale che è intimamente legato alla dignità della vita umana.” (Din hija problema soċjali globali li hija intimament marbuta mad-dinjità tal-ħajja umana.) Wara hemm analiżi tal-effett tat-teknoloġija l-iktar moderna fis-soċjetà. Waħda li mhix indirizzata favur il-bniedem u d-dinjità li għandu jgawdi, imma favur iktar qligħ u iktar poter. L-Eżortazzjoni Appostolika tgħid hekk proprju fuq dan: “... l’immensa crescita tecnologica non è stata accompagnata da uno sviluppo dell’essere umano per quanto riguarda la responsabilità, i valori e la coscienza.” (It-tkabbir teknoloġiku verament qawwi ma ġiex meħud flimkien ma’ żvilupp tal-bniedem fir-rigward tar-responsabbiltà, il-valuri u l-kuxjenza.)

Tentazzjonijiet

5. F’dan hemm ukoll żewġ attakki frontali oħra, sija kontra l-forzi dominanti fl-ekonomija u sija dawk fil-poter tal-pajjiż. Forzi li biċċa biċċa qed isiru iktar ħaġa waħda. L-aġendi rispettivi jiġu protetti minn xulxin bil-mekkaniżmi li t-teknoloġija żviluppat għalihom. Il-kitba tiddikjara tant tajjeb hekk: “Purtroppo la crisi climatica non è propriamente una questione che interessi alle grande potenze economiche, che si preoccupano di ottenere il massimo profitto al minor costo e nel minor tempo possibile.” (Sfortunatament il-kriżi klimatika mhix problema li tinkwieta l-potenzi ekonomiċi kbar li jinkwetaw biss biex jieħdu l-aqwa profitt bl-inqas spejjeż u fl-iqsar żmien.) Wara, b’aktar saħħalejn dak li qegħdin naraw preċiżament illum fid-dinja politika jingħad hekk: “Nella decadenza etica del potere reale e mascherata dal marketing e delle false informazioni di chi ha maggior risorse per influenzare l’opinione pubblica attraversi di essi.) (Fid-dekadenza etika tal-poter veru li hija moħbija bl-użu tal-marketing u tal-informazzjoni falza ta’ min għandu f’idejh l-iktar riżorsi biex jinfluwenza l-opinjoni pubblika permezz tagħha.) Dan għax id-dinja għadha qatt ma rat tant poter f’idejn il-bniedem li flok jiġi użat għas-sewwa qed jintuża biex il-poter jibqa’ konsolidat.

Favur il-bniedem

6. F’dan hemm affermazzjoni qawwija favur il-bniedem. L-ewwel: il-faqar mhux veru li huwa b’xi mod fattur li jikkontribwixxi għal dan. It-tieni: li l-bniedem mhuwiex fattur barrani li kapaċi jagħmel biss ħsara lill-ambjent. Anzi: “Dev’essere considerato parte della natura. La vita, l’intelligenza e la libertà dell’uomo sono inserite nella natura che arricchisce il nostro pianeta e fanno parte delle sue forze interne e del suo equilibrio.” (Għandu jitqies bħala parti min-natura. Il-ħajja, l-intelliġenza tal-bniedem huma mdaħħla fin-natura li biha l-pjaneta tikber u jagħmlu parti mill-forzi interni tal-ekwilibriju naturali tagħha.) Dan għax huwa mill-għarfien ta’ din il-verità li joħorġu t-tajjeb u l-verità, u mhux mill-poter tat-teknoloġija jew tal-ekonomija.

Hemm x’taqra

7. Hija kitba li hija mimlija b’punti mill-aqwa, li għandhom iħajru lil dawk bħali li jridu jservu fil-politika. Hemm dokument għad-dispożizzjoni tagħna li jservi biex nibnu politika nazzjonali aqwa milli għandna. Waħda li tibdel dik li tul dawn l-aħħar għaxar snin, flok mexxietna ’l quddiem ħaditna iktar lura bi tletin sena. Aħna għandna nifhmu u nirrikonoxxu li għandna responsabbiltà għall-wirt li ser, inevitabilment, inħallu lil ta’ warajna. Proprju f’dan irridu nibnu mill-ġdid politika li twieġeb għal din ir-realtà u ninqatgħu minn dik li għandna llum li taħrab mill-isfidi u l-verità. Fl-appuntamenti elettorali li ġejjin għandna għalhekk id-dmir li nxandru aktar is-sens u s-sustanza tal-messaġġ determinanti li d-duttrina soċjali tagħtina. Hemm għalina mumenti uniċi li ġejjin, li għandhom imexxuna biex nibnu programm ta’ bidla li biha ma nibqgħux aktar pajjiż b’politika li żżommna b’rasna fir-ramel.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...