26.10.23

FIN-NUQQASIJIET POLITIĊI

1. Id-dibattitu politiku li għaddejjin fih nifhmu iktar fejn m’għandniex inkunu. Dak li għandna għaddej u madwarna jfakkruna li hemm sistema aqwa li biha jistgħu jittieħdu d-deċiżjonijiet. Hemm politika tal-ġlied u tal-isfruttament. Hemm dik immexxija minn politiċi li moħħhom fil-gwadan tagħhom. Hemm dik li taqa’ għall-pressjonijiet ta’ forzi ekonomiċi li jkomplu jisfruttaw, mhux jibnu. Dak li għaddejna f’pajjiżna u sa ħafna għadna, juri biċ-ċar dak li m’għandux isir. Biex jitqassam il-ġid b’ġustizzja. Biex jitħarsu l-interessi tal-bnedmin fuq dawn il-gżejjer m’hemmx bżonn li wħud jiżbaljaw f’ħidmiethom. M’hemmx bżonn li tagħmel deċiżjonijiet li ma jagħmlux sens u wara tibqa’ ssostnihom.

Personali u politiku

2. Hemm f’dan il-bżonn ta’ politika li ġġib iktar għaqda għax qatt ma kellna l-pożizzjonijiet li qed naraw illum. Ċertament, iktar minn dan tista’ tiġi fis-seħħ politika li għandha metodi ġodda u kultura differenti li jħarsu t-tnejn lejn il-bniedem. Waħda li tħares iktar lejn l-ideat u kif wieħed jista’ joħroġ l-aħjar minnhom biex jitwettaq is-sewwa. Waħda li tħares lejn l-argumenti u mhux il-forom jew il-fattizzi esterni, jew agħar, għar-rabtiet personali tal-politiċi Għad għandna lil dawk li jaħsbu li huwa leġittimu li tmiss lill-bniedem direttament fil-familja tiegħu. Għad hemm min jaħseb li jista’ jkun effettiv politikament meta jipprova jweġġa’ lil ħaddieħor fil-punti li huma jaraw lill-oħrajn vulnerabbli fihom. Dak li seħħ din il-ġimgħa fl-Italja lil Georgia Meloni huwa proprju eżempju ta’ din il-linja reazzjonarja, imma nafu li mhuwiex l-uniku taħt il-kappa tax-xemx.

Dak li huwa ħażin

3. Mhux biss, imma x-xenarju fih iktar f’tiegħu. Għax huwa iktar ċar, f’dan kollu, li fl-aħħar tal-ġurnata l-fatti jgħoddu ferm iktar mid-diskors fl-arja. Il-politika għandha l-kliem u għandha l-fatti. Il-pajjiż jidhirlu li dawn għandhom jingħaqdu. Waħda tiġi mal-oħra, mhux il-kontra ta’ xulxin. Altru dak li tiddikjara u twiegħed, u fuq l-oħra dak li effettivament twettaq. Bilanċi u kunsiderazzjonijiet li jitolbu dejjem aktar minn dawk li jersqu ’l quddiem jiddikjaraw ħafna. Rajt, u ċert li intom rajtu aktar minni, politiċi varji li tkellmu, għajjru, żebilħu lil oħrajn, li taw lil ħafna x’jifhmu fuq dak li ser jagħmlu u waqgħu lura. Ċerti drabi, dawk li jgħajtu fuq dak li ser jagħmlu, jaqgħu lura. Ċerti drabi, dawk li jgħajtu l-iktar kontra l-korruzzjoni u l-illegalità ssib li ma jsarrfux lura l-arja tagħhom f’fatti konkreti. Nibqa’ xettiku u diffiċli biex nemmen lil dawk li jibdew jgħajtu ma’ kull kantuniera. Nibqa’, anzi, nittama li ser ikun hemm min verament indaddaf u jbiddel dak kollu li ġejna u li ninsabu fih illum.

Sentenzi


4. Pożizzjoni aktar attwali fir-rendikonti politiċi li joħorġu ’l bgħid mid-duħħan u l-paraventi li jitpinġew. Kif jista’ jifhem iktar il-pajjiż illum, l-għada ta’ sentenza mogħtija, issa mill-Qorti tal-Appell, li fiha ġie ikkonfermat mill-ġdid li dak li sar kien żbaljat għall-aħħar. Illum nittama li ser naraw l-aspett politiku u l-konsegwenzi tagħha. Imma hemm fiha aspett iktar fond. Dak li juri li l-affarijiet ma kinux qed isiru sewwa f’pajjiżna u anzi, kif qed naraw, hekk baqgħu. Il-Gvern jista’ jaħrab mill-problemi u l-effetti ta’ dan kollu bil-miżuri li ser iħabbar it-Tnejn li ġej, imma l-fatt jibqa’ li dan kollu ma kellu qatt iseħħ. Jista’ l-Gvern Laburista tallum jiddefendi ruħu billi jgħid li ma kellux responsabbiltà f’dak li sar minn ta’ qablu, imma l-fatt jibqa’ li dan seħħ taħt maġġoranza parlamentari li fiha l-Partit Laburista kellu, u għad għandu, maġġoranza. Hemm effetti, imma hemm iktar responsabbiltajiet politiċi li llum jew għada jridu jieħu l-proċess tagħhom. Dak li seħħ hemm ser jibqa’, quddiemna, u kif rajna, il-linja politika hija li ttawwal kemm tista’ dak li għada pitgħada trid taffronta.

X’ser ikollna

5. Fil-pimgħat li ġejjin ser ikollna iktar dibattiti u diskussjonijiet fuq suġġett li l-poplu jagħraf li huwa problema nazzjonali, imma li xeba’ jisma’ dwaru. Xeba’ għax tant ra li bired sija mill-politika t-tajba, kif ukoll mit-tama tiegħu li l-affarijiet ser jinbidlu. Ikun hemm bidla fil-linja politika nazzjonali billi dawk li żbaljaw iġorru r-responsabbiltajiet tagħhom. Pajjiżna huwa, iktar minn qatt qabel, imxennaq għall-politika nazzjonali tajba, ġejja minn liema partit ġejja. Iktar u iktar fid-dawl li qiegħed jara li s-sitwazzjoni titlob dan, però ma jarax li ser ikun hemm min jiftaħ kapitoli ġodda. Mhux importanti għand min imur il-mertu, imma iktar li dan iseħħ. Il-pajjiż qiegħed ifittex dawl ġdid u jippretendi miż-żewġ partiti li rrappreżentaw u interpretaw il-ħtiġijiet nazzjonali għal tant snin li jifhmu dan kollu.

Il-Ħadd u t-Tnejn

6. Fl-informazzjoni li ħareġ l-istħarriġ tal-Ħadd u fil-konoxxenza ta’ dak li ġie deċiż ilbieraħ hemm il-bieb miftuħ għall-ħidma politika futura tagħna. Waħda li titlob għażliet fl-għarfien li l-pajjiż qiegħed fin-neċessità li jibdel biex niġu lura għan-normal. Pajjiżna ngħid li għandu bżonn ħafna dożi ta’ normalità mhux superlattiv bla kap u bla kuda. Għandu bżonn iktar paċi u politika soċjali verament demokratika. Għandu bżonn iktar bnedmin li jaħdmu għall-proxxmu tagħhom biex verament nimxu ’l quddiem. Bħalissa nittama li nifhmu li niżlin ’l isfel. Dak li ġie iddikjarat ser jinxtered u jekk ma jkunx hemm reazzjoni effettiva għalih m’aħniex ser nitilgħu lura. Proprju f’dawn in-nuqqasijiet politiċi li qed inġarrbu għandna nifhmu aħjar dawk li huma dmirijietna.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...