24.7.22

ĦAŻ-ŻABBAR: TRIQ SAN LEONARDU - PARKEĠĠ

1946. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1488, jista’ l-Ministru jindika jekk ingħatax widen għat-talbiet tar-residenti ta’ Triq San Leonardu, Ħaż-Żabbar wara li saret it-triq u b’inkonvenjent għalihom tneħħa l-parkeġġ li kien hemm?

 

22/06/2022

 

  ONOR. AARON FARRUGIA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba se tingħata seduta oħra.

 

Seduta  26

06/07/2022

ISLA – ILQUGĦ FIX-XATT JUAN B. AZOPARDO

1945. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Turiżmu: Jista’ l-Ministru jara li fl-aħħar parti tax-Xatt Juan B. Azopardo, l-Isla, isirilha l-ilqugħ li kien inbeda snin ilu u li s’issa għadu mhux magħmul u perikoluż?

 22/06/2022

 ONOR. CLAYTON BARTOLO:  Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

 

Seduta  26

06/07/2022

XGĦAJRA – ILQUGĦ TAL-ĦADID FIX-XATT

1944. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Turiżmu: Jista’ l-Ministru jara jekk huwiex possibbli jibdew ix-xogħlijiet neċessarji sabiex l-ilqugħ tal-ħadid li hemm fix-Xatt tax-Xgħajra jiġu msewwija u mibdula, għax uħud diġà huma mimlija sadid?

 22/06/2022

 ONOR. CLAYTON BARTOLO:  Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

 

Seduta  26

06/07/2022

BIRGU – TRIQ IL-MANDRAĠĠ

 

 

 

1943. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra f’liema stadju tinsab Triq il-Mandraġġ, Birgu billi jidher li x-xogħol jinsab wieqaf?

 

22/06/2022

 

  ONOR. AARON FARRUGIA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta lestiet madwar tliet kwarti tal-proġett ta’ €5 miljun biex tagħti ħajja ġdida lill-mollijiet fl-inħawi ta’ Sally Port, il-Birgu, bi prominade ġdid li se jkompli jestendi l-passaġġi pedonali max-xtut tal-Kottonera.

Ix-xogħlijiet, li bdew ftit aktar minn sena ilu, issa qed jidħlu fl-aħħar fażijiet tagħhom. It-tisħiħ u l-bini mill-ġdid tal-pedamenti tal-mollijiet, li kienu tkissru bil-maltemp, dalwaqt ikunu lesti. Bħalissa l-ħaddiema qed ilestu l-burdura ta’ barra tal-moll (cope beam) u bdew jibnu l-passaġġi, punti ta’ qsim pedonali, bankini u konok għall-arbuxelli u pjanti oħrajn li se jkomplu jsebbħu l-passaġġi tal-prominad ġdid.

Għaddej ukoll il-bini mill-ġdid ta’ żewġ skali u ta’ moll żgħir li jużaw is-sajjieda u d-dilettanti tad-dgħajjes f’dawn l-inħawi. Beda jasal ukoll fuq il-post il-ġebel tal-qawwi li qed jinqata’ minn barriera lokali biex fil-jiem li ġejjin jibda x-xogħol tal-pavimentar tal-bankini ġodda man-naħa tas-swar.

Dawn il-mollijiet, b’tul ta’ madwar sitt grawnds tal-futbol (600 metru) jinsabu fiż-żona magħrufa bħala Sally Port jew “It-Toqba”, taħt is-swar tal-Birgu u mal-ġenb tax-xatt tal-Kalkara. Ħafna partijiet mill-istrutturi tagħhom kienu ġarbu ħsarat kbar bil-maltemp matul is-snin. Il-mollijiet komplew tfarrku fil-grigalata kbira ta’ Frar 2019. Uħud spiċċaw f’riskju li jċedu, b’periklu għall-pubbliku.

Infrastructure Malta bniet mill-ġdid il-partijiet li tkissru, filwaqt li permezz ta’ tim t’għaddasa, irranġat partijiet oħra mill-istrutturi tal-moll taħt l-ilma li ma kienx hemm għalfejn jinħattu kompletament. Għal dawn ix-xogħlijiet użat 6,720 tunnellata konkos ta’ kwalità ogħla li jiflaħ aktar għall-elementi tal-baħar, sabiex il-mollijiet ġodda jservu aktar fit-tul.

Fil-ġimgħat li għaddew l-aġenzija naddfet din iż-żona minn għadd ta’ bastimenti żgħar li kienu tħallew mitluqin fuq il-mollijiet matul is-snin. Fost dawn kien hemm żewġ ilzuz (luzzu) u kajjik antiki li fuq pariri tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali ser jinżammu biex fil-futur jiġu restawrati.

It-tisbiħ ta’ dawn il-mollijiet qed isir f’kollaborazzjoni mal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, li se tkompli ssebbaħ il-prominad bi ġnien bil-bandli u b’bankijiet, dwal dekorattivi u installazzjonijiet oħrajn għall-kumdità tal-pubbliku. Il-Korporazzjoni qed tagħmel tisbiħ simili ukoll max-Xatt tal-Kalkara, quddiem il-Knisja Parrokkjali ta’ din il-lokalità.

Il-prominad ġdid ta’ Sally Port jinfed ukoll mal-Waterfront tal-Birgu fuq in-naħa l-oħra ta’ Forti Sant Anġlu, biex b’hekk joħloq rotta għall-mixi mill-isbaħ li tieħdok min-naħa ta’ Bighi fil-Kalkara lejn il-marina tal-Birgu, l-inħawi tal-Baċir Numru 1 f’Bormla, u tul ix-xatt tal-Isla sa ħdejn Boiler Wharf, taħt Ġnien il-Gardjola. Ix-xogħlijiet kollha mistennija jkunu lesti kmieni s-sena d-dieħla.

 Seduta  26

06/07/2022

ISLA - XATT JUAN B. AZOPARDO - TINDIF

 1942. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jara u jagħti d-direzzjonijiet neċessarji sabiex ix-Xatt Juan B. Azopardo, l-Isla, jiġi maħsul u mnaddaf almenu darba fil-ġimgħa?

 

22/06/2022

 

  ONOR. OWEN BONNICI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Isla illi t-tindif tax-xatt imsemmi mill-Onor. Interpellant jinsab f'idejn il-‘Cleansing & Maintenance Division’, u li dan isir b’mod regolari kull ġimgħa.

 

Seduta  26

06/07/2022

ISLA - XATT JUAN B. AZOPARDO - TINDIF

1941. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Turiżmu: Jista’ l-Ministru jara u jagħti d-direzzjonijiet neċessarji sabiex ix-Xatt Juan B. Azopardo, l-Isla, jiġi maħsul u mnaddaf almenu darba fil-ġimgħa?

 22/06/2022

 ONOR. CLAYTON BARTOLO:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal kull promenade oħra fil-pajjiż, il-ħasil ta’ dawn iż-żoni għal perjodu tas-sajf diġà beda. Ix-Xatt tal-Isla flimkien ma’ dawk ta’ Bormla u l-Birgu, ser jibda jinħasel kull nhar ta’ Ħadd kmieni filgħodu.

 

Seduta  26

06/07/2022

21.7.22

RAĦAL ĠDID – ĠNIEN SAN ALWIĠ

1701. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu tul din is-sena sabiex Ġnien San Alwiġ f’Raħal Ġdid jingħata iktar attenzjoni u jinżamm aħjar b’tibdil tas-servizzi?

 17/06/2022

 ONOR. OWEN BONNICI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tar-Raħal Ġdid illi l-ġimgħa li għaddiet ġiet sottomessa applikazzjoni lill-Awtorità tal-Ippjanar TRK/00266472 sabiex isir proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Ġnien San Alwiġi.

 Seduta  23

28/06/2022

RAĦAL ĠDID – XOGĦLIJIET FI ĠNIEN IL-MEDITERRAN

1700. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1211, jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-entitajiet Governattivi li għamlu x-xogħlijiet fi Ġnien il-Mediterran Raħal Ġdid?

 

17/06/2022

 

  ONOR. OWEN BONNICI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tar-Raħal Ġdid illi ġewwa Ġnien il-Mediterran sar il-Ġnien tal-Covid minn ‘Ambjent Malta’ u anke ‘Parks Malta’, bl-involviment ukoll tal-FMS.

 

Seduta  23

28/06/2022

WIED IL-GĦAJN – PARK TAL-FAMILJA – PUBLIC CONVENIENCE

1699. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża: Tista’ l-Ministru tara jekk il-public convenience li hemm fil-Park tal-Familja f’Wied il-Għajn hiex ser tiġi rinovata billi għandha bżonn?

 

17/06/2022

 

  ONOR. MIRIAM DALLI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Park imsemmi hemm żewġ lattrini pubbliċi, li waħda minnhom kellha bżonn xogħol ta’ manutenzjoni u għalhekk ingħalqet temporarjament għall-pubbliku, filwaqt li ġew provduti mobile toilets. Ix-xogħol tlesta fl-aħħar ta’ Mejju.

 

Seduta  23

28/06/2022

ĦAL TARXIEN – SKOLA PRIMARJA L-ANTIKA - XOGĦLIJIET

1698. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru fl-Iskola Primarja l-antika f’Ħal Tarxien fi Triq l-Iskola?

 

17/06/2022

 

  ONOR. OWEN BONNICI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mil-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien illi ma hemm l-ebda xogħol li qed isir ġo din l-iskola min-naħa tal-istess Kunsill.

 

Seduta  23

28/06/2022

WIED IL-GĦAJN – BYPASS - DWAL

 1697. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża: Tista’ l-Minstru tassigura li l-bypass ta’ Wied il-Għajn ikun mixgħul mal-lejl u mitfi mal-ġurnata għax qed ikun hemm partijiet mixgħula filgħodu u dlam ċappa filgħaxija?

 

17/06/2022

 

  ONOR. MIRIAM DALLI:  Ninsab infurmata li t-tekniċi tal-Enemalta ħadu l-passi meħtieġa biex isewwu ħsarat estensivi fis-sistema tad-dawl ta’ din il-bypass. L-Enemalta qiegħda tinvestiga dawn il-ħsarat li jidher li ġew ikkawżati minn terzi.

 

Seduta  23

28/06/2022

GOOD NEIGHBOURHOOD SCHEME - ĊEKKIJIET

1696. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża: Tista’ l-Ministru tgħid meta l-familji viċin l-impjant ta’ Sant’Antnin f’Wied il-Għajn se jirċievu ċ-ċekk għal din is-sena tal-Enerġija tal-Good Neighbourhood Scheme?

 

17/06/2022

 

  ONOR. MIRIAM DALLI:  Ninsab infurmata li ċ-ċekkijiet se jkunu qed jinħarġu fiż-żmien li ġej.

 

Seduta  23

28/06/2022

PERSUNI LI GĦADDEW MILL-EŻAMIJIET GĦAL PRINCIPAL U UFFIĊJAL EŻEKUTTIV

 

1695. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Uffiċċju tal-Prim Ministru: B’referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 1087 u 1202, jista’ l-Prim Ministru jara li l-informazzjoni kollha mitluba titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra biex ikun hemm tweġiba sħiħa?

 

17/06/2022

 

  ONOR. ROBERT ABELA:  B’referenza għat-tweġibiet tal-Mistoqsijiet Parlamentari numri 1087 u 1202, ninsab addizzjonalment infurmat li rigward tal-grad ta’ Uffiċjal Eżekuttiv, minn 228 kandidat li għaddew, ġew imsejħa 155 minnhom. Fil-grad ta’ Prinċipal ninsab addizzjonalment infurmat li minn 264 kandidat li għaddew, ġew msejha 236.

 

Seduta  22

27/06/2022

ĦAL GĦAXAQ – PERSUNI REĠISTRATI BĦALA BDIEWA FULL-TIME U PART-TIME

 

1664. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali: B’referenza għad-domandi preċedenti, jista’ l-Ministru  jinforma l-Kamra kemm kien hemm persuni reġistrati bħala bdiewa residenti Ħal Għaxaq full-time u part-time tul dawn l-aħħar għaxar snin u possibbilment sena b’sena bis-sess relattiv?

 

16/06/2022

 

  ONOR. ANTON REFALO:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.

 

Seduta  22

27/06/2022

ŻEJTUN – PERSUNI REĠISTRATI BĦALA BDIEWA FULL-TIME U PART-TIME

1663. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali: B’referenza għad-domandi preċedenti, jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm kien hemm persuni reġistrati bħala bdiewa residenti ż-Żejtun full-time u part-time tul dawn l-aħħar għaxar snin u possibbilment sena b’sena bis-sess relattiv?

 

16/06/2022

 

  ONOR. ANTON REFALO:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.

 

Seduta  22

27/06/2022

VALLETTA – TRIQ GIROLAMO CASSAR – MANUTENZJONI

1662. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jara li l-ħsara li hemm fl-aħħar parti ta’ Triq Girolamo Cassar, Valletta, preċiżament fejn hemm forma ta’ roundabout, tiġi msewwija?

 

16/06/2022

 

  ONOR. OWEN BONNICI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-akkwata fi Triq Ġirolamo Cassar illi qed jagħmel referenza għaliha huwa, ma taqax taħt ir-responsabbilità tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta.

 

Seduta  22

27/06/2022

BORMLA – TRIQ SAN ĠWANN T’GĦUXA - RIABILITAZZJONI

1661. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża: Tista’ l-Ministru tinforma l-Kamra meta ser tiġi riabilitata l-parti fl-aħħar ta’ Triq San Ġwann t’Għuxa, Bormla, billi jidher li f’dawn l-aħħar xhur marret lura u teħtieġ kura u tindifa sew?

 

16/06/2022

 

  ONOR. MIRIAM DALLI:  Nitlob lill-Onor Interpellant jirrieferi l-mistoqsija lil Ministru kkonċernat.

 

Seduta  22

27/06/2022

BORMLA – TRIQ SAN ĠWANN T’GĦUXA - RIABILITAZZJONI.

 

 

1660. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar: Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra meta ser tiġi riabilitata l-parti fl-aħħar ta’ Triq San Ġwann t’Għuxa, Bormla, billi jidher li f’dawn l-aħħar xhur marret lura u teħtieġ kura u tindifa sew?

 

16/06/2022

 

  ONOR. STEFAN ZRINZO AZZOPARDI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindirizza l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  22

27/06/2022

13.7.22

FORMOLARJU TAL-MEDIĊINI GĦAS-SAĦĦA MENTALI B’XEJN.

 

1940. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika meta s-Sertraline u Xanax se jiddaħħlu fil-Formolarju tal-mediċini li jingħataw b’xejn , liema mediċini jintużaw ta’ kuljum minn ħafna pazjenti b’nuqqas ta’ saħħa mentali?

 

22/06/2022

 

  ONOR. CHRIS FEARNE:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern għandu pjan miftiehem mal-professjonisti speċjalisti fil-psikjatrija biex il-Mediċini li jintużaw fis-saħħa mentali jiddaħħlu fuq il-formularju fis-snin li ġejjin skont il-prijorità klinika deċiża mill-istess speċjalisti. 

 

Seduta  25 

05/07/2022

MARSASKALA - POPOLAZZJONI.

  

 

1939. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jindika l-aħħar statistika li għandu dwar in-numru ta’ residenti li jgħixu fil-lokalità ta’ Marsaskala u l-etajiet tagħhom?

 

22/06/2022

 

  ONOR. CLYDE CARUANA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-aħħar estimi tal-popolazzjoni ta’ Marsaskala, li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika għandu, hi dik sal-31 ta’ Diċembru 2020. Il-popolazzjoni ta’ Marsaskala hija stmata  għal 15,579, li minnhom 7,239 nisa u 8,340 irġiel. 

 

Seduta  25 

05/07/2022

 

MARSASKALA – ĦADDIEMA TA’ L-ISKEMA TAL-KOMUNITÀ.

 

1938. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għar-risposta ta’ mistoqsija parlamentari 1172, jista’ l-Kunsill Lokali jindika x’tip ta’ xogħol qed iwettqu s-16-il ħaddiem li huma allokati f’Marsaskala?

 

22/06/2022

 

  ONOR. OWEN BONNICI:  

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala illi x-xogħlijiet huma varji u jinkludu fost oħrajn:- tindif u manutenzjoni ta’ latrini, tindif ta’ ġonna, manutenzjoni ta’ toroq u bankini, manutenzjoni tal-ħadid u railings u bankijiet tal-promenade.

 

Seduta  25 

05/07/2022

MARSASKALA - TINDIF TAT-TOROQ

  

 

1937. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Turiżmu: Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ tindif qed isir, inkluż knis u ħasil ta’ bankini u toroq fil-lokalità ta’ Marsaskala, u kull meta jsir dan ix-xogħol? Jista’ wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-programm u skeda ta’ dawn ix-xogħlijiet? 

 

22/06/2022

 

  ONOR. CLAYTON BARTOLO:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħasil tal-promenade ta’ Marsaskala jinqasam f’żewġ partijiet - kull nhar ta’ Ħamis u kull nhar ta’ Ġimgħa filgħodu kmieni. Din l-iskeda tibqa’ għaddejja sal-aħħar ta’ Settembru (kull ġimgħa kif spjegat). 

 

Seduta  25 

05/07/2022

FGURA - TRIQ IL-KAMPANELLA – ŻBROFF TA’ DRENAĠĠ

 

1936. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1195, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra liema passi ttieħdu u lil liema entitajiet ġie mgħoddi dan l-ilment u dan bit-tama li x-xogħol neċessarju jsir tul is-sajf li ġej?

 

22/06/2022

 

 

 

 

 

 

  ONOR. OWEN BONNICI:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 1195.

 

Seduta  25 

05/07/2022

FGURA: TRIQ IL-KAMPANELLA – ŻBROFF TA’ DRENAĠĠ.

 

 

1935. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1198, tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra liema huma l-entitajiet li qed isiru t-taħdidiet magħhom u jekk il-pjan ta’ tħejjija ġiex finalizzat sabiex ix-xogħol neċessarju jsir tul is-sajf li ġej?

 

22/06/2022

 

  ONOR. MIRIAM DALLI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tiddiskuti proġetti fl-area indikata ma’ Infrastructure Malta prinċipalment. F’dan l-istadju l-Korporazzjoni qiegħda f'diskussjoni biex tiffinalizza skeda ta' interventi ppjanati li jidħlu fil-proġett ippjanat ta' Infrastructure Malta.

 

Seduta  25 

05/07/2022

Il-Ħajja tikber fil-Ħniena.

 

1.      F’liema żmien qed ngħixu, illum il-ġurnata?  Liema valuri u prinċipji nħaddmu u nħaddnu fis-soċjeta tagħna?  X’inhuwa moda u x’inhuwa aċċettabbli?  Dawn huma d-domandi li, mingħajr ma trid tagħmel waqt li taqra l-aħbarjiet, jew wara li tidħol lura d-dar wara jum ta’ xogħol mal-bnedmin.  Għadu parti mill-ħajja li l-bniedem iħenn għall-ieħor?  Għadha parti minnu l-ħniena, jew li jkun iebes miegħu?  Ma’ kull żball uman isib min jipprova jwaqqgħu għaċ-ċajt.  Min iżeblaħ bih u jirredikolah.  Min irid isikktu u jafferma fih il-ħsieb li huwa superjuri għal ħaddieħor.  Li għandu hu biss id-dritt li jgħix, li jitkellem, li jirbaħ, li jiddomina, mentri hu, għax ħanin, huwa suppost “dgħajjef”.

 

X’linja titħaddem

 

2.      Ninnota iktar kemm is-soċjetà qed issir intolleranti f’isem kunċett stramb ta’ tolleranza: tkun illiberali f’isem il-libertà.  Kemm mhix lesta tisma’ vuċijiet differenti minn tagħha.  Kemm tħares li għandha d-dritt li ssawwat u ssikket lil dawk li tarahom “barra mis-soltu”.  Lil dawk li, bi kliemhom, iridu jew ma jridux, iniggżu l-kuxjenza tal-oħrajn.  Sew bl-imġieba tagħhom, kif ukoll bil-ħsibijiet tagħhom iċaqilqu fejn ħaddieħor ma jridx imur.  Anzi, kif ilna naraw, dawn l-aħħar snin kiber iktar il-kunċett li biex wieħed iħossu aħjar għandu bżonn li jċekken lill-oħrajn.  Għandu bżonn iwaqqagħhom għar-redikolu.  Għandu bżonn ukoll li jkissirhom.

 

Jaslu għal ħafna

 

3.      Qrajt numru ta’ kotba tal-Cardinal Robert Sarah.  Kull ktieb huwa minjiera ta’ għerf, għaqal u gwida.  Fil-volumi ftit sibt traċċi dwar l-imrar li għadda f’ħajtu, salv ftit sentenzi li jimmeritaw attenzjoni.  F’mument, jgħid hekk: “Your heart must not have enemies, either.  I speak from personal experience.  I painfully experienced assassination by gossip, slander and public humiliation, and I learned that when a person has decided to destroy you, he has no lack of words, spite, and hypocrisy; falsehood has an immense capacity for constructing arguments, proofs and truths out of sand.”  Dawn il-kliem, kif sibthom, indur lejhom u drabi wkoll nikkonsla oħrajn bihom.  Kull bniedem imiss dan mill-oħrajn.  Minn dawk li jiżirgħu l-krudeltà, il-mibgħeda, drabi wkoll taħt għajta stramba ta’ ġustizzja.

 

Bħal mirja

 

4.      Għandna, f’dan, għażliet f’idejna li għandna nieħdu.  Għax kull ħaġa fil-ħajja, sew jekk tajba, sew jekk le li nwettqu, tiddependi mil-libertà tagħna.  Imma dawn iġibu fuqna dak li jidher fil-mirja.  Kif jgħid San Girgor ta’ Nissa: “For mirrors show the faces they reflect precisely as they are, cheerful of those who are cheerful, gloomy of those who look sad.  Yet no one would hold the nature of the mirror responsible for the gloom of the face reflected, if the original itself shows depression.”  Dak li nagħżlu li nagħmlu f’ħajjitna jkun dak li jidher barra.  Nagħmlu x’nagħmlu, ma nistgħux nidhru li qed niżirgħu s-sewwa, meta nkunu s-sikrana tal-imrar u tal-ħsieb żbaljat.

 

Fl-Unjoni Ewropea

 

5.      Ġibt dan kollu lura quddiemi jumejn ilu.  Il-Ħadd li għadda ftakart li fid-19 ta’ Ġunju 2011, pajjiżna kien iffirma l-ftehim sabiex ikollna aġenzija Ewropea taħdem hawn.  Aġenzija Ewropea li stinkajna sew għaliha bħala Gvern Nazzjonalista.  Waħda li rnexxielna nipperswadu ‘l-membri li aħna l-aqwa għażla għal varjetà ta’ raġunijiet.  Ftit jafu li f’dik il-ġurnata bdiet topera hawn magħna dak li kienet qabel il-European Asylum Support Office (EASO), li li llum saret il-European Union Agency for Asylum (EUAA).  Kien hemm raġunijiet varji għala għażilna li jkollna din l-aġenzija prestiġġjuża hawn.  Għażilna, għax ridna nibgħatu messaġġ li aħna poplu li nagħtu valur lill-ħniena, lit-tolleranza vera, lid-drittijiet umani, u f’dan, lid-dinjità umana.

 

Soda sew

 

5.      Fil-perkors ta’ dawn is-snin, żammejt kemm stajt attenzjoni lejn ħidmietha.  Ma kienx hemm sena li ma mxietx ‘il quddiem fiha.  Li ma żiditx l-esperjenza u li ġiebet iktar ordni.  Settur li kellu bżonn jiġi kkultivat sabiex jonqos l-aġir żbaljat lejn dawk li, għal xi raġunijew oħra, jaħarbu minn pajjiżhom.  Iktar bnedmin li jikkuraw lill-oħrajn.  Iktar ħidma umana għas-sewwa, li tant tagħti frott.  Fi proċess lejn iktar umanità u inqas diżumanità.  Fejn kull persuna, ġejja minn fejn hi ġejja, hija importanti, m’hijiex oġġett.  Fejn ħajjitha għandha tiġi protetta.  Kibret tant sew, li llum hija għodda essenzjali fl-Unjoni Ewropea, u hija ta’ kontribut qawwi lill-ekonomija tagħna.

 

Għadu fid-dell

 

6.      Din il-ħidma għadha, però, fid-dell.  Mhix magħrufa biżżejjed fil-ġid li qegħda twettaq.  Għax illum nifhem iktar dak li rajt isir snin ilu.  Meta kien hemm min iddeċieda li biex jinbidel il-Gvern Nazzjonalista, kien hemm bżonn kampanja qawwija li ċċekken u tkasbar dak kollu li twettaq.  Meta kien hemm min, nagħmlu x’nagħmlu, ried ipinġih ikrah ħafna.  Joħloq, f’dan, falsitajiet (fake-news), jivvinta provi u fatti ineżistenti.  Jipprova jġib il-ħsieb li fi żmien il-Partit Nazzjonalista, kollox kien ħażin.  U, kif nafu, meta jkun hemm min irid ikisser lil ħaddieħor, ma hemmx limitu għal azzjonitu.  U f’ħafna, kif nara, irnexxielu, għax hemm min għadu jemmen dawn il-falsitajiet, u anzi, xi drabi lanqas ma tista’ tfendi kelma li ma jaqbżux fuqek.

 

Id-dinja ddur

 

7.      Imma d-dinja ddur.  Dak li ħaddieħor jurih bħala żbaljat, meta ma jkunx, maż-żmien jerġa’ joħroġ lura għad-dawl.  Jiġi stmat fl-għarfien li ttieħdu passi tajba.  Passi li kienu ispirati minn valuri etiċi umani, Insara, li għadhom gwida.  Għadhom hemm għad-dispożizzjoni tal-poplu, jwettqu l-ġid fis-silenzju umli tagħhom.  Biss, għal dawk li raw, għal dawk li ġarrbu, anki jekk jibqgħu jsibu lil min jipprova jċekkinhom, għandhom dmir jiktbu u juru.  Ifakkru li sar ħafna sewwa.  Ħafna li għamel, u għadu jagħmel il-ġid.  Ifakkru li l-atti t-tajba jkattru proprju għax il-ħajja umana tikber fil-kwalità tal-ħniena.

 

 

  

 

7.7.22

Il-Politika wara l-Pandemija

 


1.      Dawn l-aħħar sentejn, li fihom u tulhom għaddejna minn esperjenza differenti sew ġejna lkoll, b’xi mod, milquta.  It-toroq umani ġew mibdula.  Ħafna raw ħajjithom f’ċirkostanzi tant il-kontra ta’ dak li kienu mdorrijin jgħixu fih, li ħarġu magħhom effetti negattivi.  L-aspett soċjali, dak ekonomiku, dak kulturali u wkoll dak politiku ħadu daqqiet varji.  Kemm qed napprezzaw dan issa, fil-preżent li fih jidher li qbadna t-triq lura, hija ħaġa oħra.

 

Waħda differenti

 

2.      Hija hekk għax ngħid li hemm bżonn li wieħed jaqbad proċess ta’ analiżi ta’ dak li seħħ fl-aħħar xhur.  Analiżi ta’ dixxerniment, li permezz tiegħu nistgħu nifhmu l-isfond ta’ ċerti deċiżjonijiet politiċi u kif nistgħu nibnu aħjar.  Hemm bżonn tweġibiet fil-partiti li s-soċjetà qegħda titlob sabiex tifhem aħjar.  Dawn għadhom mhumiex isiru.  Sfortunatament, il-partiti politiċi, flok imxew lejn iktar attenzjoni u rikonċiljazzjoni, konverġenza interna u esterna, daħlu f’ħidma li qegħda tiżra’ iktar riżentimenti.  Twieldu rabji ġodda li ngħaqdu ma’ dawk passati, li flok qed jinġiebu lura għall-kalma u r-raġuni, qed jitħallew ikomplu jikbru.

 

Francesco Occhetta

 

3.      F’dan sibtni, f’dawn il-jiem, naqra ktieb li xtrajt tul il-pandemija.  Wieħed miktub minn dan il-Ġiżwita.  Wieħed li huwa ndirizzat lejn analiżi tal-pożizzjoni politika fl-Italja, imma li fih ukoll lezzjonijiet tajba għalina.  It-titolu tiegħu, fil-fatt, jitkellem waħdu: Ricostruiamo La Politica.  Il-ħsieb huwa kif, u x’sehem għandu jagħti l-politiku Nisrani fl-istaġun preżenti fil-pajjiż ġar tagħna.  Iktar u iktar fid-dawl li ma hemmx partit li huwa b’saħħtu nazzjonalment li jiġbor lura fih id-Demokristjani jew l-Insara fil-ħajja politika.

 

Ma hemmx rikostruzzjoni

 

4.      F’dan, il-Partit Nazzjonalista mhuwiex fil-pożizzjoni fejn irid jibni mill-ġdid.  Fis-sens li m’hawnx bżonn li wieħed jibni partit Demokratiku-Kristjan, għax diġà hemm.  Għandu diġà n-Nisrani, fejn jekk irid jagħżel jidħol biex jagħti sehmu.  Biss, xorta waħda hemm diversi punti li jitolbu li wieħed jirranġa u jifforma aħjar dak li għandu.  Jiddixxerni aħjar, kif jgħid l-awtur: “ai processi che portano alla luce le domande di senso sull’uomo e sul mondo proprio di una Civiltà umana.”  Iktar u iktar meta l-klassi politika f’pajjiżna għandha, u qegħda topera taħt id-dell tal-akkuża kostanti tal-operat tal-korruzzjoni.  L-awtur, fuq dan, ġustament iħares lejn kitbet il-Papa.  U jgħid hekk: “Per papa Francesco la corruzione sporca il cuore di chi la sceglie, offusa le coscienze, toglie la libertà, mortifica il desiderio di amare.

 

Prijorità

 

5.      F’dan trid tibqa’ prijorità li tul dan iż-żmien li ġej, il-klassi pubblika trid tibni mhux biss proċeduri legali, amministrattivi fejn hemm bżonn, imma kultura aqwa.  L-onestà u l-integrità mhumiex dejjem popolari fost il-bnedmin.  Anzi, ċerti drabi jkun hemm min idejqu min ikun hekk.  Imma jekk irridu li l-pajjiż tagħna jimxi ‘l quddiem, irridu nassiguraw li jkollna klassi politika li hija ffurmata aħjar.  Għandna l-esperjenzi, it-tagħlim u t-taħriġ biex tifhem x’inhuwa s-servizz pubbliku t-tajjeb għall-proxxmu.  F’dan, Occhetta jħares lejn prassi u prattika importanti li pajjiżu abbanduna u li huwa jikkunsidra lihemm bżonn li tinqabad, jekk wieħed irid jibni mill-ġdid.  Huwa jgħidhekk: “Per i costituenti, i partiti erano paragonabili a palestre che, attraverso duri e lungi allenamenti, permettevano di selezionare gli uomini più adatti per governare le istituzioni democraticamente.

 

Id-dinja llum

 

6.      Wara l-pandemija ngħid li dawn huma punti li wieħed irid jaqbad mill-ġdid.  Il-poplu jistenna li jkollu persuni preparati mingħandna.  Għalhekk, jekk irridu bnedmin fil-politika t-tajba u iktar Demokristjani, irridu naraw li nwieġbu għal din is-sejħa.  Inwieġbu billi jkollna iktar persuni li jieħdu sehem fl-istrutturi tal-partiti, iktar li jkunu lesti li jservu fil-ħidma fil-Kunsilli Lokali.  Mhux biss jidħlu, imma jmissu mal-esperjenza politika vera.  Jidħlu fil-pjaċir li jagħrfu li l-partiti politiċi huma wkoll strumenti għas-sewwa, li jwettqu passi tajba billi jkunu maħsuba u mibnija fuq l-esperjenza li tkabbar l-umiltà.

 

Ktieb tajjeb

 

7.      Għalkemm, kif għidt, hemm numru ta’ punti li joħorġu dwar kif qed issir il-politika fl-Italja, xorta l-ktieb huwa wieħed li jimmerita attenzjoni.  Aktar u aktar meta l-kittieb huwa kkunsidrat bħala punt ta’ referenza u gwida.  Huwa wieħed li jinsisti li hemm bżonn politiċi li jwieġbu aktar, billi jagħtu kontribut iktar deċiżiv sabiex ikun hemm twettiq aħjar tal-ġid komuni.  Wara l-aħħar esperjenza elettorali huwa proprju iktar importanti li jinbeda dan il-proċess ta’ formazzjoni u dixxerniment politiku.

 

 

 

 

Rebħa għall-Istabilità

 


1.      L-aħbar li Emanuel Macron ġie konfermat President tar-Repubblika Franċiża hija fit-triq tal-istabilità.  Stabilità, l-ewwel, Ewropea, u wara mondjali.  Franza huwa pajjiż li jibqa’ ankra vitali għall-politika, sija fi ħdan l-Unjoni Ewropea, kif ukoll f’dik tal-Ġnus Magħquda.  Waħda li ċertament teffettwa lilna wkoll.

 Demokrazija

 2.      F’dan huwa iktar ċar li l-vot kien kontra kull forma ta’ estremiżmu.  Dak li Marie Le Pen tirrappreżenta, u anzi, f’dak li tibqa’ ssegwi linja politika żbaljata.  Mhux biss, imma huwa iktar qawwi li l-messaġġ anti-Unjoni Ewropea tagħha ġie miċħud.  Ħadd ma jista’ jissogra li jitlaq lejn esperimenti li, fl-aħħar tal-ġurnata, jwettqu l-ħsara.  Dak li d-demokrazija affermat f’dawn is-snin m’għandux jintilef.

 Tassigura

 3.      Għalhekk, wieħed għandu ċertament jirrifletti fuq kif partit tal-lemin fi Franza ewropea għandu jmur daqshekk tajjeb.  Wieħed għandu jirrifletti u jara kif, anzi, anki x-xellug estrem żied huwa wkoll fil-kunsensi.  Dan qed jingħad għax il-pajjiż għadda minn diversi problemi ekonomiċi fi ħdan il-proċess tal-pandemija.  Dawk li ppermettew li min huwa l-iktar l-isfel iħoss l-iktar l-impatt.  Mentri l-interessi ta’ min qiegħed fuq, ġew iktar protetti.

 Effett kuntrarju

 4.      Minn dan huwa iktar ċar li l-familja Le Pen qegħda tassigura li min ikun qiegħed jiġri kontra tagħha jiġi elett.  Huwa mill-iktar ċar li ma tistax tiġi eletta President tar-Repubblika.  U tipprova kemm tipprova, tibqa’ vuċi ta’ forma ta’ protesta, imma mhux dik li tista’ tibni u tmexxi pajjiż daqshekk kompless.  Pajjiż li l-politika barranija tiegħu hija ċentrali għal dak li hija stabilità u viżjoni fit-tul.  Le Pen diġà ma ġabritx il-kunsens nazzjonali drabi oħra fil-passat, u tibqa’ toħroġ kemm toħroġ, ma tiġix magħżula.

 Delużjoni

 5.      F’dan, però, wieħed irid jgħid li l-aħħar terminu ta’ Macron ma laħaqx dak li ħafna ppretendew minnu.  Meta wieħed jara dak li ddikjara qabel ma beda ħidmietu, speċjalment kitbietu, isib li altru x’qal u altru x’għamel.  Mhux biss internament, imma wkoll fuq livell Ewropew.  Ir-riformi u l-ideat tiegħu ma seħħewx, u anzi, sabu ħafna reżistenza.  F’dan irid ċertament jara kif ser jipprova jibdel lilu nnifsu u jifhem iktar ir-realtà li qiegħed jiġi mitlub jaffronta.

 Importanti

 6.      F’dan kollu huwa iktar importanti li t-tmexxija Macron tifhem aħjar dak li lkoll nistennew minnha.  Iktar u iktar f’dan iż-żmien, fejn il-gwerra ta’ aggressjoni hija għaddejja mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna.  Sehem u passi li hemm bżonn li jittieħdu, sabiex il-partijiet jinġiebu mal-mejda tad-diskussjoni.  Mhuwiex aċċettabbli li jibqa’ jseħħ dan id-diżastru, li fih, bnedmin varji qed jitilfu ħajjithom u l-bliet qed jitkissru kompletament.

 Forza ta’ stabilità

 7.      Il-bilanċ intern Ewropew kellu bżonn li Macron jiġi konfermat.  Dan meta wieħed jagħraf li Franza u l-Ġermanja huma forzi politiċi qawwija fl-Unjoni.  U jekk huma t-tnejn jaqblu, rari ħafna biex ma jseħħx dak li jistabbilixxu.  Fit-tmiem tat-tmexxija ta’ Angela Merkel, li żammet iċ-ċentru għal snin twal, l-Unjoni Ewropea ma setgħetx tidħol għal avventura oħra billi tara bidla daqshekk qawwija minn Macron għal Le Pen.

 Nippretendu iktar

 8.      Pajjiżna għandu bżonn jara iktar stabilità politika Ewropea.  Għandu bżonn li pajjiż kbir bħal Franza, fejn hemm ulied varji tagħna, tibqa’ mmexxija tajjeb.  Nittamaw li Macron jifhem kemm huwa importanti li jwieġeb għar-realtà tal-pajjiż.  Jifhem li x-xenarju huwa iktar kumplikat, speċjalment meta wieħed iqis li huwa kap ta’ partit maħluq minnu, u li l-forza tiegħu tiddependi fuq il-Presidenza li qiegħed jokkupa.  Jifhem li d-dinja qed tippretendi iktar mingħandu.

 Inħarsu ‘l quddiem

 9.      F’dan, għalhekk, għandna nħarsu iktar ‘il quddiem.  Għax hemm ħidma li trid issir.  Aktar u aktar meta pajjiżna huwa diġà membru fl-Unjoni Ewropea, imma wkoll fis-snin li ġejjin ser ikun membru mhux permanenti fil-Kunsill tal-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda.  Pajjiżna għandu s-sehem, u l-piż tiegħu fil-politika Ewropea u barranija.  Proprju għalhekk li għandna nħarsu lejn il-futur sabiex dawn jiġu ssudati fit-tieni terminu tal-President Franċiż Emanuel Macron.

 

 

 

Dinjità fl-Umiltà

 


1. Ilum huwa l-Ħadd l-ewwel ta’ Mejju. Jibqa għalina f’dan il-Partit jum importanti, gebla tax-xewka tas-soċjetà u tal-liġijiet tagħha. Jibqa hekk għax ir-rispett lejn id-dinjità tal-ħaddiem fuq il-post tax-xogħol hija l-prova li poplu miexi ‘l quddiem. Hija l-evidenza li hemm żvilupp soċjo-ekonomiku li jgħaraf il-bilanċi essenzjali f’dinja li ma tridx wisq tirrispetta r-regoli u l-liġijiet tas-sewwa. Fejn xejn ma huwa xejn u ma hemmx responsabilità tal-aġir żbaljat tal-bniedem. Fejn bnedmin jbaljaw u jippretendu li mgħandhomx jagħtu kont.

Mija u wieħed u tletin

2. Ngħid iktar dan għax hemm dokument uniku li llum forsi jiġi skartat li fetaħ kapitoli ġodda għall-bniedem. Ngħid dan fl-isfond tal-pass uniku, storiku u li wieġeb għar-realtà li l-enċiklika Rerum Novarum fiha. Fl-15 ta’ Mejju 1891 ġiet ippublikata taħt t-tmexxija ta’ Papa Ljun Tlettax. F’dinja dominata minn kapitaliżmu bla ruħ u bla kontroll fejn kitbet Karl Marx dehru li huma s-soluzzjoni kien hemm pożizzjoni nisranija ċara. Waħda li nislet il-bidu ta ħidma politika u soċjali li għadha magħna. Waħda li l-Partit Nazzjonalista kien stqarr fil-prinċipji tiegħu li hija dik li tispirah f’ħidmietu.

Kondizzjonijiet tax-xogħol

3. Dokument iktar sabiħ meta wieħed jgħaraf kemm baqa jispira u jinfluenza. Vera li ftit huma dawk li llum fl-għerf tagħhom jgħarfu. Vera iktar li dawk li jridu jibnu mill-ġdid il-politika qed jidħlu mingħajr ma jafu x’inhija t-tajba. Vera iktar li hemm bżonn diskussjoni sabiex wieħed jgħaraf iktar iċ-ċirkostanzi li l-bniedem fuq il-post tax-xogħol qiegħed jaffronta u nifhmu li hemm soluzzjonijiet għalihom. Għax illum il-gurnata f’soċjetà li tidher iktar żviluppata għad għandna kategoriji varji ta ħaddiem li l-kundizzjonijiet tagħhom mhumiex tajba xejn.

Rispett u responsabbilità

4. Għad għandna ħafna li jservu fis-soċjetà tagħna li jahdmu mingħajr ma sahhithom hija protetta kif għandha. Diversi ohra li l-paga tagħhom ma tirrispettax d-dinjita tas-servizz imma thares biss lejn l-utilita ekonomika. B’ħafna ħaddiema li llum qed jsibu ruħhom fil-pożizzjoni li ma jistgħux jgħixu billi mhumiex jaqilu paga deċenti. Ħaddiema li huma fit-tarf u fl-abbandun tal-komunità tagħna. Ħaddiema li qed jmissu ma diversi dnubiet mortali li jattakkaw l-esistenza tagħhom. Ħaddiema li ma għandhomx ħajja u mistrieħ imma li jridu jaħdmu mingħajr waqfien jekk jridu jinġabru.

Ekonomija fid-deżert

5. Niddikjaraw u bir-raġun li nemmnu li aħna partit li jħares li jħaddem ekonomija li hija għas-servizz tal-bniedem. Ċertament mhux l-kontra. Imma illum l-ġurnata r-realtà hija wara dak li għaddejna minnu proprju ta’ ekonomija bla direzzjoni salv waħda. Dik li tiġġustifika l-eżistenza tagħha billi tagħmel iktar flus għal pjaċir uniku ta hekk u mhux sabiex twettaq il-ġid lill-bniedem. Il-kunċett tal-ġid komuni li diversi drabi nisimgħu bih twieled snin ilu minn dak id-dokument fundamentali għad-dottrina soċjali huwa fil-preżent abbandunat. Hemm ħidma ekonomika varja li ma għandhiex ebda sens u sustanza fil-valuri tal-ħajja.

Ambjent

6. Ir-realtà hija li huwa l-ambjent ta madwarna li qiegħed jipprova jġib lill-bniedem ekonomiku biex jifhem dan. Ħafna qed jippruvaw jibdlu prattiċi li kkonsolidaw u huma ta theddida għad-dinjità umana mhux direttament għalih imma l-ewwel għal ambjent. F’dan il-proċess wieħed jinnota iktar li għandna investimenti varji mingħajr proġetti. Għandna suq li ma jridx jieħu fuqu r-responsabbilità soċjali li għandu jġorr. Għandna soċjetà teknologika li qed taħdem mingħajr kuxjenza anzi qisha bla bidu u bla tmiem, ddur fuq ix-xejn tagħha. Għandna iktar l-ħsieb ta’ żvilupp ekonomiku mingħajr ma miegħu jġib tkabbir fis-settur tax-xogħol. Toroq fin-non-progress imma f’rigress ta’ instabilità.

Parteċipazzjoni

7. F’dan il-jum però huwa iktar evidenti li l-ħaddiem qiegħed jnaqqas fil-parteċipazzjoni demokratika. Jnaqqas milli jiehu sehem fl-istituzjonijiet tal-pajjiż. Qiegħed jaqta l-bgħid f’xettiċizmu mill-politika u mill-klassi politika innifisha. Ta għarfien ikbar li hemm min qiegħed jirkeb għall-interessi personali tiegħu. Ta reazzjoni ċara għal fatt li ferm u ferm aktar ħaddiema mhumiex ossu li hemm bnedmin fil-ħajja pubblika li lesti jitkellmu u jaqbżu għalihom. Anzi hemm forom ta’ xettiċiżmu fir-retorika li wieħed jiddikjara li ġej mill-klassi tal-ħaddiem fl-għarfien li l-prijoritajiet tiegħu mhumiex li jgħaraf u jiddefendi verament il-ħaddiem.

Solidarjetà

8. Dan huwa iktar ċar f’din is-soċjetà li trid u għandha bżonn iktar alruwiżmu, aktar ġenerożità, aktar ħniena u aktar solidarjetà. Waħda li però qed issib li dan ma huwiex awtentiku. Dan jingħata artifiċjalment u anzi min jingħata jrid orr miegħu xi forma ta’ dell ikrah. Jiġi jidher li huwa dak li qiegħed minflok jabbuża. F’soċjeta li nqalbet ta taħt fuq b’kunċetti meritokratiċi tagħha li kabbru l-faqar u ġiebu iktar riżentimenti milli ġustizzja. F’soċjetà li trid tħares lejn l-assigurazzjoni ta’ privileġġi bażati fuq il-qlie ekonomiku u mhux il-ħidma neċessarja u dinjituża tal-bniedem. 

L-Ewwel ta’ Mejju

9. F’dan iż-żmien huwa għalhekk iktar minn qabel importanti li wieħed jiddiskuti d-dinjità tal-ħaddiem. Huwa u għadu rilevanti li wieħed jitkellem u jressaq għall-attenzjoni l-pożizzjoni tal-klassi tal-ħaddiem. Ħafna bnedmin fl-umiltà tagħhom qed isofru u ma jsibux min jaqbeż għalihom. Is-soluzzjoni ma hix li wieħed jisforza f’għaqdiet jew unjons imma li wieħed jipperswadi u jikkonvinċi. Jipperswadi li hemm sistema li taħdem u li tikkonvinċi li kapaċi tasal mingħajr kompromess. Hemm f’dan bżonn ferm iktar riflessjoni u ħidma għal min huwa parti mill-klassi tal-ħaddiem. Hemm bżonn li dan il-jum ma jgħaddix f’forma ta memorja passata imma f’waħda ta’ preżent attwali. Għax fl-umiltà tiegħu l-ħaddiem ħaqqu d-dinjità sħiħa tiegħu.

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...