19.4.22

X’qiegħed jinħeba minna?


 

1.      Dħalt għand iktar djar tul din il-ġimgħa.  Tkellimt ma’ ħafna, u jidher mill-iktar ċar li f’din il-gżira ħafna huma nkwetati.  Ħafna qegħdin isegwu dak li għaddej fl-Ukrajna.  Il-gwerra distruttriċi li għadejja qed tirbaħ fl-attenzjoni.  Iktar bnedmin qed josservaw fid-dettall għax iridu jkunu jafu.  Iridu jiġu nfurmati bil-fatti u ma jaħarbux minn dak li għaddej.  Għax il-pajjiż jagħraf li hemm effetti li qed imissu lil dak il-pajjiż u r-reġjun, però qiegħed imiss lilna wkoll.  Aħna għandna kampanja elettorali għaddejja, u ħafna huma mdorrijin bl-istaġun tal-proposti u l-wegħdi.  Imma hawn għandna iktar.

 

Inkwetati

 

2.      Ma nżid xejn magħkom jekk nikteb li diversi huma nkwetati sew.  Però, l-inkwiet tagħhom qiegħed jikber għax qed naraw li l-Gvern qiegħed jaħrab u jaħbi minn dak li ġej.  Il-kampanja telqet f’xenarju politiku, imma tulha kollox qiegħed jinbidel.  Dan għax id-dinja, fil-preżent, bdiet u daħlet fi proċess ta’ bidla.  Bidla fir-rabtiet ta’ sigurtà.  Bidla fil-linji ta’ komunikazzjoni.  Bidla fir-relazzjonijiet kummerċjali.  Bidla fir-rabtiet diplomatiċi.  Bidla fir-rabtiet u r-relazzjonijiet umani.  Bidla ġenerali li ser iġġib effetti soċjali u ekonomiċi qawwija għall-Unjoni Ewropea u għalina.

 

Itwal

 

3.      Dan ġej minħabba żewġ fatturi.  L-ewwel: il-konsegwenza tad-deċiżjoni żbaljata li ttieħdet mill-Federazzjoni Russa.  L-invażjoni hija ħażina, u qed iġġib għaliha telfiet f’riżorsi, fi bnedmin li qed jitilfu ħajjithom u fi tkissir fix-xejn.  It-tieni: l-effett tar-reżistenza erojka u kostanti tal-poplu Ukren.  Għal min seta’ ħaseb li kollox kien ser jikkrolla f’daqqa u li l-pajjiż ser iċedi f’daqqa qiegħed isib li dan mhuwiex minnu.  Ma’ kull ġurnata qed naraw iktar kumplikazzjonijiet fejn hemm ferm inqas avvanz milli wieħed kien, fuq l-imwejjed militari, jobsor.  Ma’ kull ġurnata huwa iktar ċar li hemm bżonn negozjati u ħidma diplomatika lejn il-paċi.

 

Falliet

 

4.      Hija fiċ-ċar li l-linja strateġika li diversi fil-kamp tal-militar isostnu, falliet.  Meta l-Ġeneral Wesley K. Clark, fl-2001 kien iddikjara li: “We seek to be as decisive as possible once we begin to use force”, ħafna ħaduha bħala linja essenzjali f’deċiżjonijiet simili.  Imma hawn ma seħħitx, u għalhekk, fid-dewmien twil ta’ dan il-kunflitt qed jikbru iktar l-għoqiedi u l-isfumaturi.  Alleanzi varji qed jinbidlu, u l-interessi ekonomiċi qegħdin jiddettaw sabiex iġibu f’daqqa dawk li ħadd ma kien jimmaġina li kienu.  Tul din il-ġimgħa rajna dan, u rajna attentati varji sabiex tinstab soluzzjoni.

 

Vuċijiet

 

5.      Hemm bnedmin varji.  Hemm kapitali u mexxejja li qed jagħmlu l-isforzi tagħhom biex jippruvaw iġibu l-ordni u r-raġuni fejn mhix illum.  Hemm iktar sforz kbir sabiex il-kunflitt jieqaf u ma jinxteridx.  F’dan hemm dawk li huma f’alleanzi militari u hemm ukoll dawk li huma newtrali.  Kull pajjiż għandu l-piż politiku tiegħu.  Kull wieħed jista’ jgħin.  Fejn l-armi u s-saħħa ekonomika għandhom il-vuċi tagħhom.  Imma hemm ukoll dawk li, għax m’humiex armati, jistgħu jkunu għodda sabiex iġibu l-partijiet lejn ir-raġuni.  Forsi iktar, li wieħed jifhem li wieħed aħjar jasal fi ftehim li jwaqqaf fejn ikun hemm reġistrati punti differenti milli dal-proċess ta’ distruzzjoni totali.

 

Nifhmu aħjar

 

6.      Għandna nifhmu aħjar li dan il-proċess ser ikollu konsegwenzi għall-futur tagħna.  Il-ħajja soċjali u ekonomika tagħna ser tinbidel.  Dak li konna qegħdin nippreparaw biex nidħlu lura fih wara dawn is-sentejn ta’ pandemija, issa rridu naħsbuh mill-ġdid.  Biss, f’dan, wieħed irid jimmarka li l-Gvern m’huwiex iwieġeb għal dan.  Kien, u għadu żbaljat li wieħed jaħseb li għax il-Prim Ministru ma jitkellimx dwan din il-problema, ifisser li f’għajnejn il-poplu ma teżistix.  Il-pajjiż qiegħed jippretendi li jittieħed bis-serjetà.  L-elettorat qiegħed jinsisti li tingħadlu l-verità.  Qiegħed jitlob li minn issa jkun jaf x’miżuri jistgħu, u ser jittieħdu għall-futur.  Jekk ix-xenarju jinbidel, miegħu għandhom jinbidlu wkoll il-proposti.  Punt li m’aħniex naraw.  Punt li qed jinħarab.

 

Mhux preparat

 

7.      Il-pożizzjoni hija mill-iktar evidenti.  Il-Prim Ministru ma jridx jaffrontaha, mentri l-Kap tal-Oppożizzjoni u s-soċjetà, iridu.  Mill-Oppożizzjoni tkellimna, u diġà pproponejna miżuri għaż-żieda li ser ikun hemm.  Ser ikun hemm żieda fl-għoli tal-ħajja.  Hemm prezzijiet diretti li diġà ħarġu.  Hemm instabilità kbira għan-negozjant tagħna li jaf li ma’ kull ordni, ġimgħa wara l-oħra, ser ikollu jikkalkula jekk għadux vijabbli li jimporta, jew le.  Għax nafu li l-perjodu, biex niġu lura għal xi forma ta’ normalità ser jikber, u dan bil-konsegwenzi fuq id-dinja tax-xogħol.  Imma flok nitkellmu fuq dak li għandna nagħmlu, qed naħarbu mill-problema għax qegħdin f’elezzjoni ġenerali.

 

Il-verità

 

8.      Dan ser ikompli jżid fis-sħab iswed li l-pajjiż qiegħed jara li dalwaqt ser ikollu jmiss miegħu.  Dawk fil-kummerċ tkellmu.  Tkellmet ukoll il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent tal-Knisja, li bdiet id-dokument tagħha proprju fuq dan.  Meta qalet li l-Elezzjoni Ġenerali qed issir waqt li għaddejja l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, kienet ċara.  Bħal meta kompliet tgħid hekk: “Din hija traġedja għall-Ukrajna, għall-Ewropa u għad-dinja kollha.  Din il-gwerra mhi xejn għajr ġennata u attakk dirett fuq dak kollu li tirrappreżenta l-Ewropa, li reġgħet bniet lilna nnifisha wara t-Tieni Gwerra Dinjija.  Il-Gwerra li għaddejja bħalissa ġabet fuq quddiemnett kwistjoni ambjentali fundamentali marbuta mas-sorsi ta’ enerġija tad-djar, l-ekonomija tad-dinja kollha u anki l-impatt li l-użu ta’ dawn is-sorsi għandu fuq il-klima li żżomm il-ħajja fuq il-pjaneta tagħna kif nafuha.”  Kliem li jitkellmu waħedhom u li jitolbu attenzjoni.

 

Vulnerabbli

 

9.      Qegħdin, ċertament, iktar fuq pjaneta vulnerabbli.  Qegħdin fi sfida ferm ikbar milli kellna qabel.  Biss, huwa dejjem żbaljat li flok jingħadu, il-fatti qed naħarbu minnhom, jew naħbuhom.  Il-Gvern għandu jieħu ħsieb jgħid il-verità issa, mhux wara l-Elezzjoni Ġenerali.  Għandu bżonn ikun jaf x’jista’ jsir u li dan jiġi diskuss nazzjonalment.  Għandu bżonn iktar onestà, iktar trasparenza, u mhux in-nuqqas tagħhom.  Dak li ġej għalina mhuwiex faċli, u m’għandux bżonn jiġi kumplikat iktar b’dan il-ħabi.  Jidher ċar kristall li hemm fatti u realtà li ma tridx tingħad lilna, fil-biża’ li l-elettorat jibdel il-Gvern.  Proprju għalhekk li wieħed jistaqsi: x’qiegħed jinħeba minna?

 

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...