19.4.22

Żjarat Papali u l-Politika.

 

1.      Mexjin lejn l-aħħar passi ta’ leġislatura, u magħha staġun politiku mqalleb u nieqes, ċertament, mill-paċi u l-istabilità.  Hawn arja li hija wisq ikkargata, u dan, fix-xejn.  Il-kawżi determinant ta’ dawn l-effetti għaddew, u jinsabu fil-passat.  Biss, jinqabdu għadhom, minn jum għall-ieħor, fi proċess la ċirkolari jew linejari, imma kaotiku.  Jinħarġu r-riżentimenti antiki, u fuqhom jiġu ġustifikati, jew forsi aħjar, ibbażati azzjonijiet mhux tajba llum.  Il-pajjiż, il-poplu jrid, fil-maġġor parti tiegħu, jara għeluq ta’ ħafna kapitoli.  Irid iħares ‘il quddiem verament. 

 

Il-Papa ġej

 

2.      Quddiem dan, fl-aġenda nazzjonali għandna issa l-viżta ferm iktar ċerta tal-Papa Franġisku.  Fid-diskussjonijiet barra fit-triq, diversi qed ikejlu jekk l-elezzjoni ġenerali hix sejra tissejjaħ qabel jew wara li jasal magħna.  Hemm argumenti varji.  Uħud ta’ politika passata, u oħrajn le.  Sakemm jgħaddu t-termini, dan ser jibqa’ għaddej.  Tagħmel, però, iktar sens sħiħ li l-ewwel jiġi, u wara wieħed jimxi.  Tagħmel hekk għax dawk li jaqblu għax jaraw li huwa ta’ prestiġju li jiġi milqugħ mill-Prim Ministru attwali.  Hemm, għal dawk li moħħhom fil-politika minn filgħodu sa filgħaxija, li jaraw x’vantaġġ elettorali jistgħu jieħdu.  U nafu, li fil-passat, kien hemm min ritratt mal-Papa ta’ dak iż-żmien ma tantx dejqu.

 

Ir-Raba’ Viżta

 

3.      Ser tkun ir-raba’ viżta papali.  L-iktar waħda li rat tibdil, fil-jiem u fil-programm.  Ser tkun mimlija b’attività u diskorsi mimlijin sens u sustanza.  Ser ikun hemm l-attenzjoni tal-maġġor parti tal-poplu, kif ukoll ta’ diversi Stati Ewropej oħra.  Imma l-aspett estern m’għandux itellef minn opportunità ta’ diskussjoni u sfidi interni.  Dan jgħodd għall-persuni li hawn f’dawn il-gżejjer.  Jgħodd ukoll għas-soċjetà feruta tagħna.  Din il-komunità li hija mimlija b’ilmenti, iperkritika u diskors żejjed.  Din li verament għandha bżonn proċess ta’ rikonċiljazzjoni.  Wieħed li fih iħares lejn dak kollu li għadu jifred u jkisser, u jipprova jifhem il-partijiet u l-pożizzjonijiet.

 

Mhux użu politiku

 

4.      Jista’ jkun li hemm min qiegħed iħares lejn din il-viżta bħala opportunità biex jieħu r-ritratti.  Wieħed li forsi jista’ juża mal-elettorat tiegħu.  Fi proċess fejn wieħed jara x’jista’ ‘jiggwadanja’ għalih innifsu.  Imma hawn, wieħed ikun qabad linja lura lejn forom strambi ta’ impożizzjonijiet.  Fejn il-wiċċ b’ieħor u l-ipokresija jafu jieħdu s-saħħa fuq l-awtentiċità, is-sinċerità u l-verità.  Fejn, fir-realtà, nirreġistraw opportunità mitlufa kompletament.  Mitlufa għax għad hawn wisq ġlied intern u estern.  Għad hawn wisq min jaħseb li l-politika hija Makjavelljana biss.  Fejn wieħed iħares lejn x’ser jieħu issa, u mhux lejn il-futur sħiħ ta’ pajjiż.  

 

Lura flimkien

 

5.      F’din il-viżta hemm sejħa li mhux qed nara li qed nisimgħu.  Waħda li fundamentalment tħares li ġġibna iktar flimkien u mhux ‘il bgħid minn xulxin.  Dan huwa l-Papa Franġisku li ġie elett fl-2013.  Dak li segwejna f’dawn il-leġislaturi.  Dak li jirrappreżenta messaġġi varji għad-dinja u għalina.  Dak li jaqbeż u jaħdem bil-fatti, konkretement għall-immigranti irregolari.  Fejn il-preżenza tiegħu ser tkun okkażjoni wkoll biex niddiskutu s-suġġett u naraw x’messaġġi sqejna lill-poplu tagħna.  Naraw kif impustajna l-argument.  Naraw jekk konniex parti minn ideat żbaljati.  Imma Jorge Bergoglio tkellem favur l-ambjent fl-enċiklika Laudato Sì u favur il-bniedem f’dik Fratelli Tutti.

 

Preparazzjoni aħjar

 

6.      F’dan, il-paġna tagħna hija mimlija bil-vantaġġ li għandna nieħdu biex nifhmu aħjar min ġej.  Nittama li ma nħallux għall-aħħarnett sabiex nibdew naraw dokumentarji, diskussjonijiet u spjegazzjonijiet dwaru.  Nittama li mhux ser jitqiegħed f’xi kantuniera, qisu xi mexxej ta’ pajjiż ieħor li waqaf biex jarana.  Hemm lok, ċertament, sabiex nifhmu aħjar l-ideat tiegħu, nifhmu biex naħsbu f’demokrazija bħal tagħna li tħares kontinwament li tmur lura lejn is-sewwa.  Waħda li tgħaddi kemm tgħaddi minn għawġ u fatturi ta’ diviżjoni, trid tmur lura lejn rikonċiljazzjoni.  U għandna wisq minnhom dawn il-fatturi.  Fil-partiti politiċi bejniethom u fl-intern tagħhom.  Fil-bliet u fl-irħula tagħna bl-għaqdiet varji.  Fil-figuri nazzjonali kontroversjali.  Fejn ma hemmx għarfien ta’ l-ideat ta’ xulxin, imma impożizzjoni ta’ naħa fuq oħra.

 

Pożizzjonijiet wieqfa

 

7.      Impostazzjonijiet imwielda minn trunċieri li jgħaddu s-snin u jħallu jew jerġgħu jġibu lill-bnedmin lura fejn kienu qabel.  Fejn jinkwadra ruħu dak li l-enċiklika Fratelli Tutti tgħid: “Oggi in molti Paesi si utilizza il meccanismo politico di esasperare, esacerbare e polarizzare.  Con varie modalità si nega ad altri il diritto di esistere e di pensare, e a tale scopo si ricorre alla strategia di ridicolizzarli, di insinuare sospetti su di loro, di accerchiarli.”  Pożizzjonijiet li narawhom għaddejjin fi ħdanna.  Kurrenti li wasal il-mument li nifhmu li, l-ewwel, li qegħdin hemm ngħixu f’dan; u t-tieni, li nistgħu noħroġu minnu billi nifhmu aħjar.

 

Ideat u kultura

 

8.      Nifhmu aħjar lil xulxin.  L-ideat tagħna u l-kultura li tispira ruħha kontinwament mill-prinċipji etiċi  Nsara u mid-duttrina soċjali tagħna.  Proċess abbandunat, anzi avversat, b’kultura kompletament differenti għalih.  U hemm konsegwenzi, għax kif jaħseb tajjeb il-Papa: “Ignorare la cultura di un popolo fa sì che molti leader politici non siano in grado di promuovere un Progetto efficace che possa essere liberamente assunto e sostenuto nel tempo.”  Proprju għalhekk li għandna nifhmu li din il-viżta għandha fiha iktar milli qegħdin naraw.  Minn dawn il-ġranet għandha għalina bieb miftuħ biex il-pajjiż tagħna jieħu lura saħħtu.  Jerġa’ jkun wieħed li jħares li jiddefendi lil min huwa batut.

 

Solidarjetà

 

9.      Għax hemm bżonn nifhmu u nkunu lura f’daqqa.  Imma, iktar minn hekk, irridu nħarsu li nibnu mill-ġdid soċjetà li tħares lejn il-ġustizzja soċjali li tassigura s-solidarjetà bejn il-membri u l-klassijiet soċjali tagħha.  Għad għandna wisq bnedmin feruti, li meta tismagħhom tifhem.  Bnedmin li forsi jirrikorru għall-mezzi soċjali biex jiddikjaraw dak li qiegħed, u li għadu jweġġagħhom.  Proprju għalhekk li l-viżta tal-Papa Franġisku għandha sservi ta’ stimulant, ta’ mbuttatura biex inkunu soċjetà aħjar milli aħna llum.  Din hija l-isfida li għandna.  Waħda li hija iktar impenjattiva, imma li tħalli ferm iktar ġid.  Tibdilna biex nibnu aħjar fir-rispett u d-dinjità umana.  Waħda Papali f’kull sens, li għandha tmiss u tolqot direttament il-politika tagħna.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...