19.4.22

Dawk favur u dawk kontra.


 

1.    Jekk diġà għadda kollox u bqajna fejn konna, naħseb li ma jkunx ħażin jekk wieħed, f’dan il-Ħadd il-Palm, jirrifletti ftit iktar.  Fuq dak li sar wieħed jista’, dejjem jekk irid, jieħu direzzjoni. Jekk jibqa’ għaddej, allura ma tantx javvanza.  Ninsabu, għalija, f’forma ta’ deżert politiku.  Għal uħud, però, hemm fostna min qed jaħseb li diġà wasal fil-bibien ta’ Ġerusalemm.  Qed narawhom, u daqt ser immissu magħhom.  Mentri huwa evidenti li m’aħniex.  Wara żewġ leġislaturi ma żidniex.  Għandna f’idejna żewġ għażliet: jew nibqgħu nduru żugraga, inkella naqbdu t-triq verament it-tajba.

 

Organizzazzjoni

 

2.    Hemm, għalhekk, il-bżonn ta’ atti ta’ umiltà.  Atti li jitwieldu minn eżami ta’ dak li seħħ u ta’ dak li ma kellu qatt iseħħ.  Dan, għalija, huwa essenzjali u m’għandniex naħarbu  minnu.  Ir-responsabbiltà kollettiva jew le trid tingħad biċ-ċar.  Inkella jibqa’ jkun hemm min jidħol għal appuntamenti elettorali oħra bl-istess mod li daħal għalihom bħal f’dawn tal-aħħar.  Flok nitilqu lura niġru mingħajr ħsieb, ikun aħjar li nibdew mill-qiegħ nett.  F’dan il-mument, forsi jkun aħjar li tinbena organizzazzjoni esterna u interna tal-Partit, aħjar milli kellna.  Il-kumitati, minn fejn għandna nibdew, iridu lura l-attenzjoni.  Iridu jingħataw l-għodda sabiex imissu lura mal-elettorat sħiħ, triq triq, dar dar.  Minn hemm, inkomplu nibnu.

 

Sħiħ

 

3.    Il-vot elettorali jrid lil min mhux biss jifhmu, imma li janalizzah.  Hemm qsim u xpakkar li jrid jiġi identifikat u spjegat.  Proprju għalhekk li min jikteb kontra tagħna, għandna xorta narawh parti mill-elettorat futur.  U dan fih il-vantaġġ li ma hemmx fid-diversi li ma marrux jivvutaw u ma nafux.  Jew ta’ dawk li vvutaw kontra tagħna għal raġunijiet varji li ma rajniex.  Dawk li “nħbew”  minna biex ikunu ċerti li ma nilħquhomx.  Biċċiet tal-partijiet sħaħ li ħarġu tul dawn is-snin, imma b’mod partikolari u iktar, fl-aħħar ħamsa.  Dawn, dejjem jekk wieħed irid jirnexxi f’appuntamenti oħra, irid iġibhom lura f’daqqa.  Jibda l-proċess mhux b’forma ta’ impożizzjoni, imma b’wieħed ta’ rikonċiljazzjoni u fejqan veru, mhux apparenti.

 

Bidliet 

 

4.    Bidliet iridu jsiru, inevitabilment.  Ma jiddependux fuq is-simpatiji u l-antipatiji.  Jiddependu fuq ir-realtà politika li jew insegwu, jew ninjoraw.  Jekk il-Partit, kif narah, mar wisq fuq il-lemin, irid jiġi lura għaċ-ċentru.  Jekk il-messaġġ deher b’mod wisq inċert, jew fuq linji mhux aċċettabbli, irid jiġi lura għall-moderazzjoni u l-attenzjoni.  Dejjem jekk irridu nifhmu x-xenarju politiku ta’ issa, u kif ukoll dak li f’dawn is-snin ser jiġu fuq il-pajjiż u l-Partit Nazzjonalista.  U f’dan naċċettaw li ttieħdu deċiżjonijiet politiċi żbaljati.  Fuq kollox, ma nibqgħux ninsistu li konna tajbin u perfetti u li l-poplu ma fehemx.  Il-vot min-nies irriduh aħna, u jekk ma vvutawlniex, raġuni kellhom, naqblu magħha jew le.  Jekk għandna l-kapaċità politika, irridu naċċettaw u nimxu ‘l quddiem.

 

Tama tagħna

 

5.    Dan fir-rispett li ħaqqhom dawk li vvutawlna.  F’dan insellem u nirringrazzja lid-diversi li tul dawn is-snin kienu, u baqgħu magħna.  Dawk li baqgħu jemmnu li hemm bżonn partit fl-Oppożizzjoni li jikkumbatti b’intelliġenza dak li jkun qiegħed isir ħażin mill-Gvern.  Dawk li baqgħu jaraw ‘il-Partit bħala strument għas-sewwa u għall-bidla.  Dawk li baqgħu jħarsu ‘l quddiem, jittamaw li l-affarijiet ser ikunu aħjar.  Dawk li baqgħu jemmnu, anki jekk ma kienux tant konvinti.  B’ħidmietkom żammejtu l-Partit ħaj, u żammejtu numru ta’ deputati sabiex jirrappreżentawna fil-Kamra tad-Deputati.  Nibqgħu magħkom nittamaw li fl-aħħar naqbdu t-triq it-tajba.

 

Wieħed

 

6.    It-triq biex noħorġu mid-deżert li ninsabu fih tibda billi wieħed jifhem li hemm ninsabu.  F’dawn is-snin rajt ħafna iktar milli ħsibt li ser nara.  Dawn l-aħħar ħames snin, anzi, kienu prova iktar qawwija għalija.  Ippruvajt, b’kull mezz, naħdem għas-sewwa.  Ippruvajt bil-kitba, li nara li taf tkun iktar effettiva.  Tajt is-sehem tiegħi, kif dawk li jsegwuni jafu, fl-ispazju li ngħatali.  Proprju għalhekk inħoss li għandi nħajjar oħrajn jimxu bħali.  Proprju għalhekk li ngħid li għandi wkoll id-dmir li nitkellem mingħajr ma nagħmel ħsara, imma mhux billi ngħatti dak li mhuwiex tajjeb.  Proprju għalhekk li wara li wieħed jivvota favur jew kontra, irridu nimxu.  Nimxu fit-triq lura lejn dak li huwa mistenni mill-Partit Nazzjonalista.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

       

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...