19.4.22

Appell dirett.


 

1.    Ix-xenarju Ewropew qiegħed, jum wara l-ieħor, jibgħat messaġġi xejn ta’ konfort.  Il-fatt li l-kunflitt fl-Ukrajna seħħ, il-fatt li nfetaħ kapitolu ta’ gwerra inġusta u mill-iktar kiefra, mhux proprju dawl ta’ tama.  Il-kumplikazzjonijiet qegħdin jikbru ma’ kull ġurnata li tgħaddi.  Iktar bnedmin qegħdin imutu.  Iktar tifrik, iktar tkissir u distruzzjoni.  Bil-gwerra, kif nafu, ma ssibx soluzzjonijiet, imma toħloq ferm iktar taħwid. Mill-kaos totali li qegħdin fih naraw, iktar u iktar, li mhuwiex ser iġib la paċi u lanqas ordni.

 

Sfida

 

2.    Din hija sfida għad-dinja, u b’mod partikolari għall-pajjiżi Ewropej li ma jridux iktar il-gwerra.  Sfida u theddida għal dawk il-varji li kienu taħt il-ħakma tal-Unjoni Sovjetika.  Il-pajjiżi li jmissu mal-Federazzjoni Russa u mal-Ukrajna jafu xi jfisser dan.  Mhux biss, imma għandhom quddiemhom issa kwantità kbira ta’ bnedmin li ħarbu sabiex jitolbu rifuġju.  Ewropej jitolbu l-għajnuna u sokkors lil Ewropej oħra.  Bnedmin li qed jiġu ta’ fuqhom senduqhom.  Bnedmin li tneħħitilhom kull forma ta’ dinjità.

 

Preparazzjoni

 

3.    Kemm aħna preparati, iż-żmien jagħtina parir.  Kemm ser inkunu kapaċi nġibu l-partijiet lura f’posthom, ukoll.  Imma rridu nagħrfu li hemm punti ta’ prinċipju li ma nistgħux noqogħdu lura minnhom. Il-libertà u d-demokrazija li nħaddnu ma nistgħux inċeduhom.  Jekk nitilfuhom, naċċettaw pass rigressiv li jkun diffiċli ħafna biex jinġieb lura.  Il-ħsara li ser issir, u bdiet issir f’dan lill-bnedmin u lill-ekonomija ma jiġux imsewwija f’dittatorjati jew oligarkiji.  Iseħħu biss jekk nibqgħu nemmnu u nħaddnu d-demokrazija, li għalina hija valur, mhux sempliċi sistema alternattiva.

 

L-esperjenzi

 

4.    F’dan kollu qed nifhmu iktar dak li qiegħed iseħħ fl-esperjenzi varji li diversi qegħdin iwasslu.  Din hija gwerra, u waħda mill-iktar qawwija.  Biss, hemm il-bnedmin u l-mezzi ta’ komunikazzjoni varji li qed jibgħatu ritratti u xeni li qabel ma konniex naraw.  Il-ħruxija ta’ kollox għandha mpatt fl-opinjonijiet ta’ diversi kapitali.  Dawk li jaċċettaw dan kollu u ma jikkundannawx ikunu qed jiftħu l-bieb għal sitwazzjonijiet oħra f’reġjuni differenti fid-dinja.  Żball politiku li jġib iktar deni milli ġid.  Għax xejn ma jġib lura t-telf fil-ħajjiet, fl-ekonomija u fl-ambjent sħiħ tal-bniedem.

 

Kif tindirizza dan

 

5.    Ċertament, il-Ġnus Magħquda kienu korretti li kkundannaw dan l-aġir tal-Federazzjoni Russa, u nsistew li tirtira t-truppi.  Kienu biss ħames pajjiżi: il-Belarus, l-Eritrea, is-Sirja, il-Korea ta’ Fuq u l-istess Federazzjoni Russa li vvutaw kontra.  Mija u wieħed u erbgħin pajjiż favur.  Pajjiżna wkoll.  Biss, hemm ferm iktar passi li għandhom isiru.  Hemm iktar bżonn li l-bieb tad-diplomazija ma jingħalaqx.  Hemm iktar bżonn ta’ attenzjoni u abbiltà li wieħed jifhem l-istat tal-affarijiet u jaġixxi b’intelliġenza.  Dak li nbeda jista’ jkompli jinfirex.  Proprju għalhekk li rridu nkunu ferm iktar attenti.  Mhux faċli, imma neċessarju. Kawtela, iktar milli deċiżjonijiet mgħaġġla.

 

Diġà diffiċli

 

6.    F’dan kollu, kollox huwa iktar diffiċli għalina tul din il-kampanja elettorali.  Hija hekk għax qed iżżid element lil min il-poplu ser jafda bir-responsabbiltà tat-tmexxija tal-pajjiż.  Il-Gvern li ser jiġi magħżul fis-26 ta’ Marzu mhuwiex ser jiret triq dritta.  Jaf li diġà, b’dak kollu li seħħ fl-aħħar leġislatura, l-affarijiet huma gravi.  Jaf li l-pajjiż huwa mgħobbi, u issa għandu sfida li tiddependi minn kemm l-ekonomija ser jirnexxilha taqbad u timxi ‘l quddiem.  Jaf li, fix-xhur li ġejjin, ser jaffronta iktar żieda fil-prezzijiet u l-għoli tal-ħajja.  Jaf li dawn ma tantx ser ikollhom ħafna konfort, u m’hu faċli xejn biex inżommu dak li l-poplu qed jitlob u jippretendi.

 

Paċi u stabbiltà

 

7.    F’dan kollu għandna bżonn, ċertament, iktar paċi u stabbiltà.  Iktar għarfien ta’ dak kollu li seħħ u dak li ser, inevitabilment, iseħħ.  L-Unjoni Ewropea ser taffronta iktar dan, u ħidmitha tiddependi dejjem minn kemm għandha bnedmin kapaċi u li għandhom esperjenza.  F’dan iktar, però, ser ikun hemm lura allinjament ikbar bejn il-prijoritajiet tal-politika barranija tal-Istati Uniti tal-Amerika u dawk Ewropej.  Ser jonqos ċertu spazju politiku li kien inbena tul dawn is-snin wara l-Ħajt ta’ Berlin.  Il-politika Ewropea ser tagħraf li trid iktar kollaborazzjoni u li timxi id f’id biex tipproteġi ruħha.

 

Pajjiżna

 

8.    F’dan kollu, pajjiżna għandu jagħraf il-pożizzjoni tiegħu.  Jagħraf x’jista’ jagħmel u kif jista’ jgħin.  Deċiżjonijiet politiċi xejn faċli u mill-iktar delikati.  Proprju għalhekk li l-poplu għandu jagħraf iktar li għandu dritt fundamentali li għandu ħsieb jeżerċita.  Id-demokrazija trid, f’dan kollu, tiġi difiża.  M’għandniex inċedu minn dan.  U kif nafu, id-demokrazija timxi ‘l quddiem għax iċ-ċittadini tagħha jieħdu sehem attiv.  Dan isir billi kull membru tal-elettorat imur jivvota.  L-għażla tal-membri parlamentari futuri tiddependi minn dan.  Meta wieħed ma jivvutax, ikun qiegħed inaqqas mil-libertà u d-dinjità tagħna. 

 

Nappella

 

9.    Min jarana li m’għandniex ħeġġa u għarfien ta’ dan jaf jaħseb li għandu xi bieb miftuħ għall-anti-demokrazija.  Proprju għalhekk li nappella sabiex jekk hemm min qiegħed jiddubita jekk għandux jivvota, li jirbaħ dan, u jmur.  Il-vot huwa, ħafna drabi, neċessarju għal kull ċirkostanza.  Biss, għal dik preżenti huwa ferm iktar għal dak li ġej iktar ‘il quddiem.  Nappella, għalhekk, lilkom ilkoll li taqraw kitbieti, li fl-appuntament elettorali li ġej, tmorru u tużaw id-dritt fundamentali tagħkom u tivvutaw.

 

 

 

 

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...