25.4.22

Kemm Nixtieq.

 

1.    Wasalna fil-ħames ġimgħa mill-aħħar appuntament elettorali, jiem li nittama li m’humiex xi forma ta’ rwiegel.  Fihom għadna qed naraw kif aħna, u fejn aħna, biex nibdew nifhmu fejn irridu nimxu ‘l quddiem.  Għadna rridu nibdew nanalizzaw u nifhmu dak li seħħ, u għala verament seħħ.  Mhux punti li ngħidu mingħajr ma nemmnu fihom, imma li nfittxu l-verità, il-fatti, biex inkunu nistgħu niġu f’pożizzjoni li naqbdu triqitna lura.  Nixtieq li m’aħniex fejn aħna.  Nixtieq ħafna li qegħdin aħjar milli aħna.  Nixtieq li aħna fil-Gvern, u mhux fl-Oppożizzjoni għat-tielet leġislatura.

 

Iva, nixtieq

 

2.    Iva, xtaqt u ħdimt kemm flaħt, u kemm kelli ħila sabiex fis-sewwa l-Partit ikollu riżultati elettorali aqwa milli kellu jew għandu llum.  Bnejt.  Ma kissirtx, u għaqqadt kemm stajt.  Xtaqt, għax għadni nemmen li dan il-Partit għandu, ċertament, dmir jaħdem biex ikun vuċi tal-poplu.  Imma iktar, li l-Partit għandu jkun strument għas-sewwa.  Strument għar-riformi politiċi, legali, soċjali u ekonomiċi f’dawn il-gżejjer.  Min waqqaf u ġieb f’daqqa l-bnedmin f’partit politiku żmien twil ilu kien jaf x’inhuwa jagħmel.  Bena pedament uniku li għandna dmir nipproteġu u nissudaw, mhux inżarmaw jew infarrku.

 

Għalhekk, iva, xtaqt u nibqa’ nixtieq li wieħed jifhem aħjar ir-realtà politika u jimxi ‘l quddiem minnha.

 

Hemm verità

 

3.    Hemm verità waħda u assoluta.  Ngħid dan mhux f’xi forma ta’ dikjarazzjoni “fundamentalista”, imma fir-realtà u fl-esperjenza li jum wara jum insibni nara.  Biss, il-proċess biex wieħed isib u jifhem il-fatti, u dak li hu, jitlob dixxerniment.  Jitlob li wieħed ikollu l-umiltà jisma’ u jagħti piż lil dak li jisma’ u jara.  Jitlob li jgħarbel u ma jżommx lura lilu nnifsu milli jifhem.  Għax, fil-verità, wieħed jista’ jimxi u jibni.  Jista’ ma jkissirx, imma jutilizza aħjar.  Jista’ ma jiżvijjax lilu nnifsu, ma jilludix ruħu, imma jimxi.  Hemm realtà li wieħed għandu jifhem, dejjem ċertament, jekk irid iwettaq dan.

 

Ngħid iktar dan

 

4.    Ngħid iktar dan għax nifhem kemm, tul dawn l-aħħar ħames snin, xtaqt li l-affarijiet saru aħjar.  Xtaqt li ma rajtx u ma għaddejtx minn dak li għaddejt.  Għalija kienet waħda mill-iktar leġislaturi sofferti li sa issa missejt magħhom.  Dak li kien deċiż m’għamilx wisq ġid lill-Partit.  Serva sabiex tlifna iktar fil-kunsens popolari.  Jekk wieħed iħares lejn ir-riżultat f’kull distrett hemm dak li xtaqt li ma jseħħx.  Hemm vuċijiet ta’ bnedmin li pprotestaw.  Hemm indikazzjoni ċara u evidenti li l-biċċiet tal-mużajk intilfu minn posthom.  U anki jekk kienu diġà qed jinqalgħu, ma twaħħlux lura, u minflok sabu ruħhom fil-kumpannija ta’ oħrajn.  Dan huwa ċar iktar għal kull min ħabbat ħafna bibien.  Il-proċess, flok kien wieħed ta’ għaqda ttrasforma ruħu, stranament, f’wieħed ta’ il-kontra.

 

Nitgħallmu

 

5.    Nixtieq f’dan, iktar minn qabel, fix-xewqa qawwija li l-lezzjonijiet jittieħdu.  Li ma nibżgħux naffrontaw il-fatti u l-verità.  Li s-sinjali li ħarġu tant ċari u ovvji narawhom u nbiddlu minnhom id-direzzjoni.  Forsi qed nitlob wisq li nħarsu wkoll lejn il-passat, l-istorja, u naraw dak li seħħ f’partiti oħra.  Hemm mekkaniżmi loġiċi elettorali li wieħed ma jistax jaħrab.  Hemm, iktar ovvju, li partit li ma jkunx sod fuq bażi komuni, ma jispirax kunsens. Hemm, iktar ċar, li elezzjonijiet jintrebħu u oħrajn jintilfu.  Għax huwa ċar li l-Partit Laburista naqqas fil-kunsens, mill-voti, u hemm tilef, imma dan, minkejja dak li xtaqt, lilna ma serviniex.  Għax għat-tieni darba jidher li kien hemm min ħareġ jivvota sabiex ma jkunx hemm bidla.  Għażel dak li hu ra u kkunsidra l-inqas ‘ħażin’ għalih, u mhux dak li huwa ‘ tajjeb’ fih innifsu.

 

Il-Poplu

 

6.    Iva, hemm min jipprova jċekken il-kapaċità fl-għarbiel tal-poplu.  Nixtieq ħafna li dan ma jsirx.  Nixtieq iktar li niġu, bħala Partit, lura fil-kuntatt mal-elettorat tagħna.  F’dawn is-snin li din l-esperjenza politika tatni, ħassejt li għandi nżomm dan il-kuntatt.  Mhux biss għal dawn l-artikli li nikteb, imma l-iktar għas-sewwa.  Proprju f’dan nixtieq u nemmen li hemm bżonn li l-Partit jibni lilu nnifsu mill-ġdid.  Iġib iktar bnedmin fil-kumitati sezzjonali.  Iġib iktar tesserati reġistrati u attivi.  Iġib bnedmin minn partijiet varji tas-soċjetà sabiex ikun hemm proċess ta’ djalogu veru.  Nifhmu aħjar dak li l-pajjiż irid, u mhux dak li aħna niddeċiedu li għandu bżonn.

 

Leġislatura

 

7.    Għal min forsi mhux jinduna, l-arloġġ ta’ din il-leġislatura diġà beda jdur.  Il-vantaġġ huwa li tidher li hija, f’dan, sfida fl-utilizzar tajjeb tal-ħames snin li għandna quddiemna.  Fix-xewqa li għandi li nifhmu li hemm il-bżonn li nibdew nibnu minn issa, u mhux nistennew appuntamenti elettorali oħra.  Possibbli li hija daqshekk diffiċli li nixtieq li flok nistennew daqqiet elettorali oħra, nimxu minn issa?  Għax il-Partit għandu diversi sfidi varji li nixtieq ħafna li ma kellux.  Imma hemm qegħdin, quddiemna.  Kemm, f’dan, nixtieq li ma ndumux wisq ma nagħrfuhom.

 

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...