5.8.21

Inkeċċu d-dlam tal-injoranza.

 

 

1.    Huwa bid-dawl tal-verità u l-ġustizzja li l-bniedem ineħħi dak li ma jafx.  Jiftaħ moħħu sabiex jifhem dak li kien qiegħed jara u jsir jaf dak li ma kienx.  Il-proċess isir mill-bniedem għall-bniedem.  Isir fl-imperfezzjoni umana tiegħu.  Drabi jitressqulu punti ta’ opinjoni bħala fatt.  Drabi oħra jingħadlu li l-fatti kollha nġabru, u ma jkunux.  Hemm, f’dan, pożizzjonijiet li jsiru skomdi għal ħafna.  Hemm oħrajn li jsiru komdi għal dawk li ma jridux jiġu skomodati.  Il-maġġoranza però titlob li tkun taf aktar, għax għandha dritt.

 

Ħidmet il-Kuxjenza Dritt

 

2.    Hemm f’dan il-proċess iktar ‘regolari’ ta’ dawk li jippreferu li ma jkollhomx madwarhom bnedmin li jkunu ta’ kuxjenza.  Hemm dawk li jaħsbu li l-formola għall-progress hija dik li tneħħi lil kull min ma jaqbilx miegħek.  Diġà hija evidenti, fi żball politiku kostanti, ta’ dawk fil-“poter” li jneħħu minn madwarhom lil dawk li “jiqfulhom”.  Imma daqshekk ieħor perikoluż hu li ma tippermettix li jinstemgħu vuċijiet skomdi fis-soċjetà.  Dawn iż-żewġ toroq kienu l-formula għad-diżastru politiku li l-Gvern Laburista Muscat daħal, jew tħalla jidħol, fih.  Fis-soċjetajiet demokratiċi, dawk li b’xi mod isiru l-kuxjenza, huma essenzjali.

 

Yes Men

 

3.    Kollox jibda fil-partiti politiċi, li għandhom dmir li jipproteġu t-tessut demokratiku.  Kif partit jitmexxa fil-linja neo-dittatorjali, li l-kelma tal-mexxej ma tistax issib min imeriha jew ibiddilha, jibda proċess xejn tajjeb.  Tinbeda l-linja li twassal lejn punti politiċi u konsegwenzi xejn tajba.  Li twassal iktar fl-anti-demokrazija u taġixxi mingħajr kontroll jew binarju.  Dan huwa li ġara quddiemna, fis-saħħa politika kbira li ngħata fi ħdan il-Partit Laburista.  Ħadd ma kellu s-saħħa li, b’xi mod, ibiddel dak li kien minnu nnfisu ħażin għax bażat fuq prinċipji etiċi anti-umani.  Mhux biss ġew eliminati dawk li kienu jżommulu, imma għabba lilu nnifsu b’dawk li kienu apparentement “jaqblu” miegħu.  Dawk li fis-snin saru l-‘Yes Men’, u li terġa’, ħajru kompetizzjoni interna fuq min huwa l-iktar hekk.  Meta min jiġi fdat lilu l-poter ikun wasal f’din il-pożizzjoni, ċertament niftakru f’dak li għallmuna li “il-poter jikkorrompi u l-poter assolut jikkorrompi kompletament” (Power corrupts, and absolute power corrupts absolutely).

 

Qamħ u sikrana

 

4.    Is-sikrana, “questo grande male”, għadha taħdem u għaddejja fis-soċjetà.  Trid tiġi kumbattuta b’għaqal, intelliġenza u dixxerniment.  Hemm min irid u hemm min ma jridx iwettaq dan.  Hemm min, konvenjentement, iħalliha tikber u għaddejja għax jaħseb li jaqbillu, kif seħħlu l-Gvern Muscat. Is-sikrana, dik il-ħaxixa selvaġġa li tikber fost iż-żara u toħonqu billi tneħħilu n-nutriment mill-art, id-dawl u l-arja.  Dik li tniġġes il-qamħ b’fungu li jikber madwar l-għeruq.  Dik li, aktar gravi, minflok tidher fix-xebħ bħall-qamħ.  Dik li waqt li fil-Vanġeli trid tiġi maqlugħa fil-jum tal-ħsab, il-mentalità kibret li fis-soċjetà li għadejjin minnha, hija l-qamħa li għandha tinqala’.  Il-valuri Nsara, il-prinċipji etiċi fundamentali tal-poplu nqalgħu minn Gvern li ġieb lilu nnifsu fejn huwa mwaħħal illum proprju għax ma ħax il-lezzjonijiet tal-passat.

 

Lezzjonijiet politiċi żbaljati

 

5.    Dan ġej f’idejn l-ulied li qabdu lezzjonijiet żbaljati li niżlu mill-passat.  Minn dawk li jsegwu l-makkjavelliżmu sorpassat.  Dawk li marru fuq il-passi li ġew ipprattikati minn dawk li ħasbu li l-poter, għalihom, jiġġustifika kollox.  Dawk li jaħsbu li tista’ tneħħi n-nies u tarmihom għax huma ostakli għalik.  Dawk li ma jaqblux miegħek.  Dawk li mhumiex lesti jinxtraw minnek.  Dawk li jibqgħu jaħdmu għas-sewwa, minkejja l-azzjonijiet ħżiena li tagħmel lilhom.  Dawk li jibqgħu, minkejja l-avversità li tibni kontrihom, iterrqu fuq it-triq tas-sewwa u l-prinċipju.  Bnedmin li jibnu l-ħsieb tagħhom li tista’ tibqa’ għaddej tgħix ma’ dak li huwa moralment ħażin għax “xejn ma jżommok”.

 

Ġustizzja u responsabbiltà

 

6.    Tul din il-ġimgħa ġie ppreżentat ir-rapport tal-Inkjesta Pubblika Daphne Caruana Galizia.  Wieħed li jipprova jistabbilixxi fi proċess ta’ ġustizzja aktar responsabbiltà.  Ma hemmx dubju li l-Istat, u min kien qiegħed imexxih, naqas li ma ddefendihx meta seta’.  Huwa rapport twil, li jitlob li jinqara’ sew u mifli fl-irkejjen tiegħu.  Mhuwiex pass li apparentement jagħlaq.  Għax proprju f’dan, għax nafu li anzi hemm ħana li għandhom l-interess tagħhom li jwarrbuh li għandna, minflok, inżommuh quddiemna.  Dawk li qiegħed iktar nara li jridu jneħħuh minn fuq l-aġenda nazzjonali, u dan kemm jista’ jkun malajr.  Diskussjoni parlamentari urġenti hija fid-dover tagħna, imma mhix il-bidu u t-tmiem.  Il-pajjiż għandu diversi truf li jrid jirrikonċilja wara dak li seħħ u għandu, u jibqagħlu, fuq kollox, id-dritt għall-verità.

 

Lezzjonijiet x’jittieħdu

 

7.    F’dan kollu hemm il-lezzjonijiet politiċi li jridu jittieħdu.  Dan aktar u aktar fl-effetti sħaħ tiegħu.  F’jekk fil-fatt m’aħniex nifhmu li dan ir-rapport ser iżid fil-kalatura kontra tagħna.  Li ma’ dak li għaddejna diġà minnu, ser ikollna aktar raġunijiet biex ħaddieħor ma jħarisx lejna kif kien qabel.  F’dan iktar proprju rridu nifhmu li l-politika m’għandhiex aktar titmexxa kif rajna f’dawn l-aħħar snin.  Nifhmu li dan huwa falliment tal-politika li mhux biss ma ssegwix is-sewwa, u li anzi trid tibgħat il-messaġġ li jaqbel li timxi l-kontra sabiex jinżamm il-poter.  Hemm għalhekk, dejjem iktar il-bżonn, proprju f’dan, li l-verità tiġi aktar assigurata.  Din għandha tibqa’ l-impenn tagħna.  Din hija li tassigura soċjetà demokratika awtentika u mhux apparenti.  Hija hi li għandna lkoll nagħrfu li tkeċċi d-dlam tal-injoranza li hemm min irid jipprova jkompli jżommna fiha.

 

 

Il-bniedem jipproponi u Alla jiddisponi.

 


 

1.    F’din il-kriżi globali, wieħed ma jistax ma jsibx konfort f’kelmet dan il-qawl tagħna.  Fih ħafna sens u huwa lezzjoni għal kull min jaħseb li għandu tant saħħa li jista’ jipprevedi l-futur.  Is-saħħa tista’ tkun fiżika jew waħda politika, elettorali.  Imma min jiġbor fih l-esperjenza, min jgħaqqad ġewwa fih dak li jġarrab fis-snin, flimkien ma’ dak li jara lil oħrajn jgħaddu minnu, jew li qrahom, jifhem din il-lezzjoni tal-ħajja.  Jaf li jagħmel sens li tifhem il-limitazzjonijiet umani.  Tifhem aktar, speċjalment fil-politika, li hemm riħ li jvenven naħa u oħra.  Tifhem li ma tistax iddaħħal dan il-proċess kostanti ġewwa flixkun tal-ħġieġ, trasparenti jew mhux.

 

Mhux kull ma jleqq huwa deheb

 

2.    Bdejna din il-ġimgħa bl-istħarriġ tal-opinjoni pubblika, li kull xahar sar issa parti integrali mill-politika.  Ħafna saru jiddependu fuq dan.  Il-boxxla mhix jekk dak li qiegħed isir mill-Gvern huwiex tajjeb fih innifsu, imma jekk jidhirx hekk.  Anzi, iktar il-proċess li fih il-vleġġa trid issib kalamita oħra sabiex tassigura li dak li huwa żbaljat ma jidhirx.  Imma lkoll nafu li l-elettorat jista’ ma jarax illum, imma jaf jagħraf għada.  Dak li huwa miżmum lura minnu għax ma ġarrbux jew għax ma daħalx fil-fond tiegħu fit-telefonata, ma jfissirx li mhux ġej għada għalih.  Altru dak li wieħed jaħseb, u altru dak li fl-aħħar jinxeħet fil-boxxla.

 

Bil-jekk u bil-jewwilla ma timla ebda bixkilla

 

3.    Il-kawtela hija f’dan determinanti.  Il-ġudizzju politiku jiddependi fuq il-karattru tal-bniedem.  Fuq il-bilanċ li jieħu meta mmexxi bir-raġuni lejn dak li għandu jsir.  Proprju għalhekk li l-figuri tal-istatistika m’għandhomx ikunu l-ġudizzju finali.  Għandhom, anzi, ikunu l-indikaturi sabiex minnhom wieħed jibdel, jirfina u jsaħħaħ il-linja tal-ħidma tiegħu.  M’għandhomx iseru ta’ kundanni jew ċapċip, imma għarfien għaqli.  Iktar u iktar meta wara l-figuri ma hemmx l-ispjegazzjoni jew il-motivazzjoni tal-ġudizzju popolari.  Ċertament, wieħed irid ikun attent iktar li ma jispiċċax jieħu, f’kalkolu mhux infurmat, passi politiċi li flok iġibuh ‘il quddiem jeħduh lura.  Kawtela, attenzjoni u moderazzjoni jgħinu sabiex, kif jgħidu tajjeb, il-bajta isir tajjeb biex jittiekel.

 

Aħseb mitt darba iżda aqta’ darba

 

4.    Li wieħed idum, f’dawn iċ-ċirkostanti, mhuwiex ħażin.  F’kull stħarriġ ikun hemm dak li jinżel tajjeb, u dak li le.  Biss, meta wieħed jibda jħares lejn dan bħala pedament, jew pożizzjonijiet assoluti, jiżbalja.  Il-politika hija pendlu.  Daqqa tmur naħa, u daqqa tmur oħra.  Trid dożi ta’ paċenzja u sabar fil-frattemp.  Biss, dan m’għandux iżommok lura jew jaqtagħlek qalbek.  Il-proċess tal-bidla u dak tal-persważjoni ma jiġix, ċertament, f’daqqa.  Jiġi bil-preparazzjoni u anki b’metodoloġiji ġodda.  Jiġi bit-tkomplija ta’ politika bażata fuq il-fatti, fuq l-istatistika soċjali u ekonomika.  Jiġi fuq il-gwida tal-prinċipji.  Partit li jarmi dak li huwa biex jipprova jsir dak li mhuwiex jiġi mwarrab mill-elettorat.  Iktar u iktar meta l-votant ma jkunx jista’ jirrikonċilja dak li kien hemm fil-passat ma’ dak li jkun f’għajnejh qed jara fil-preżent.

 

Omm il-ġifa qatt ma tagħli

 

5.    Dak li għaddej, għal min huwa fil-politika, irid għalhekk jieħdu bħala parti mix-xenarju li qiegħed jiżviluppa.  Jekk jixħet lilu nnifsu lura jkun qiegħed jirreaġixxi ħażin.  Il-ħidma titlob li wieħed jiffaċċja l-kuntrarjetà kontinwament.  Mhux b’aġir reazzjonarju, imma fit-tul.  Għax biex wieħed jibdel, biex wieħed jagħraf l-għażliet it-tajba jrid ikollu dan il-kurrent avvers għalih.  Iktar ma l-isfida tkun qawwija, iktar dak li jsir wara jkun jimmerita l-isforz kollu.  Hemm it-taqbida li tagħti l-frott tagħha.  Għax mhuwiex biżżejjed li wieħed iħares li jkollu l-poter politiku f’idejh.  Huwa iktar bis-sens li, minn dik ir-responsabbiltà, tkun kapaċi twettaq il-ġid lill-poplu.  Partit politiku, kif jinxef mill-ħeġġa, kif jitgħażżen, isir bla ħila, beżżiegħ u skartatur.  Jitlef ir-raġuni tal-eżistenza tiegħu u jsir, fir-realtà, katavru politiku.

 

Iż-żmien isajru l-bajtar

 

6.    Kull partit fis-sekli jħaddan fih kurrenti varji.  Iħaddan fih alleanzi nterni, personali, jew ta’ ideat, imma dan ma jfissirx  nuqqas ta’ għaqda taħt il-bandiera tiegħu.  Ifisser iktar imħabba, impenn dirett lejn il-partit.  Fejn kull persuna li l-elettorat għażel jiġi aċċettat fl-abbiltajiet tiegħu.  Jiġi aktar gwidat, forsi wkoll ikkritikat, mogħti l-parir joqgħod lura, u jkollu l-assistenza biex isir strument aħjar għall-ġid politiku.  Partit mhuwiex żwieġ, imma jitlob livell tajjeb ta’ koperazzjoni.  Fejn mingħajr pre-kunċetti, preġudizzji jew antipatiji, wieħed jaħdem għal għan wieħed.  Iż-żmien huwa f’dan essenzjali fil-formazzjoni ta’ bnedmin li kapaċi li jaslu li jaħdmu flimkien u li jwettqu s-sewwa.

 

Li għadda nafuh, li ġej nobsruh

 

7.    Ċertament li f’dan kollu hemm proċess li l-poplu għaddej minnu.  F’mumenti ta’ kriżi nazzjonali, l-esperjenza politika hija, fid-dinja tal-bnedmin, li l-elettorat ikun tul tagħha ma’ min imexxih.  Wara li jgħaddi l-għawġ, l-arja taf tinbidel għax il-prijoritajiet ikunu differenti.  Dak li l-Prim Ministru Ingliż Winston Churchill għadda minnu huwa parti mill-istorja.  Il-poplu, f’dawn il-pożizzjonijiet, iħares li jivvota fuq dak li ġej, u mhux fuq li sejjer jew għadda.  Imma f’dan hemm dejjem il-varjabbli.  Hemm l-għarfien politiku.  Hemm id-diskors u l-passi li jridu jsiru.  Iktar attenzjoni lejn il-kalkolu politiku li jitlob tattika u strateġija.

 

Bil-qtajra l-qtajra timtela’ l-ġrajra

 

8.    Proprju għalhekk li hemm realtà li ħadd ma jista’ jaħrab minnha.  Preżentement, il-poplu qiegħed jifhem, bil-qatra l-qatra, kemm il-bnedmin li kienu fil-poter ħadu u ħaxxmu bwiethom.  Il-kwistjoni tal-korruzzjoni mhix titwarrab minnu.  Biss, mhix tittieħed fil-kuntest ġenerali tagħha bħala xi forma ta’ ‘prinċipju akkademiku’, imma fil-kuntest partikolari ta’ kemm il-ħajja tagħna setgħet tkun aħjar milli hija jew kemm tista’ tkun wara l-effetti devastanti tal-pandemija.

 

Meta tiġi, iftħilha l-bieb

 

9.    Il-poplu qiegħed jagħraf iktar li n-nies li ngħataw fiduċja qawwija, abbużaw u ħadu dak li ma kellhomx b’daqshekk iktar qawwa.  Il-miljuni li ssemmew huma veri, ittieħdu u għadhom jittieħdu, u proprju għalhekk iridu rimedju effettiv.  Fit-traskuraġni konvenjenti tal-Gvern, hemm bżonn bidla.  Dak li ttieħed irridu li jingħata lura.  Biss, biex dan ikun jista’ jseħħ, hemm bżonn, għall-kuntrarju tax-xewqat tal-Partit Laburista, partit politiku differenti li kapaċi, bid-difetti umani tiegħu, iwettaq dan.  Nafdaw fil-futur għax kif kienu jgħidu tant tajjeb missirijietna: il-bniedem jipproponi, imma Alla jiddisponi.

    

Għażliet pajjiżna.

 


 

1.    Il-pożizzjoni preżenti f’pajjiżna, kif ukoll għalina, hija waħda mimlija b’kumplikazzjonijiet u sfidi varji.  Din it-tieni sena ta’ pandemija qegħda fuq naħa titlob, ċertament, kawtela fil-miżuri, imma wkoll, fuq l-oħra, preparazzjoni.  Hemm bżonn li jkun hemm għarfien akbar ta’ dak li s-soċjetà u l-poplu tagħna ser isib quddiemu.  Hemm taqlibiet xejn evidenti li ġejjin.  Iktar minn hekk, hemm minflok iċ-ċaħda tar-realtà min-naħa tal-Gvern.  M’aħniex qegħdin naffrontaw dak li l-ħajja ser titlob minna lkoll biex nerġgħu naqbdu t-triq lura fin-normalità, imma lejn il-progress.  Preżentement, iktar qed nintilfu u nżommu lura l-passi li hemm utilità unika li jinqabdu.

 

Is-saħħa tagħna

 

2.    F’dan hemm, l-ewwel, l-għarfien li l-pajjiż kollu għandu jiġi mogħti l-vaċċin.  Mhux biss, imma għandna wkoll nagħrfu li għalkemm ċertament m’aħniex Lazzarett, irridu li jkollna sigurtà u kontroll aħjar fuq min jiġi.  Iktar proċeduri b’saħħithom u li jistgħu jitħaddmu b’inqas burokrazija sabiex min ġej u min sejjer ma jġibx lura.  Ma jġibx varjanti oħra, u anqas il-bidu lura ta’ dak li għaddejna minnu.  Il-kawtela, li issa tidher li saret l-ordni tal-ġurnata, trid tiġi f’dan iktar affermata.  Dan huwa pass lura għal-loġika, li ma kinitx daqshekk prijorità qabel.  Imma issa rridu nippreparaw iktar ukoll għal wara.

 

Il-passi

 

3.    Irridu nħarsu li jkollna pjani li jgħinu lil dawk li ġew diżorjentati b’dan kollu.  Il-figuri jindikaw li ferm iktar persuni mis-soltu rrikorrew għal għajnuna medika dwar dan.  Iktar persuni qed isibuha diffiċli biex jaffrontaw tlett sitwazzjonijiet mentali u fiżiċi partikolari.  L-ewwel: fil-persuni li għadhom iġorru, jum wara jum, ġewwa fihom it-tbatija tat-trawma u l-kalvarju li raw familjari u ħbieb jitilfu ħajjithom.  Jindifnu dlok mingħajr id-dinjità li ħaqqhom.  It-tieni: il-fatt li numru ta’ ħaddiema ser jispiċċaw bla xogħol, u dan għax iktar negozjanti, ħwienet, fabbriki jew naqqsu l-impjegati jew għalqu kompletament.  It-tielet: fid-diffikultà ulterjuri ta’ persuni li żiedu sew fil-piż tagħhom.  Fl-ansjetà, fin-nuqqas ta’ eżerċizzju u fil-fatt li sabu ruħhom id-dar li qegħdin issa, b’xi mod, f’livell jew fiż-żona tal-obesità.  Punt kruċjali li d-deputat tagħna Robert Cutajar ilu jsostni b’konvinzjoni tul dawn l-aħħar xhur, b’vuċi fuq widnejn torox.

 

Tweġibiet

 

4.    F’dan hemm bżonn ċertament tmexxija politika iktar attenta u li  m’għandhiex piżijiet żejda magħha.  F’żewġ direzzjonijiet.  L-ewwel: għandu jkun hemm, anzi, l-għarfien lura tal-politika.  F’dawn l-aħħar snin tlifna mis-sens u s-sustanza tagħha.  Fil-ħsieb żbaljat li l-pożizzjonijiet politiċi spiċċaw daħħluna fit-taħwid.  Il-politika fis-soċjetà tagħna ġiet iktar identifikata ma’ dak li m’għandhiex tkun: negozju, klijenteliżmu, manuvri, psewdo-makkjavelliżmu.  Illum isimha huwa mkasbar, u magħha, il-klassi politika.  Hemm dik li tidher li hija politika.  Il-politika li mhix politika.  Dik li ma tħarisx fit-tul; anqas lejn il-bżonn tal-pajjiż, imma li tmiss mal-ħajjiet ta’ dawk li jgħixu fih li jħallsu l-konsegwenzi tagħha.  Proprju f’dan l-ambjent ta’ min ħoloq il-ħsieb li l-ideoloġiji politiċi spiċċaw, minflok għandu jiġi riaffermat li għadhom rilevanti u li jridu jiġu ppreżentati mill-ġdid.  Esposti lura f’dak li huma, proprju biex jonqsu l-abbużi u l-paraventi fl-apparenza.

 

Fl-ordinajru

 

5.    It-tieni: f’dan kollu, il-valuri li ż-żewġ partiti jħaddnu għandhom jingħataw lura l-piż tagħhom.  Hemm bżonn li jinbeda lura l-proċess li jwassal lejn iktar integrità fil-klassi politika.  Iktar serjetà f’żewġ livelli: dak personali, u fl-għarfien tas-sitwazzjoni li għandna preżentement f’pajjiżna.  Il-messaġġ dirett ħafna tal-President Emeritu Dr Marie Louise Coleiro Preca l-Ħadd li għadda huwa proprju dan.  L-urġenza li l-Partit Laburista fil-Gvern jibda proċess ta’ awto-kritika biex dak li sar jiġi rikonoxxut fit-taħwid tiegħu.  Biex il-persuni li tawh fiduċja, ġejjin minn liema ideat ġejjin, jingħataw spjegazzjoni ta’ dak li mar ħażin.  Ta’ kif il-Partit Laburista kien hemm min ippermetta li jiġi abbużat u sfruttat biex ħaxxmu bwiethom kontra l-interessi tas-soċjetà, u l-iktar, kontra l-klassi tal-ħaddiem.  Fl-istess ħin, għalhekk, li jibda l-proċess ta’ għarfien tar-responsabbiltà politika li dan kollu jġorr miegħu.  Proċess, li iktar ma jdum ma jsir, iktar ser iżommna lura.

 

Rettitudni

 

6.    Proprju fuq dan, kif jgħid tajjeb f’kuntest ieħor, imma li għalija jgħodd hawn ukoll, Lawrence Zammit fit-Times tal-Ħamis: “What will help us in this new scenario is our values” (Dak li għandu jgħin fix-xenarju ġdid li ninsabu fih huma l-valuri tagħna).  Dawk il-valuri li għandna nagħrfu li jeżistu u mhux dawk li nippersistu li ma nirrispettawx.  Il-klassi politika m’għandhiex bżonn tieħu lezzjonijiet minn min ma jifhimx fil-politika.  Wisq inqas huwa ta’ ġid li jkun hemm min jimmaġina li huwa tant ‘il fuq u superjuri li jista’ jneħħi mill-ġieħ ta’ dawk li jagħtu servizz fiha.  Wisq inqas mill-ħsieb persistenti li l-kawżi legali ser isolvu dawk politiċi.  Ma ssaħħaħx billi ċċekken jew tipprova tipproċessa, imma billi tagħraf is-sewwa.

 

Rispett

 

7.    B’dan, però, jibqa’ l-punt prinċipali, u f’dan il-kuntest oriġinali, li r-‘realpolitik’ trid tiġi affrontata u aċċettata.  Affrontata l-iktar mill-Partit Laburista fil-Gvern li għadu negazzjonista: jirrifjuta u jaħrab l-iżbalji grossolani li ppermetta direttament, jew indirettament, li jsiru.  Aċċettata fl-għarfien ovvju li llum għandu, u kabbar ħoxba f’għajnu.  Aċċettata u konfrontata iktar fil-proċess ta’ rispett reċiproku ikbar u tal-bżonn li jitwettaq dak li huwa ġust u sewwa, fl-ebusija ulterjuri ta’ jkunu x’ikunu l-effetti finali tagħhom.  Nagħrfu b’iktar ċertezza li fuq it-tajjeb tibni, imma fuq dak li mhuwiex, iżżarma, tkisser, tfarrak u tarmi.  Fil-politika, ‘it pays’ li tkun mas-sewwa.  Dawn huma l-għażliet għall-ġejjieni ta’ pajjiżna, għal din l-art li nħobbu tant.  Dawn l-għażliet u deċiżjonijiet politiċi li iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar jidher ċar li dan il-Gvern mhuwiex ser ikun f’pożizzjoni li jieħu.

 

 

 

 

 

Sa hawn wasalna wkoll.

 1.    F’dan il-Jum importanti għalina, għandna nieqfu u nirreġistraw f’moħħna l-ferħ li jġib miegħu.  Quddiem id-diffikultajiet li nsibu fil-ħajja.  Quddiem l-isfidi li qed naraw magħna bil-pandemija, m’għandniex naqtgħu qalbna.  Fil-kumplikazzjonijiet li qed immissu magħhom, m’għandniex inħallu d-dlam jidħol fuqna, u wara, f’qalbna.  Wara dawn iż-żminijiet, li kienu itwal milli ħsibna, u li ma nistgħux neskludu li jistgħu jitwalu iktar, ser ikun hemm mumenti aħjar.  Għandna dmir nikkumbattu dak li qed naraw għaddej.  Għandna obbligu morali li nħarsu ‘l quddiem, u kuljum ngħidu lilna nfusna li wasalna sa hawn ukoll.

 

Il-ferħ tagħna

 

2.    L-Għid il-Kbir jibqa’, għal diversi minna, il-mument tal-ferħ.  Il-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu biddlu l-ħajja tal-bniedem.  It-triq tas-salvazzjoni tagħna ġiet stabbilita u miftuħa.  Kull bniedem huwa mogħti dan id-don li jaf jifhem iktar f’ħajtu, dejjem jekk irid.  Anki f’dawn il-ġranet, fejn l-għaqal jitlob li ma jkollniex il-funzjonijiet reliġjużi, xorta għandna dan il-bieb miftuħ għalina.  Xorta nistgħu nifhmu fuq naħa, u napprezzaw iktar dak li konna niċċelebraw, u dan li għada pitgħada ser nerġgħu nkunu nistgħu.  Forsi, f’ħafna sens, qegħdin fit-triq tad-deżert reliġjuż li teħodna lura lejn fejn għandna nkunu.

 

Il-passaġġ

 

3.    Il-Vanġeli huma mimlija b’għerf u bir-rakkonti ta’ dak li għadda minnu Sidna.  Kull sentenza, kull paragrafu, kull kapitolu jmissuk.  Anzi, hija dik il-kitba li anke jekk tgħid li qrajtha, xorta tibqa’ tiskopri aspetti ġodda fiha kull darba li tismagħha jew terġa’ tixtarrha.  Hija fonti ta’ għerf, gwida soda għall-ħajja.  Tmexxi ‘l-bniedem biex jgħix aħjar l-eżistenza tiegħu.  Jgħixha f’livell ogħla milli jista’ waħdu mingħajr il-gwida tagħha.  Anzi, kitbet l-evanġelisti hija l-manwal li jmexxina, ikun xi jkun iż-żmien u jkunu xi jkunu l-istaġuni tal-ħajja tagħna.  Nistgħu nkunu qed inħossu ruħna fid-dlam, li wasalna f’tarf iebes, mentri fil-fatt inkunu fi triqitna lejn dawl ikbar.  Il-passaġġ tagħna jmexxina iktar biex nifhmu.

 

L-ebusija tal-ħajja

 

4.    Sewwa jgħid il-Patri Karmelitan Anthony Cilia: “Meta naqraw u nirriflettu fuq il-ġrajja tal-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù, ma jistax ikun li ma nintebħux minn kemm waqtiet koroh u tal-biża’ kellu jgħaddi minnhom.  Huma mumenti li aħna wkoll inġarrbu, imma mhux bl-istess intensità: tradimenti, abbandun, mibgħeda, vjolenza, żebliħ, inġustizzji, abbużi ta’ poter, ingratitudni.  Donnu li fil-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù għandna ġabra tal-ħażen kollu li jeżisti fid-dinja.  U Hu, għalkemm innoċenti u bla dnub, ħadu kollu fuqu biex lilna jkun jista’ jifdina u jeħlisna minnu.”  Verament mhux bl-istess qawwa.  Ħadd ma bata dak li bata.  Anki jekk il-ħajja iebsa għalina, hu x’inhu dak li ngħaddu minnu, qatt ma nistgħu nissuperaw dak li ġarrab.

 

Il-bniedem

 

5.    Hemm diversi  mudelli li jinġiebu quddiemna.  Ħajjiet ta’ bnedmin oħra li nkitbu daqqa minnhom stess u daqqa minn oħrajn, jitressqulna bħala l-eżempji t-“tajba” ta’ kif għandna naġixxu.  Fl-estratti, naturalment selettivi, li naqraw ikun hemm min jaħseb li dik hija, fil-fatt, il-ħajja perfetta.  Jimmaġina li għandu jimita dik l-eżistenza biex jgħix aħjar, biex isolvi l-isfidi tiegħu.  Fihom hemm, speċjalment fid-dinja politika, il-faċċata tat-trijonfatur.  Dejjem dak li huwa rebbieħ fuq l-oħrajn.  Tgħaddi tiegħu.  Punt li nsibu jiġri wkoll fil-letteratura mondjali li tressaq dan il-messaġġ hija wkoll għalina.  Esperjenzi umani varji li drabi jmexxuna naħa, drabi le.  Imma jridu jiddikjaraw li l-bniedem huwa r-rebbieħ.

 

Kontra-kurrent

 

6.    Il-Ħajja, kif rakkuntata, kif mgħallma, kif spjegata ta’ Sidna hija kontra-kurrent għal dan kollu meta fil-kitba tal-passjoni nsibu, kif indikat, dawn l-elementi umani prodotti żbaljati tal-forza tad-dlam.  Meta nsibu proprju tradiment, abbandun, mibgħeda, vjolenza, żebliħ, inġustizzji, abbuż ta’ poter w ingratitudni magħna f’ħajjitna.  Meta rridu nippruvaw nifhmu x’sens hemm f’dan l-aġir banali li jsir minn bnedmin lil oħra.  Għax il-ħażen huwa kontra l-bniedem.  Aġir bħal dan ma jistax jagħti frott is-sewwa, dak li jibqa’ tajjeb u jrendi servizz lill-proxxmu anki wara.  Jibqa’ jirrepeti ruħu fiż-żmien.  Mentri dak li huwa bin dan, nagħrfu dejjem iktar li ma jistax iħalli warajh ħlief id-diffikultà u l-imrar.  Velenu li jitlob min huwa s-suġġett passiv, il-vittma li jgħin biex ineħħih u jkun huwa stess li jnaddaf.

 

L-unur veru

 

7.    Il-bniedem ifittex “l-unur” tiegħu.  Il-vanaglorja taf tieħdu iktar hemm malajr.  Imma iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar wieħed jirrealizza li l-unur veru huwa dak li l-bniedem imiss ma’ dawn u jibqa’, fid-diffikultà, iżomm sod.  Meta wieħed ikun il-vittma ta’ dan l-aġir uman żbaljat.  Meta jmiss direttament fuq il-ġilda tiegħu ma’ tradimenti, abbandun, mibgħeda, vjolenza, żebliħ, inġustizzji, abbużi tal-poter u ngratitudni jifhem li qiegħed imiss u jingħata parti minn dak li Sidna għadda minnu.  Jifhem, fid-diffikultà u l-proċess intern iebes, li dan hu li qiegħed jiġi onorat.  Qiegħed imiss fl-unur veru li Nisrani, il-bniedem veru, għandu.

 

Azzjonijiet tajba

 

8.    Dan għandu iktar piż fir-riflessjoni li tikber dejjem iktar miegħek fuq dak li Sidna għadda minnu.  Tifhem iktar il-vjolenza fiżika u morali li għadda minnha.  Waħda li tista’ titqiegħed u tinqara’ f’termini ordinarji, imma hija fil-fatt straordinarja.  Ħadd qatt, la qablu u lanqas warajh, ma mess ma’ tant.  Hi x’inhija t-tbatija umana tagħna, Hu għadda minn ferm iktar.  Proprju f’dan nifhmu iktar ta’ bnedmin, mill-esperjenza tagħna umana ta’ kull ġurnata, li s-soluzzjoni għall-banalità tal-ħażen mhix aktar ħażen.  Hija proprju l-kontra tagħha.  Dik hija s-soluzzjoni għall-ħajja.  Dik li twettaq azzjonijiet tajba.

 

Fl-Għid il-Kbir

 

9.    Proprju fil-Qawmien tiegħU, f’dan il-Jum Qaddis, għandna napprezzaw iktar il-ħajja u l-iskop veru, sħiħ tagħha.  Inħarsu b’tama dejjem iktar qawwija lejn ġranet futuri li fihom nistgħu nwettqu iktar atti ta’ sewwa.  Proprju għax wasalna sa hawn ukoll li għandna nkomplu nħarsu ‘l quddiem.

 

Mill-qalb nawgura, lilek Sur Editur u lil kulħadd, l-Għid il-Kbir it-tajjeb.

 

 

 

     

Anġli preżenti, għalkemm moħbija.

1.    F’dawn il-jiem għandi ftit iktar ħin għall-qari.  Fortunatament għalija u nittama li għalik ukoll.  Proprju għalhekk li nħoss li nkun qed nonqsok jekk ma nħajrekx taqra.  Kif ukoll li naqsam miegħek dak li naqra.

 

2.    F’dawn l-aħħar snin qrajt kitbet il-Kardinal Jean Danielou (1905-1974).  Kull ktieb mimli ħafna, ferm iktar milli l-qoxra ta’ barra jew it-titolu jistgħu jħajruk.  Kull kapitolu hu maħsub u preċiż.  Sekwenza loġika preċiża.  Sentenza tintrabat ma’ oħra.  Anzi, waħda tieħdok f’oħra b’loġika naturali.  Tifhem waqt li titla’ t-taraġ fil-moħħ tiegħek ‘il fuq lejn is-sewwa.

 

3.    Wieħed minn dawn li għaddejt bħala rigal lil numru ta’ ħbieb mingħajr ma kont qrajt qabel huwa “The Angels and their Mission” (Les Anges et leur Mission) (1953).  Kull darba nixtrih, u għal numru ta’ okkażjonijiet, nagħtih.  Diversi drabi lil reliġjużi, kappillani jew f’anniversarji varji.  Fl-aħħar irbatt sewwa lili nnifsi, xtrajtu u qrajtu.

 

4.    Ma jiddispjaċinix, għax huwa minjiera ta’ għerf li ma kontx qiegħed nagħraf qatt qabel.  Anke jekk imgħallem u qrajt, xorta sibt iktar.  Minnu tifhem iktar l-Iskrittura.  Tifhem iktar il-missjoni tal-anġli fil-ħajja tagħna.  Fis-Sagramenti, bħala kustodji ta’ rwieħna, fil-ħajja spiritwali, kif ukoll f’dak l-appuntament inevitabbli: fit-tmiem tal-ħajja.

 

5.    Hu li kiteb u ħabb lil Gregorju ta’ Nyssa, jiġbor hawn kitbet diversi Santi Padri oħra.  Klement ta’ Alessandria (li tant inħobb), Tertullianu, Origene, Ġwanni Krisostumu jiġu spjegati b’faċilità u direzzjoni.  Tinbena katina bejnhom li ma tfixkilx, imma tgħin biex tifhem ferm iktar fil-fond.

 

6.    Ifiehem u jipprova dik li hija ħidmet kostanti tal-anġli.  Jgħid u jipprova li kull bniedem, meta jitwieled, ikollu anġlu miegħu.  Dedikat lill-kura, l-attenzjoni u d-direzzjoni.  Jgħidilna wkoll li kull pajjiż, poplu u mexxej għandu wieħed speċjali miegħu.  Jgħidilna li għandu tlett funzjonijiet.  L-Anġlu huwa dak tal-paċi, tal-penitenza u tat-talb.

 

7.    Ħidma speċjali fl-istat, imma daqshekk ieħor fil-Knisja.  Huwa jgħidilna: “Among the faithful, those who have higher offices in the Church are the object of a very special protection.  If angels have been delegated by the God of the universe to those who have only their own personal lives to regulate and are to do nothing for the common good, how muchmore will they do for those men to whom the care of the whole earth has bee entrusted!  The virtues of heaven are always with those who are charged with such offices.”

 

8.    Kif inkiteb iktar fil-fond minnu: “Gregory of Nyssa connects this doctrine to the vision of Eliseus.[1] “Eliseus has taught us clearly that our human weakness is protected by the assistance of the angels and that in all our perils, provided faith remains with us, we are defended by the aid of spiritual Powers.”[2]

 

9.    Ikompli wkoll: “That is why God has taken these spirits from among his treasures, and has given through them an aid to human weakness, so that this divine assistance might help us against the powers of this world of darkness to attain the heritage of salvation.”

 

10.  Hemm ferm u ferm iktar x’wieħed jaqra u jifhem.  Bħal meta jgħid: “The angels bring interior peace into the soul.”  L-edizzjoni tiegħi fija mija u erbatax-il paġna.  Taħseb li ser taqrah malajr, imma tifhem li trid tieqaf u tirrifletti.  Tassorbi, u tħalli l-kliem jidħlu u jsiru parti minnek.  Kif tasal lejn l-aħħar, xorta tixtieq li għadek ser tibda tiflih.

 

11.  Anzi, tħoss il-bżonn ċar li għalkemm qrajtu, għadek ma fhimtux kollu.  Hemm in-neċessità naturali li terġa’ tibdih.  Iktar minn hekk, proprju mill-ewwel kapitoli, tifhem il-preżenza tal-anġli fil-Vanġeli.  Il-ktieb jikxef il-preżenza tagħhom u proprju għalhekk li, meta terġa’ taqra, tagħtihom importanza akbar minn qabel.

 

12.  F’soċjetà u dinja xettika li qed tfittex dak li diġà għandha, imma li ma tapprezzax, inħajrek verament taqrah.

 

 

 



[1] Tract, Ps 134

[2] Paġ. 75

Għandna dmir fundamentali.

1.    Mhux soltu li nikteb wara l-Jum tal-Memorja, imma nħoss li hemm punti li jridu jsiru.  Matul din il-ġimgħa waqafna, fil-Kamra tad-Deputati, biex nikkommemoraw.  Fis-27 ta’ Jannar fakkarna, bil-piż li għandna, jew aħjar li qiegħed jingħata, ix-Shoah.  Il-Ministru Evarist Bartolo, l-Ispeaker u jien tkellimna u ġibna lura għal dan huwa jum importanti.  Mhux biss, imma l-President tar-Repubblika, George Vella, tkellem pubblikament b’diskors qawwi u mimli b’direzzjoni.  Dan huwa Jum li jixraqlu, fl-opinjoni tiegħi, ferm iktar attenzjoni milli qiegħed jingħata.  Jixraqlu iktar fuq livell nazzjonali, li sfortunatament, ma narax.

 

Min xandar?

 

2.    Ftit kienu dawk li xandru jew tkellmu dwar il-Jum u dwar dak li seħ tul l-aħħar Gwerra Mondjali.  Ftit irrappurtaw lill-President u ‘l-Parlament. Dehru ftit linji naħa jew oħra.  Ftit rappurtaġġ tas-sessjonijiet parlamentari.  Qisu dak li seħħ fil-kampijiet tal-konċentrament m’għandniex x’naqsmu miegħu.  Qisu din hi kwistjoni tar-razza Lhudija, ta’ Iżrael, tal-Italja u l-Ġermanja, u daqshekk.  Qisu ma hemmx lezzjonijiet li għandna nisiltu, jum wara jum.  Nitgħallmu u nifhmu li dak li ġara jrid, l-ewwel, jitfakkar għax verament seħħ; it-tieni, li dan seħħ minħabba l-ġenn totali u assolut ta’ ideoloġiji politiċi tal-lemin estrem; u t-tielet, li rridu naħdmu kuljum sabiex ma nippermettux aġir bħal dan fil-futur.

 

Filgħaxija

 

3.    Meta dħalt filgħaxija fil-jum u rajt il-mezzi tal-aħbarijiet ta’ pajjiżna fittixt, imma minn dak li rajt, ħadd minnhom ma ħass li għandu jsemmi dan il-Jum.  Il-mezzi Ewropej l-oħra kollha kellhom dan ir-rappurtaġġ.  Ilkoll taw ġieħ lil dawk li nqatlu b’tant ħruxija.  Ilkoll ħarsu lura lejn għala seħħ dan kollu.  Uħud ukoll ippubblikaw kotba biex ikunu ċerti li l-messaġġ jasal.  Ilkoll raw mill-ġdid u semgħu x-xhieda ta’ dawk li ġarrbu fuq ġisimhom, dawk li raw b’għajnejhom oħrajn imutu, dawk li xammew ir-riħa tal-ħruq tal-bnedmin innoċenti, ta’ tfal, ta’ nisa anzjani u dawk li r-reġim Nażi-Faxxista dehrlu li għandu jelimina.  Ta’ dawk il-bnedmin li baqgħu jġorru f’qalbhom, f’moħħhom u fl-ispirtu tagħhom il-ħruxija ta’ dawk il-postijiet.  Imma, għal xi raġuni li qed nipprova nifhem, mhux f’pajjiżi.

 

Ideoloġija żbaljata

 

4.    Għalija, Jum il-Memorja għandu sens u sustanza iktar qawwi milli wħud jaħsbu.  Mhix ċelebrazzjoni arida, formalistika, simbolika jew formali.  Hija ferm aktar.  Hija lezzjoni kontinwa tal-ħajja u tal-bniedem.  Hija lezzjoni politika.  Direzzjoni għal min irid jieħu sehem fil-ħajja pubblika.  Direzzjoni ta’ dak li wieħed għandu jakkumpanjah f’ħidmietu u dak li jrid joqgħod ‘il bgħid minnu.  Fil-mument li wieħed jikkunsidra, jew jaġixxi b’mod li jara lill-oħrajn bħala oġġetti, u għalhekk jiġġustifika lilu nnifsu li jista’ jittrattahom ħażin, ikun qiegħed jaqbad din it-triq.  Ikun qiegħed isir huwa wkoll strument tal-lemin estrem ta’ din l-ideoloġija żbaljata.

 

Il-ġenn tar-razza pura

 

5.    Ċerti drabi nibża’ li għad hemm wisq min, fil-politika, għadu jaħseb li tista’ twettaq azzjonijiet żbaljati f’isem għan li tqis tajjeb għalik.  Politika li Niccolò Macchiavelli ressaq u advoka fi żminijiet oħra.  Dak il-mument storiku llum għandu jkun sorpassat mid-demokrazija.  M’għadniex iktar immexxija minn dittatorjati anti-demokratiċi.  Imxejna ‘l quddiem proprju għax għandna d-difiża fil-liġijiet tagħna tad-drittijiet u libertajiet fundamentali tal-bniedem.  Għandna l-progress soċjali, ekonomiku u kulturali minħabba f’dan.  Jekk niċħduh b’għemilna mmorru lura.  Nitilfu l-umanità tagħna, iċ-ċiviltà sħiħa li aħna parti minnha.

 

Pajjiżna konvint?

 

6.    Imma f’dan kollu, quddiem l-għarfien li ftit kienu dawk li taw attenzjoni f’pajjiżna għal dan il-Jum, għandna nieqfu nistaqsu.  Nistaqsu jekk aħniex nifhmu li dan jolqot lilna.  Jolqotna għax meta ma nfakkrux, meta naqgħu fis-silenzju jew meta naqbdu linja ta’ “newtralità”, inkunu qed inwettqu azzjoni żbaljata.  Anzi, insiru kompliċi.  Parteċipanti f’aġir li jippermetti lil min għamel azzjonijiet bħal dawn li jintesa.  Li, fuq aġir ħażin, jiżdied ħażen ieħor.  Flok ġustizzja, ningħaqdu biex ngħattu f’omertà li m’għandniex ikollna fuq il-kuxjenza tagħna.

 

Diskors ċar

 

7.    Il-President tar-Repubblika qalilna ċar kristall: “Huwa billi wieħed jibqa’ jiżżerżaq għan-niżla bil-mod li eventwalment iżid fil-veloċità u r-ritmu.  Aktar ma wieħed jitħalla jiżżerżaq ‘l isfel, aktar ikun diffiċli li jitwaqqaf.  Sfortunatament, hemm ħafna istanzi madwarna li jagħtuna indikazzjonijiet ċari li, jekk ma noqogħdux attenti, l-affarijiet se jsiru iktar immorali u iktar inaċċettabbli.  Ejjew nieħdu din l-okkażjoni sabiex nagħmlu dak kollu li nistgħu biex inwaqqfu u nsemmgħu leħinna kontra dak kollu li jista’ jwassalna biex numiljaw u nittrattaw b’nuqqas totali ta’ rispett lil bnedmin bħalna.”

 

Dawk li għaddew

 

8.    Fid-diskors li ressaqt, ħassejt li għandi nfakkar dak li kitbu x-xhieda.  Kliemhom huwa iktar awtentiku, iktar veritier, iktar dirett, u ħadd ma jista’ jissuperahom.  Proprju għalhekk li semmejt dak li Elie Weisel jgħid, mingħajr ma ppruvajt naqilbu bil-lingwa tagħna: “A witness who believes has a moral obligation to try to prevent the enemy from enjoying one last victory by allowing his crimes to be erased from human memory. Because if we forget, we are guilty, we are accomplices.”  Is-soċjetà tagħna hemm bżonn li tifhem li m’għandniex inkunu aħna fil-ġenb u fis-silenzju, imma li għandna nsemmgħu leħinna.

 

M’aħnix ‘il bgħid?

 

8.    Meta tqis ċerti diskorsi li għadhom isiru llum fis-soċjetà.  Meta tqis li hemm min jabbuża mis-sistema demokratika biex jipprova jkun popolari.  Tifhem dejjem iktar li hemm theddida diretta lid-demokrazija tagħna.  Dak li seħħ fl-Istati Uniti tal-Amerika fis-6 ta’ Jannar.  Dak li kien qiegħed jgħid u jiddikjara Donald Trump tul l-erba’ snin tiegħu fil-presidenza.  Il-ġlied u l-kunflitti soċjali li qamu.  Is-sostenn żbaljat u mill-iktar kundannabbli tiegħu lill-gruppi fuq il-lemin estrem kompla kkumplika l-affarijiet.  Mexxej demokratiku jrid jaġixxi sewwa, u mhux b’dan il-mod.  Irid jifhem li ħaddieħor qablu ħa dik it-triq u wassal f’diżastru li l-kampijiet tal-konċentrament, jum wara jum, ifakkruna.

 

Għalihom u għalina?

 

9.    Ilna mill-2012 nieqfu f’diskorsi qosra fil-Parlament.  Għaddew disa’ snin.  Imma quddiem dan is-skiet u kwiet, kważi perfett, hemm bżonn passi oħra.  Hemm bżonn li jkun hemm, fl-iskejjel tagħna, iktar kotba dwar dan is-suġġett għad-dispożizzjoni ta’ wliedna.  Iktar fil-libreriji tagħna.  Iktar politika nazzjonai li tħajjar li jinqalbu għal-lingwa nazzjonali kotba ta’ dawk li ġarrbu direttament.  Hemm bżonn ukoll li jkun hemm liġi li timmarka aktar dan il-Jum il-Memorja.  Proprju għax dawk li tilfu ħajjithom ħaqqhom ferm aħna minna.  Għax hemm bżonn bidla kulturali, fil-ħsieb, imma wkoll rikonoxximent nazzjonali.  Għax huwa att ta’ ċiviltà li għandna dmir fundamentali li nwettqu.

 

  

Arti u talb

1.    Ftit bnedmin ikunu mimlija b’ċerti talenti partikolari, ikunu uniċi.  Dawk li bihom jirnexxilhom jgħaqqdu l-arti umana, kreattiva, immaġinattiva, rappreżentattiva f’daqqa, u fl-istess ħin jagħtuha direzzjoni spiritwali u reliġjuża.  Kif iġġib sferi differenti f’daqqa.  Tlaqqa’ f’daqqa biex tassigura li t-tnejn jissaħħu.  Jikbru u jdawwlu iktar lil din id-dinja li, mingħajr dan l-għerf, tiddallam.

 

2.    Sentejn ilu skorruti ġiet nieqsa Sister Wendy Beckett (1930-2018), soru ‘Karmelitana’ partikolari.  Soru milqugħa f’kunvent ta’ sorijiet Karmelitani Skalzi.  Jew iktar preċiż “Consecrated Virgin under the protection of the Sisters of the Carmelite Order”.  Kellha, u għażlet li tgħix fis-solitudni għax saħħitha hekk ikkmandatha.  Ħarset tajjeb li tinġabar ma’ ulied missier il-Karmelu, il-Profeta Elija.

 

3.    It-triq tas-salvazzjoni tagħha ħadet dik id-direzzjoni unika għaliha u għal oħrajn magħha.  Għażla li hija stess ma kinetx taf kemm kienet tajba, u fejn sejra twassalha.  X’għerf tas-superjuri tal-Kunvent ta’ Quindeham, li ppermettew li tgħix fosthom u li sostnew lil din il-mara qsajra, fraġli, imma mimlija b’enerġija nisranija.

 

4.    Marret biex tinġabar fis-solitudni u l-paċi interna.  Spiċċat, minflok, tidher fuq programmi varji tispjega, b’sempliċità kbira u friska, l-opri tal-arti li kienu qegħdin jiġbru t-trab, abbandunati.  Ħafna minnhom mhux apprezzati biżżejjed.  Ġibithom, bħal ma ġiet hija wkoll, għad-dawl.

 

5.    Daret id-dinja.  Daret u koll diversi pitturi ta’ żmien u ġeneru differenti.  Però marret pass ieħor ‘il quddiem.  Kitbet diversi kotba li għadhom jiċċirkolaw, jinqraw u jinxtraw, anke jekk hija m’għadhiex aktar magħna.  Din il-mara, b’dik il-vuċi unika tagħha apparentement timida serqet, u hekk għadha, il-qalb ta’ diversi u ssuperat fuq oħrajn.  Rebħet l-ispjega Nisranija tagħha fuq dik tal-professjonisti.  Saret is-soru esperta.  Kliemha awtorità mingħajr impożizzjoni.  Tibdiet, u trid taqra biex tifhem aktar.

 

6.    Min, bħali, jħobb kliemha jagħraf li qabżet awturi oħra famużi iktar minnha.  Akkademiċi, professuri aktar minnha.  Għax kitbietha għandha wisq elementi ġodda, li anke jekk tkun trid teħodhom kontra tagħha għax reliġjuża, xorta jkollok tammetti li kienet taf x’inhija tgħid.  Anzi, kif tgħid hi fil-ktieb tagħha dwar it-talb: “Some artists seem to me, whether consciously or not, to use images that speak of the mystery of God.”[1]

 

7.    Proċess intern interessanti.  Għax ser xorta tammetti li anke jekk tista’ taqa’ għat-tentazzjoni li ma tridx taqra dwar arti, għax forsi ma tinteressakx, taf li din is-soru Karmelitana f’mument ser taqbdek u tieħdok hi tul din it-triq.  Iddawwrek minn post għal ieħor.  Iddaħħlek f’kurituri li ma tafx.  Timxi u tifhem.  Tmur mhux fejn trid, imma fejn kliemha jridu.

 

8.    Missejt iktar dan fi ktieb partikolari ieħor tagħha, bit-titolu “Encounters with God in quest of the Ancient Icons of Mary”.  Fih, l-awtriċi, b’intelliġenza tispjegalna, l-ewwel: “So this is a discovery of reflected prayer, an encounter with God in a form I did not expect.”[2]  Għax, kif tfisser iktar: “It is unique in my life and a privilege that I cannot bear to keep hidden.”[3]  It-tieni: għaliex tmexxik biex tirrifletti dwar il-punt uniku, f’kelma oħra meta f’liema mument fl-istorja, u għalhekk f’dan, kemm dam il-bniedem sabiex beda juża t-talent artistiku tiegħu biex jittratta temi Nsara.

 

9.    Dan il-ħsieb twettqu bi vjaġġ mill-isbaħ tagħha stess, hija u tikkunsidra tmien ikoni imprezzabbli, dedikati lkoll lil Marija Omm Alla.  Dan, sija għall-Knisja Kattolika, għall-Ordni Karmelitan, kif ukoll f’unjoni sħiħa mal-istorja tal-Arti.

 

10.  Fis-sempliċità ta’ persuna li trid tmiss b’idejha u tara direttament dak li jidher fihom, teħodna fi vjaġġ artistiku li jqarrbek u jwasslek lejn dak spiritwali.  Kitba mill-isbaħ li s-segwaċi Karmelitani tagħha jagħmlu sew li jakkwistaw u jaqraw.

 



[1] Sister Wendy on Prayer, p. 4

[2] Pġ. 2

[3] Pġ. 2.11

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...