1. Għadna kif lestejna d-dibattitu parlamentari
dwar il-Budget. Proċess li fih rajna
l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista jagħmel il-kritika valida tiegħu, f’ħafna
mumenti diretta imma pożittiva. Waħda li
tħares fit-tul. Rajt ukoll li ħafna
fil-poplu qed isegwu dak li qed ngħidu direttament minn fuq l-istazzjon
tal-Parlament. Fehmu li hemm
il-propaganda tal-Gvern, imma fuq in-naħa l-oħra r-realtà tal-fatti, dak li
jisimgħu u dak li jħossu. It-tnejn huma
kontra ta’ xulxin. Diversi jqumu jgħixu
l-ħajja tagħhom, mentri fuq in-naħa l-oħra l-Gvern li jrid jgħidilhom li
għandhom, minflok, jgħixu l-ħolma tiegħu.
Laqtet fil-moħħ ta’ diversi dak li l-Kap tal-Partit qal ftit wara:
“In-nies qed joħolqu l-ġid u t-tkabbir ekonomiku, iżda l-Gvern m’għamilx budget
biex iqassam dan il-ġid u jilħaq lil kulħadd.
Minflok, mis-suċċess li qed joħolqu n-nies, qed igawdu biss ftit
persuni.”
Proċess ta’ aljenazzjoni
2. Huwa minnu li tul dawn l-aħħar jiem
il-medja, mhux neċessarjament il-poplu, kienu aljenati bil-kwistjoni tas-“17
Black”. Kien hemm min intilef f’dan
is-suġġett importanti għar-rettitudni morali.
Diversi reġgħu marru lura fil-pożizzjoni li jaħsbu li, b’din biss,
il-Gvern ser ikollu jibdel, jitlob lil min iwarrab u jammetti li għamel dak li
ma kellux. Rajna dan diġà jseħħ tul
il-ġimgħat ta’ qabel u wara l-aħħar elezzjoni ġenerali. Il-marka ngħatat. L-impressjoni f’moħħ il-poplu diġà ġiet
issiġillata. Bħall-istorja tal-lupu, din
daħlet f’dik il-kaxxa. Il-Gvern jafu
dan, u għalhekk mhuwiex qiegħed iħokk rasu wisq dwarha. Għalih din hija biss storja twila oħra li
trid tiġi solvuta biss f’xi mument, mhux qasir, b’ġudizzju legali ġewwa
l-Qorti.
Vuċi dominanti
3. Anzi, bis-saħħa li huwa għandu fil-medja,
bil-kontroll u għarfien li l-vuċi tiegħu ser tinstema’ iktar, il-Gvern huwa
aktar komdu. Jaf li billi diġà tkellimna
bħala Oppożizzjoni f’leġislatura oħra, u ġejna nidhru li għandna tort f’moħħ
il-votant, hemm ħafna xettiċiżmu. Dan ma
jfissirx li l-argument m’għandux isir mill-Oppożizzjoni, u li jintalab
dibattitu parlamentari. Imma huwa żball
li nqegħdu kollox jiddependi minn dan, kif l-istorja għallmitna qabel. Il-verità hija li tul il-ġimgħat ta’ qabel
l-Oppożizzjoni, immexxija mill-Kap tagħha Dr Adrian Delia, kienet qed tolqot
fil-laħam il-ħaj. Kienet qed twettaq dan
permezz tal-kwistjonijiet soċjali li qed jolqtu u jinteressaw lill-poplu. Il-kwistjonijiet tal-kirjiet dejjem iktar qawwija,
tad-diversi bnedmin minn popli oħra li qed jiġu hawn mingħajr viżjoni
tal-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali, iż-żieda mhux adegwata fil-pagi, l-għoli
qawwi tal-ħajja: huma dawn il-fatti li l-poplu qed iħoss u jitkellem dwarhom.
Konvenjenza politika
4. Huwa konvenjenti ħafna għalhekk, f’dan
il-punt partikolari għall-Gvern, li flok nitkellmu fuq il-kwistjonijiet soċjali
jmur għal dawk morali. Jaf,
mill-esperjenzi ta’ pajjiżi oħra u tagħna li fuq tal-ewwel jonqsulek il-voti
ferm iktar milli fuq tat-tieni. Punt li
jibqa’ jiċċaqlaq meta l-Partit Nazzjonalista jispjega kif il-fatt li
l-pensjonanti, li huma l-iktar persuni vulnerabbli, qed jaffaċċjaw għoli
tal-ħajja ta’ 4.4% biż-żidiet fil-prezzijiet tal-ikel u jingħataw żieda
fil-pensjoni li mhux biżżejjed biex il-pensjonanti jlaħħqu maż-żidiet kontinwi
fil-prezzijiet tal-ikel. Kif ukoll li
l-aħħar statistika turi żieda ta’ 1.6% fl-inflazzjoni, li tfisser li aktar
pensjonanti u familji bi dħul baxx qed jaffaċċjaw żieda fl-għoli tal-ħajja, fejn
żieda ta’ €2.33 fil-ġimgħa żgur
li mhix biżżejjed biex in-nies ilaħħqu mal-ħajja.
Iktar konvenjenza
5. Bħal
ma huwa inkonvenjenti li jintesew il-kwistjoni taż-żidiet li rajna tul is-sena
kollha, fosthom dik ta’ 4% fid-diesel,
żieda ta’ 3% fil-prezz tal-gass u b’mod speċjali dik fil-kontijiet tad-dawl u
l-ilma. Sewwa nsista, u għadu jinsisti l-Kap
tal-Partit: li l-mudell ekonomiku tal-Gvern, li jkabbar l-ekonomija
bil-popolazzjoni u mhux bil-produzzjoni, qed iħalli impatt negattiv fuq bosta
setturi, fosthom fuq il-kirjiet, il-propjetà, l-infrastruttura, it-trasport u
l-ambjent. U niżled tajjeb il-wegħda
tiegħu li Gvern Nazzjonalista jiggarantixxi li kulħadd ikollu saqaf fuq rasu u
għajxien deċenti. Hawn faqar ġdid. Hawn diversi li qed jiġu żgumbrati
mill-mekkaniżmu tas-‘suq isuq’ tal-prezzijiet dejjem iktar qawwija
fil-kirjiet. Kritika li fuq kollox
tolqot direttament il-fatt li dan il-Gvern, li suppost li huwa soċjalista, mhux
soċjalista xejn u m’għandux il-kuxjenza soċjali li nippretendu li għandu
jkollu.
Il-prijoritajiet
6. Huma
l-liġijiet tal-poplu li kienu, huma u jibqgħu l-prijorità. Nafu b’dan għax fl-aħħar elezzjoni ġenerali
l-partit, minkejja li kien qiegħed jipprepara manifest elettorali tajjeb li
ndirizza numru ta’ problemi soċjali li għandna iktar illum, ma wassalhomx
barra. Irridu nifhmu li hemm sferi ta’
influwenza li nistgħu nilħqu. Meta ma
nitkellmux dwar il-punti li jolqtu n-nies inkunu biss qed nitkellmu għal klassi
waħda fis-soċjetà. Għal dawk li ebda
Gvern ma jmisshom. Għal dawk li huma
kkunsidrati parti mill-“borgeżija” moderna.
Il-vuċi tagħna tispiċċa li tiġi meħuda fil-kuntest ta’ waħda ndirizzata
u identifikata bħala ‘elitista’.
Il-Brexit ġejja
morra
7. Dan
kollu fl-isfond ta’ deċiżjoni politika mir-Renju Unit li ser tkun ta’ ħsara
għalina. Il-Gvern qiegħed, għal dawn
l-aħħar xhur, ipinġi l-ħin kollu dak li m’għadux jista’ jitwemmen: l-ewwel, ta’
kemm huwa preparat għal kollox.
It-tieni, ta’ kemm ser nieħdu benefiċċji ekonomiċi mit-telfiet
t’oħrajn. Għall-kritika tal-Oppożizzjoni,
għas-sejħiet tagħha għal dibattiti jidher li l-biżgħat tagħha ser iseħħu. Il-Gvern tar-Renju Unit, immexxi sallum minn
Teresa May, qiegħed ilaqqat daqqiet kbar.
Niddubita kemm ser jibqa’ fil-poter.
Anzi, id-direzzjoni hija lejn elezzjonijiet ġenerali li ma nafux fejn
ser jeħduhom. Imma nafu ċertament li
s-settur ekonomiku ser jiġi milqut. Meta
nafu li huwa kkalkulat li tnax fil-mija (12%) tal-kummerċ barrani tagħna jsir
ma’ dak il-poplu, skambju ta’ viċin is-sitt miljun ewro. Ħadd ma jista’ jgħid li m’aħniex ser
nintlaqtu bħala poplu sħiħ. Ħadd, anqas,
meta niġu għall-punt, ma huwa ser ikun jista’ jikkonvinċi li konna, jew aħna,
preparati.
Il-Partit qiegħed
fit-triq it-tajba
8. Huwa
għalhekk politikament konvenjenti, f’dan il-mument partikolari għall-Gvern
tal-ġurnata, li l-ewwel, id-diskussjoni ma tibqax fuq fejn jista’ jitlef
il-voti; it-tieni, li naħirbu diskussjoni serja fuq l-effetti negattivi li ser
inbatu minħabba l-Brexit; it-tielet, li jipprova jerġa’ jqiegħed lill-Oppożizzjoni
fil-pożizzjoni elettorali li kienet qegħda tidher li hija qabel l-aħħar
elezzjoni ġenerali; ir-raba’, li jipprova jipperswadi li xejn ma nbidel,
fil-prijorità, fil-metodu u fis-sustanza politika tagħna bil-bidla interna
fit-tmexxija li saret. Issa, però, nafu
li d-dibattitu parlamentari urġenti seħħ.
Issa, imma, nafu li f’dan id-dibattitu: l-ewwel, il-Prim Ministru ħarbu
u ma ġiex għalih; it-tieni, li anqas ħadd ma pprova jagħti spjegazzjoni loġika,
jew jiċħad b’intelliġenza dak li ġie rappurtat.
Nagħrfu sa fejn nistgħu naslu fil-preżent politikament. Biss, dan mhux ser iżommna milli nkomplu
nikkritikaw sija fuq dan l-aspett ir-rettitudni morali politika, imma iktar
minn hekk, fuq dak li qed jolqot direttament u negattivament lill-poplu
fil-ħajja personali tiegħu. Dan għax
nafu li l-ġid mhux qed jasal għal il-poplu, imma determinati li ħidmitna
ssarraf sabiex jitqassam ugwalment.