30.7.18

Il-bgħid mil-lussu.

 
1.        Fiċ-ċirku tad-dinja ta’ dan il-pajjiż nagħtu forsi wisq piż lil bnedmin li jinsabu fil-preżenza politika.  Ninsew, jew aħjar ninjoraw, l-eżistenza ta’ persuni li jbiddlu u jmexxu b’ferm iktar responsabbiltà f’setturi oħra.  Setturi li, minnhom infushom jinfluwenzaw, jagħtu u jsarrfu ta’ ġid lill-proxxmu.  Isarrfu iktar f’ħajja fejn id-dinja saret katina iktar viċina.  Dak li jseħħ fl-ekonomija, fil-kultura, fis-soċjetà ‘l bgħid minna qiegħed inevitabbilment imissna.  Daqqa nieħdu gwadan, u daqqa le.  Biss, fl-esperjenza umana, azzjoni tajba f’art twassal għal oħrajn f’artijiet oħra.

Mhux kapitalista

2.    Tul dawn l-aħħar jiem, proprju f’dan il-kuntest, segwejt l-aħħar jiem ta’ ħajjet Sergio Marchionne.  Bniedem li diversi drabi, mill-2004 meta kont regolarment nixtri l-gazzetta Taljana “Il Sole 24 Ore” qrajt dak li kien qiegħed jgħid, u apprezzajt l-ideat tiegħu.  Niftakar, u żammejt sallum, kitbet Don Luigi Sturzo, li hemm differenza bejn dawk fl-ekonomija li huma possessuri u proprjetarji tal-kapital, u dawk li huma intraprendituri.  Din it-tieni kategorija ta’ bnedmin, li bit-talenti tagħhom jirnexxilhom ibiddlu u jmexxu ‘l quddiem dak li ħaddieħor, anki jekk għandu l-kapital, ma jafx isarrfu.  L-intraprendenti, ġustament nagħrfuh bħala dak li huwa ħarkien, slistu, ħaj, eneġetiku, qlubi, qalbieni, stonkuż, li jindaħal bil-kuraġġ f’xogħol riskjuż.

Intraprenditur, mhux manager

3.    Dan il-bniedem, imwieħed l-Italja fi Chieti fil-parti ċentrali tal-pajjiż li, ta’ erbatax-il sena sab ruħu fil-Kanada.  Sar avukat u ħadem fis-settur f’diversi azjendi f’dak il-pajjiż u fl-Isvizzera, sakemm fl-2003, bħala parti mill-Kunsill tal-Amministrazzjoni tal-FIAT, sab ruħu maħtur l-amministratur.  F’mument mill-iktar diffiċli għat-tmexxija ‘l quddiem ta’ azjenda li nafu tajjeb biha f’pajjiżna.  Għad hawn ħafna li għandhom, iridu u jaħilfu fil-kwalitajiet li karozza FIAT taf tagħti.  Sergio Marchionne daħal f’mument mill-iktar kumplikat u li fih kien hemm ukoll min, żbaljatament kien qiegħed ibassar li kien wasal il-mument li din il-fabbrika tingħalaq kompletament.  Daħala bħala manager, imma mexxa bħala imprenditur.

FIAT Chrysler Automobiles

4.    Kien ċar mill-bidu li t-triq kienet ċertament diffiċli u mimlija sfidi kbar u imprevedibbli.  Biss, kif l-istorja tal-ħajja turi, huwa f’dawn is-sitwazzjonijiet li bnedmin bħalu joħorġu l-kwalitajiet tagħhom barra għad-dispożizzjoni tal-proxxmu.  F’dawn l-aħħar erbatax-il sena biddel it-triq minn dik ta’ telfa għal waħda ta’ rebħa.  Dan il-bniedem, li kien jaħdem ħafna, jorqod mill-inqas, ipejjep dawk is-sigarri magħrufa, jsiefer u jgħix ħajja ‘l bgħid mil-lussu, wieġeb għal sejħa li permezz tagħha l-FIAT, flok niżlet ‘l isfel, telgħet ‘il fuq.  Proprju għax kien magħġun differenti u ma kellux preġudizzji passati li ġieb il-grupp sabiex jixtru l-Chrysler.  Dik il-kumpannija Amerikana, li lkoll nafu biha u li għaddiet minn perjodi ta’ avvanzi u wara falliment, li fi ħdanha kellha wkoll il-portafoll tal-marka Jeep li f’Ġunju 2009 u wara fl-2014 spiċċat parti sħiħa taħt l-iskema ta’ FIAT Chrysler Automobiles.

Come faccio a chiedere un prodotto di qualità

5.    Kien huwa li assigura dan kollu b’determinazzjoni, passjoni u attenzjoni.  Kien imexxi, imma mhux maqtugħ mill-ħaddiema tiegħu.  Kien magħruf li kien jidħol jaħdem is-Sibt u l-Ħadd biex jara l-kundizzjonijiet tal-post tax-xogħol tal-ħaddiema tiegħu, bħal fejn ibiddlu, il-kmamar tal-banju, id-doċoċ, fejn jieklu, u kien ibiddel.  Kien ċar f’moħħu.  Kif nista’ nippretendi l-aqwa prodott fil-kwalità, u nippermetti li l-kundizzjonijiet tal-post ikunu daqshekk umiljanti u mnaqqas il-ġieħ?  Dan il-bniedem, li kien jaħdem mingħajr ma jidher kien preżenti, determinat fejn u kif hemm bżonn, assigura bidliet kbar.  Kif kien jaf ikun liebes, inflessibbli, mingħajr ħafna żegħil, imma kellu l-miri tiegħu ċari ħafna.  Qatt ma smajtu jew qrajtu u ma stajtx nara kemm kien qiegħed ‘il quddiem, fejn oħrajn kienu għadhom ser jibdew.

Id-destin ta’ dawk li jibdlu b’suċċess

6.    Għax kif nafu lkoll, dawk li jbiddlu għas-sewwa jsibu ħafna ostakli.  Daqqa minn dawk li ma jifhmux, u daqqa minn dawk li ma jkunux jistgħu jaċċettaw li dak li jkunu forsi “iddisprezzaw”, ikun qed jirnexxi.  Ma kien jaqbel xejn ma’ Silvio Berlusconi, anqas mal-Confindustria Taljana u spiċċa ‘l bgħid minnhom.  Marchionne hekk għadda minn dan.  Biċċa biċċa tela’ ‘l fuq.  Ma’ kull sena, il-pożizzjoni tiegħu nbidlet mhux biss fil-grupp industrijali li kien inħatar fih, imma f’diversi dimensjonijiet.  Dak li daħal biex imexxi nbidel fit-triq, kiber ħafna u ħafna iktar.  U waqt li beda jinfluwenza d-dinja tal-industrija Talajana, spiċċa biex għamel dan f’dik Amerikana u mondjali.

Le fanno accadere

7.    Kiteb u qal ukoll x’kien qiegħed iwettaq.  Daqshekk ieħor ser jinkiteb, ċertament, ħafna dwaru.  Nikkwota, u nirriproduċi bi pjaċir, żewġ sentenzi tiegħu: “Caro collega, esiste un mondo in cui le persone non lasciano che le cose accadono.  Le fanno accadere.  Non dimenticano i propri sogni nel cassetto, li tengono stretti in pugno.  Si gettano nella mischia, assaporano il rischio, lasciano la proprio impronta.”  Kif ukoll din: “Siate come i giardinieri, investite le vostre energie in modo che qualsiasi cosa facciate duri una vita intera.  E anche di più i grandi leader, sono persone che hanno una capacità fenomenale di disegnare e ridisegnare relazioni di collaborazione creative all’interno dei loro squadre.”

Insellmulu

8.    Sergio Marchionne għadda minn diffikultajiet mediċi kbar fl-aħħar jiem ta’ ħajtu.  Daħal għal operazzjoni fi spallejh, imma spiċċa f’koma irriversibbli.  Illum m’għadux magħna u ċertament ser ikun diffiċli ħafna biex xi ħadd ikompli fi triqtu.  Biss, dak li wettaq influwenza u ser ikompli jagħmel dan.  Ħidmietu ma kinitx sempliċement katalogabbli jew klassifikabbli f’parti tal-ħajja ekonomika tad-dinja, imma mifruxa.  L-atti tajba tiegħu.  L-azzjonijiet għas-sewwa, kif nafu, jibqgħu għal dejjem.  Insellmulu, u ċertament dawk bħali li segwewh b’attenzjoni, ser nibqgħu niftakru fih.




No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...