31.7.18

Għall-ġid ta’ dan il-poplu.




1.    Jingħad li fid-dinja hawn tlett produtturi kbar tad-deheb li nużaw u nqisu sew għall-kwalitajiet u valur li dan il-metall għandu.  L-istatistika turi li ċ-Ċina ħarġet erba’ mija u sittin tunellata, l-Awstralja mitejn u sebgħa u tmenin tunellata u r-Russja mitejn u erbgħa u sebgħin tunellata sena ilu.  Il-figura ta’ kważi elf u ħames mitt tunellata deheb fis-sena hija impressjonanti.  Iktar u iktar meta nafu li l-maġġor parti joħroġ minn dak li jissejjaħ “hard rock goldmining extracts”.  Deheb li jkun qiegħed ingastat u ħaġa waħda mal-ġebel li, b’ħidmet iebsa, il-bniedem jinħareġ għall-użu varju tiegħu.



2.    Il-bniedem kellu, fis-sekli, reverenza, u ta ħafna valur u importanza lid-deheb.  Ikkunsidrat bħala fost l-ogħla f’dan.  Diversi li għexu fuq din l-art wettqu atti li ma kellhomx iwettqu, biex ikollhom iktar minn dan il-metall fil-pussess u l-proprjetà temporanja tagħhom.  Uħud qatlu, oħrajn daħlu fi gwerer, oħrajn iġġustifikaw il-makakkerija tagħhom fih.  Hija l-Bibbja li tagħraf dan, imma f’kuntrast ma’ kemm il-Kelma t-Alla u l-liġi tiegĦu hija ifjen.  Is-Salm 19, fil-vers 10 tiegħu jgħid: “Huma iktar ta’ min jixtieqhom mid-deheb, iva, minn ħafna deheb irfinut”.  Fit-test Ingliż: “They are more precious than gold, than much pure gold.”



3.    Għax huma ħafna l-mumenti f’ħajjet il-bniedem li flok japprezza u jagħmel użu ta’ dak li għandu, jispiċċa jrid dak li m’għandux bżonn u jintilef jikseb dak li ma jagħtihx gwadan.  Is-soċjetà hija wkoll maħkuma minn dan.  Tħares lejn dak li m’għandhiex, u ma tifhimx dak li għandha.  Għandna wirt ta’ għerf, ta’ għaqal, ta’ esperjenzi li ma jissemmewx.  Ma jiġux ikkunsidrati jew b’xi mod valutati.  Ma naħsbux fihom, ma nitkellmux dwarhom u anqas ma nippruvaw nutilizzawhom.  Imma, fortunatament, hemm qegħdin: jistennewna noħorġuhom mill-blat, mill-ġebel, bħad-deheb.



4.    Fra Paolo, li jinsab volontarjament fiċ-Certosa di Sierra San Bruno fil-Calabria fl-Italja, f’kunvent tal-klawsura rigoruża ta’ ulied San Bruno, jingħad li qal: “Credo che alla gente piaccia avere un contatto con un Monaco, conversare con lui, avere un conforto e una testimonianza.”  Kemm għandu raġun.  Kemm hawn bnedmin, iktar u iktar f’dan il-mument u d’dan is-seklu, li qegħdin iduru jfittxu.  Ifittxu l-verità, li jifhmu l-ħajja u jippruvaw jgħixu aħjar magħhom infushom milli huma.  Diversi jridu jħabbtu l-bibien tal-għerf.  Uħud isibuhom, imma diversi oħra jduru fix-xejn.  Jittamaw f’dak li jixtiequ, imma ma jsibuhx.



5.    Iż-żmien inbidel ħafna, imma l-‘bżonn’ tal-bniedem jibqa’ l-istess u kostanti.  Forsi ġewwa l-komunità Nisranija għadna bil-kultura li huwa l-poplu li ser jiġi jfittex lil min jista’ jiggwidah: il-Kleru.  Imma x-xogħol, l-impenji, is-sitwazzjonijiet soċjali u familjari ġodda, dan m’għadhomx jippermettuh bħal qabel.  Hawn, però, l-mezzi ta’ komunikazzjoni aktar qawwija li huma viċin il-moħħ u l-qalb tal-bnedmin illum.  Dak li Fra Paolo jsemmi bħala l-“konfort tal-kuntatt” huwa possibbli fil-preżent.  Imma forsi wieħed jista’ jutilizzah aħjar.  Diversi drabi nara patrijiet u saċerdoti li qegħdin jidhru fuq il-mezzi soċjali jitkellmu, jindirizzaw u jippriedkaw.



6.    Dan tajjeb, imma hemm iktar triq diretta lejn dawk li jfittxu.  Persuni jidħlu, u hekk hija l-istorja tad-dinja, f’kuntatt personali meta jisimgħu bl-esperjenza vera u awtentika ta’ dawk li għażlu jidħlu għall-ħajja reliġjuża.  Dawk li jisimgħu jippreferu jiġu mgħallma b’inċidenti tal-ħajja ta’ min qiegħed jitkellem.  Il-bniedem jingħaqad iktar għax l-eżempju jirnexxilu jkaxkar anki għas-sewwa.  Biss, fil-minjiera kbira ta’ deheb li aħna għandna, dan mhuwiex jiġi maqlugħ.  Rari, kważi qatt, ma ssib, fil-mezzi kollha ta’ komunikazzjoni, bnedmin li jiġu mistoqsija u jwieġbu dwar dak li għaddew minnu huma fir-reliġjon.  Patrijiet, sorijiet, saċerdoti huma mimlija b’deheb li jista’ jinqasam u jmexxi ‘l-bniedem li jagħraf aħjar il-ħajja li ma joħroġx għad-dawl u l-widna.



7.    Mhux biss, imma nitkellmu u nitolbu dwar il-bżonn jew in-nuqqas ta’ vokazzjonijiet u m’aħniex nagħrfu kemm hemm persuni, speċjalment żgħażagħ, li m’aħniex nilħqu.  Forsi hemm bżonn ftit dożi ta’ ideat tal-politiċi ta’ kif wieħed jasal u jipprova jikkonvinċi?  Forsi hemm bżonn viżjoni differenti fejn wieħed jibda jħabbat il-bibien ta’ dawk li, anke jekk mhux neċessarjament jidħlu fil-klawsura taċ-Certosa ta’ Serra San Bruno, jkunu ċittadini li jaħdmu lejn u għas-sewwa?  Hemm ċertament deheb fis-soċjetà li qiegħed għad-dispożizzjoni tagħna.  Hemm żgur bżonn metodi ġodda ta’ kif jinqala’.  Iktar ma nagħrfu dan malajr, iktar nistgħu nagħmlu differenza f’din is-soċjetà.



8.    Forsi, mingħajr ma ninftiehem ħażin, jew b’xi mod kritiku, wieħed għandu jmur lura lejn, u jisma’ mill-ġdid dak li l-President Kattoliku Amerikan John F. Kennedy kien qal fl-1961, huwa u jibda ħidmietu, li wieħed jgħid: “My fellow Catholics, ask not what your church can do for you, ask what you can do for your church.”  Taqblu jew le miegħi, għalkemm il-ħaddiema huma ftit, xorta hemm deheb is-sewwa x’jinħareġ u x’jinfired għall-ġid ta’ dan il-poplu.






No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...