12.7.18

Il-Kamra Aġġornata.

 
1.    Nieħu dejjem pass lura waqt li nisma’ u naqra dak li jinkiteb kontra ħidmet il-Partit Nazzjonalista.  Nipprova nifhem kemm hemm min jippretendi l-mirakli mingħandna.  Kemm isiru ġudizzji u konklużjonijiet maqtugħa mid-dinja.  F’dak il-post fejn il-fatti huma injorati u maħruba.  L-ideat u r-raġunamenti jinxeħtu fil-kuntest ta’ dak li wieħed jaħseb u mhux f’dak li huwa.  F’xenarju fejn, l-ewwel, l-ispazju li fih jopera dak li jsejjaħ lilu nnifsu jew jiġi identifikat mill-oħrajn bħala ‘l-intellettwali’; it-tieni, fir-rabta bejn il-kultura u l-politika ġew fi kliem Alberto Asor Rosa “trab” wieħed għandu jaħdem sabiex iġib il-biċċiet lura f’posthom.

Politika u kultura

2.    Huwa jgħid hekk: “Un rapporto che è andato lentamente polverizzandosi”.  Huwa fir-realtà ‘vojt’ relattiv.  Fis-sens li meta tqabblu ma’ mumenti storiċi oħra, wieħed jista’ jarah inqas.  Kif ukoll f’min ikun qiegħed jgħaddi l-ġudizzju.  Jekk ikun politiku li jara lid-dinja intellettwali sejra lura tintilef f’nuqqas ta’ identità tagħha, rappreżentattiva jew kwalitattiva jew impenjata soċjalment.  Kif ukoll jekk ikun intellettwali li jħares ‘l isfel lejn il-politiċi bħal dawk li jfittex fihom stimulu u ma jsibx, jew li dak li qed jgħidu ma jogħġbux.  Hemm ġudizzji li jsiru.  Diversi drabi f’kuntesti differenti.  Biss, jekk jeżisti l-‘vojt’ bejn il-politika u l-kultura, hemm żgur l-għatx sabiex dan jimtela.

Verità traskurata

3.    Imma dan jista’ jitlaq aħjar b’aċċettazzjoni u verifika ta’ dak li aħna verament bħala Partit Nazzjonalista.  Il-verità traskurata hija li dak li aħna llum huwa r-riżultat ta’ dak li għaddejna minnu qabel.  Il-kuntest ta’ dak li huwa llum ma jistax jitqabbel ma’ dak li għadda minnu qabel il-Partit.  Jekk partit isib ruħu fl-Oppożizzjoni u f’minoranza, dan seħħ b’dawk li finalment kienu d-deċiżjonijiet politiċi tiegħu.  Dak li l-Partit irrappreżenta bħala pożizzjoni elettorali ma ġiex aċċettat mill-maġġoranza tal-poplu.  Seta’ kellu raġun fuq kollox jew fuq biċċiet.  Seta’ kkonvinċa ħafna lil uħud.  Imma l-fatt jibqa’ li meta ħareġ ir-riżultat, u meta wara ttieħdet id-deċiżjoni li t-tmexxija sħiħa tal-Partit iċċedi s-siġġu tagħha nfetaħ xenarju kompletament ġdid.  Wieħed li ma konniex imdorrija bih.

Time and chance

4.    Mhux biss, imma huwa iktar u iktar barra mill-kuntest meta jsir tixbih bejn il-politiċi li fortunatament mexxew fil-passat, u dawk li hemm illum.  L-eperjenza politika tgħallem li, kif jindika l-politiku James Callaghan, “Time and Chance” joħorġu mill-bniedem l-abbiltajiet partikolari tiegħu.  Bir-rispett, niftakar tajjeb iż-żmien meta l-Partit kien fl-Oppożizzjoni bejn l-1971 u l-1987.  Il-perjodu dominat minn Duminku Mintoff nagħrfuh.  Kien jiddomina fl-imħuħ bis-saħħa li biha kien jikkmanda.  Kien hemm ammirazzjoni kbira lejh minn diversi.  Għall-Oppożizzjoni, dan it-trattament ma kienx hemm.  L-istorja turi li dawk li wara affermaw ruħhom, meta kienu fil-Gvern, bl-ideat, bil-politika u bil-liġijiet li implimentaw, kienu disprezzati, mkasbra, immaqdra u mgħajjra.  Kien hemm f’dan diversi li kienu, kif l-istorja uriet, żbaljati fil-ġudizzji tagħhom.

Rapport interattiv

5.    Niftakar kemm dawk li kienu qed jidentifikaw il-Partit fil-linja politika ta’ wieħed demokratiku-Kristjan sabu ruħhom imsawta b’kitba ta’ intellettwali li għamlu l-iżball li kitbu mingħajr ma vverifikaw ir-realtà.  Dak iż-żmien sar żball li wisq nibża’ li jista’ jerġa’ jiġi ripetut issa.  Biss dan ma jbiddilx żewġ punti importanti li jimxu, jew separatament, jew id f’id.  L-ewwel: jingħad x’jingħad fil-gazzetti, fl-aħbarijiet u minn bnedmin li jqisu ruħhom ħassieba, il-poplu jivvota kif jara u jqis l-affarijiet huwa.  Huwa dejjem l-imħallef sovran li jisma’ kemm irid jisma’ u lil min irid, u fl-aħħar jiddeċiedi.  It-tieni: li hemm dejjem l-okkażjoni, l-ispazju, sabiex ir-rapport bejn il-kultura u l-politika jsir aktar interattiv milli huwa.  Hemm fejn wieħed jista’ jidħol fil-kurrent li jinfluwenza u jiġi influwenzat.

Apologo

6.    Nisma’ u naqra min jerġa’, bħal fil-passat, involontarjament iċekken meta jirrepeti dak li oħrajn huma żbaljati dwaru.  L-ewwel: li ma hemmx Oppożizzjoni.  It-tieni: li ma hemmx bnedmin validi li huma parti mill-Oppożizzjoni.  Ngħid dan għax ix-xenarju veru huwa kompletament differenti.  F’dawn ix-xhur li l-Partit Nazzjonalista reġa’ qabad mill-ġdid triqtu, inbniet esperjenza ġdida.  Il-Kap tal-Partit, Dr Adrian Delia, f’dawn il-ftit xhur, mhux snin twal, assorba u ġie mbaskat f’dak li pajjiżna għadda minnu.  Ma kienx hemm mument wieħed, jew deċiżjoni waħda, li fiha wieħed jista’ b’xi mod jgħid li ma fehemx u ma għarafx kif għandu jidderiġi ‘l-Partit.

Paleontoloġiku

7.    Mhux biss, imma flimkien ma’ min daħal għar-responsabbiltà xejn faċli ta’ Viċi-Kap u Segretarju Ġenerali fehem li wieħed irid jibdel u jinbidel sabiex jiġi mismugħ.  Tul din il-ġimgħa ttieħdet id-deċiżjoni mill-iktar għaqlija, u għalija determinanti, li tibdel l-immaġini, il-kontenut u l-linja tal-istazzjon tar-radju tagħna.  Ridna ninqalgħu mill-għaġna, u ppermettuli f’termini paleontoloġiċi, ta’ forom ta’ fossilizzazzjoni.  Ridna li ngħarfu li dak li kellna u ħadem fil-passat ma jistax jibqa’ jservina fil-preżent.  Ridna, ippermettuli ngħid, neħduha snin ilu.  Għax hemm realtà ċara: jekk sejrin biex ‘nikkumbattu’ elezzjoni, irridu nkunu armati b’teknoloġija moderna, mhux passata.  Stajna, kif kien hemm min qalli, nibqgħu naħsbu li nistgħu mmorru għall-“gwerra” nġorru l-azzarini tal-Ewwel Gwerra Mondjali.  Fejn effettivament niġġieldu b’kuraġġ biex niġu “mmassakrati” mill-ġdid.

Pierre Portelli

8.    Smajt b’attenzjoni dak li qal Pierre Portelli, li huwa kostantement żiffa friska ta’ ideat.  Għandu raġun: irridu nġibu l-istazzjon tagħna biex jinstema’.  Jekk, kif diġà qiegħed nara, dan iseħħ, inkunu qed nilħqu iktar milli naħsbu.  L-ewwel: nassiguraw li l-vuċi tagħna tinstema’ direttament u b’saħħa mingħajr ma jkollha l-ħin kollu l-bżonn ta’ forċini oħra.  It-tieni: tiftaħ iktar il-binarju ta’ diskussjonijiet mad-dinja tal-kultura, mal-ħassieba u mal-intellettwali tagħna.  It-tnejn proċessi neċessarji sabiex il-Partit iżomm is-sehem vitali tiegħu fis-soċjetà.  Dak li jinfluwenza, jifforma u jibni l-programm ta’ bidla li l-pajjiż għandu, u ser ikollu bżonn fil-futur.  Fortunatament f’dan il-Kamra tal-Deputati hija aġġornata u dan iż-żmien ser jagħti iktar spazju biex nibnu dak li hu tajjeb li jinbena mill-ġdid.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...