2262. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-
Ministru għall-Edukazzjoni u Xogħol: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk
kemm-il-darba humiex jittieħdu l-proċeduri amministrattivi u legali sabiex
ħaddiema li jaħdmu mal-Gvern u li nstabu ħatja li kkomettew reati fuq minuri,
ma jkunux jistgħu jaħdmu fi skejjel primarji?
08/11/2017
ONOR. EVARIST
BARTOLO: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi fil-każ fejn Uffiċjali Pubbliċi li
jkunu nstabu ħatja li kkommettew reati fuq minuri, il-Ministeru
għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jieħu dawk il-proċeduri neċessarji skont kif ġej:
1. Dwar proċeduri amministrativi u legali
konnessi mal-applikazzjoni tal-Att dwar Reġistrazzjoni għall-Protezzjoni
tal-Minuri Kapitolu 518 tal-Ligijiet ta’ Malta, il-Ministeru jagħmel
il-proceduri kif titlob il-liġi billi jitlob lis-Sezzjoni ta’ Ġurisdizzjoni
Volontarja tal-Qorti Ċivili (Prim’Awla), bħala "l-qorti kompetenti",
informazzjoni li tista’ tkun reġistrata fir-Reġistru mwaqqaf skont l-Artikolu 3
tal-att imsemmi, dwar kull persuna li jkun bi ħsiebu jimpjega billi jissottometti
rikorsi fejn jiġi notifikat l-Avukat Ġenerali.
Kemm ilhom isiru dawn ir-rikorsi ma jirriżultax li kien hemm xi każ dwar
xi persuna mniżżla fuq dan ir-reġistru li l-Ministeru kien bi ħsiebu jimpjega.
2. Fil-każ fejn Kap ta’ Dipartiment isir
jaf li uffiċjal pubbliku taħt ir-responsabbilita’ tiegħu jkun allegatament
wettaq reat li jista jkun ta’ natura kriminali, bħalma huma reati fuq minuri,
tiġi applikata l-proċedura skont kif imniżżla fir-Regolament 13 tar-Regolamenti
tal-2017 tal-Proċedura ta’ Dixxiplina tal-Kummissjoni dwar is-Servizz
Pubbliku.
3. Fil-każ meta persuna tkun instabet
mill-Qorti jew mill-Qorti tal-Appell ħatja ta’ reat kriminali, il-proċedura li
tiġi applikata hi skont kif imniżżel fir-Regolament 15 tar-Regolamenti tal-2017
tal-Proċedura ta’ Dixxiplina tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. F’dan ir-rigward meta impjegat ikun instab
ħati ta’ reati serji bħal dawn, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kumissjoni dwar
is-Servizz Pubbliku l-impjegat, kif ġara f’ċerti każijiet, jista’ jkollu
l-impjieg tiegħu mas-Servizz Pubbliku itterminat.
Ninforma wkoll li bil-ħidma sfieqa mwettqa mis-sezzjoni
responsabbli mill-Akkreditar fi ħdan id-Direttorat għall-Kwalità u l-iStandards
fl-Edukazzjoni, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol qed iħares li kull
skola tal-Knisja u Indipendenti qed tassigura li kull impjegat, inkluż iżda
mhux limitat għall-edukaturi, għandu/ha kondotta nadifa u mhux qiegħed/qiegħda
imniżżla fir-reġistru ta' min ikkommetta reat fuq minuri.
Din l-istess sezzjoni tieħu wkoll ir-responsabbiltà li
ta’ kull sena tfakkar lill-Kapijiet tal-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti
sabiex josservaw il-Legal Notice 206 tal-2016.
Barra minn hekk, kull meta l-istess Direttorat jasallu
rapport mill-Forzi tal-Ordni, mill-iskejjel stess, jew minn oħrajn dwar reati,
jew allegazzjonijiet ġodda, minnufih jiġi stabbilit kuntatt mal-mexxejja
tal-iskola sabiex b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet ta’ kull individwu,
jitħarsu l-interessi tal-minuri fdati lill-kommunità rispettiva.
Seduta 51
13/11/2017
No comments:
Post a Comment