12.11.17

Immobiliżmu Politiku;




1.     Hemm mumenti fil-ħajja, li meta jseħħu, jibdlu l-kors tal-eventi.  Jistgħu jkunu dawk li jitwieldu mir-responsabbiltà tiegħek, jistgħu wkoll iseħħu minn id ta’ terzi jew minn forza maġġuri.  Tul din il-ġimgħa ftakarna fit-tmienja u għoxrin anniversarju mill-waqa’ tal-Ħajt ta’ Berlin.  Illum, il-Ħadd, il-pajjiż jibdih b’quddiesa biex infakkru l-miljuni li tilfu ħajjithom fl-Ewwel Gwerra Dinjija.  Eventi u mumenti fl-istorja tal-bniedem li, kif seħħew, il-ħajja, il-perkors ta’ dak li qabel kien ikkunsidrat “normali”, inbidlu.  Iċ-ċirkustanzi kienu tali li ħadd ma seta’ jibqa’ jaħseb li kollox ser jibqa’ l-istess.  Wisq u wisq inqas li l-ħajja setgħet tibqa’ għaddejja bl-istess mod, bl-istess ritmu u bl-istess reazzjonijiet.



Status quo politiku



2.     Diversi bnedmin, fil-ħajja, fil-mumenti meta jseħħu sitwazzjonijiet simili jifhmu li l-affarijiet ma jibqgħux l-istess.  Imma nafu li mhux kull persuna tifhem il-polz tal-poplu.  Anqas li tkun kapaċi tgħarbel iż-żminijiet.  Mhux biss, imma hemm ukoll dawk li anke jekk jaraw f’parti li hemm bżonn bdil, jibqgħu jirreżistuh biex jibqgħu jaħsbu li kollok għadu kif kien.  Hemm f’dan ċaħda diretta u indiretta tar-regola tal-esperjenza tal-ħajja: li wieħed għandu jistenna dejjem dak li ma jistenniex.  L-isfida tiegħu f’dan kollu hija kemm ikun kapaċi jifhem u jaġixxi biex imexxi ‘l quddiem il-bidliet li huma neċessarji biex dak li qabel kien normali u li m’għadux, ikun jista’ jsib forom ġodda ta’ normalità.



Djaspru politiku



3.     F’dan il-proċess sħiħ, l-abbiltà tal-politika titqiegħed għall-prova. Dik il-ħaġra prezzjuża li hija l-politika tiddependi mill-bnedmin li jmexxuha.  Tiddependi fuq kemm ser ikollha l-kapaċità li tixgħel u tleqq jew tibqax matta.  Hemm stadji varji għal dan.  Il-politika, però, tibqa’ titlob minna nnifisha li tixgħel.  Tibqa’ tippretendi li ssir sewwa u tagħraf li, biex hekk issir, irid ikollha dawk li jifhmu ż-żminijiet u jieħdu l-passi li għandhom.  Għax il-verità hija li ħadd ma jista’ jinjora l-perkors tal-eventi, taċ-ċirkostanzi li jiġu fuqek.  Qegħdin hemm, u anke jekk jinħarbu, anke jekk wieħed jitkellem qisu ma seħħ xejn, xorta r-realtà turi l-kontra.



In-normalità ntilfet



4.     Dak kollu li seħħ f’dawn l-aħħar ġimgħat, xhur u snin fil-ħajja ta’ dan il-pajjiż seta’ u għadu fil-possibilità li jimmerita tweġibiet politiċi aqwa milli qed naraw.  Hemm bżonn ta’ iktar riflessjoni, ta’ ferm iktar kalma u għarfien tal-pożizzjoni politika attwali u storika tagħna.  Sa issa, wara d-dibattiti, id-diskorsi tal-Ħadd filgħodu nara li fil-poplu hemm rabja f’direzzjonijiet differenti.  Wasalna żgur, f’dan il-mument, fejn in-normalità ntilfet u ħadd ma jista’ jiċħadha.  Aktar u aktar meta wieħed jitkellem mal-poplu tas-sewwa, li jħobb il-paċi u li jinkwieta ruħu meta jara tmasħin, inkurlar u konfrontazzjoni.  U li jrid, jum wara jum iktar li azzjoni attenta tiġi meħuda u mhux injorata.  Huwa faċli li wieħed jispjega dan f’termini univoċi billi jgħid tort ta’ partit jew ieħor jew ta’ politiku jew ieħor.  Imma r-realtà hija li r-rabja hija ġejja f’direzzjonijiet varji.



Ma jistax jiġi injorat



5.     Meta wieħed jara dak li għaddej; jaqra li jum wara jum qed nissemmew mhux fis-sewwa; isib li pajjiżna kien involut bħala bażi għat-traffikar taż-żejt illegali bid-dell ta’ konnessjonijiet politiċi.  Insibu ruħna, għal darb’oħra, fir-rappor tal-Kumitat Pana tal-Parlament Ewropew imsemmija ħażin.  Naraw rappurtaġġi varji dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.  Il-konnessjonijiet li pajjiżna qiegħed isib ruħu fihom mertu tal-iskema tal-bejgħ liberalissima tal-passaporti.  Dawn huma pożizzjonijiet u sitwazzjonijiet li ma jistgħux jiġu spjegati bir-retorika passata li kienu dawk tal-Partit tal-Oppożizzjoni li huma responsabbli.  Dak li ġara, dak li qiegħed jiġri ma jistax jiġi njorat, kif qiegħed jipprova jwettaq il-Gvern.  Anqas ma jista’ jiġi negozjat politikament.  Hemm qiegħed, u hemm jibqa’, sakemm ma niċċaqilqux dwaru.



Inħallu kollox kif inhuwa



6.     Fil-vuċijiet varji li qed isemmgħu leħinhom fis-soċjetà, b’reazzjoni għal dan kollu, ma rridux nitilfu dik tar-raġuni u s-sewwa.  Naqbel li dak li għandu jsir għandu jsir fil-kalma.  Biss, biex isir, wieħed irid ikun miftuħ biex jibdel u jrid jibda l-passi neċessarji għal dan.  Il-Gvern, minn dak li qiegħed jingħad u jseħħ, qed juri ruħu li huwa determinat jibqa’ wieqaf.  Jippreferi jħalli lin-nies jesprimu r-rabja tagħhom u wara jagħlaq il-bieb lura fuqhom.  Jippreferi li jibqa’ f’dak li hu u ma jiċċaqlaqx, kif għandu, biex isolvi.  Jippreferi jitkellem fuq konvenzjoni kostituzzjonali, li kull persuna taf li trid iż-żmien tagħha, u dejjem jekk irid isir xogħol tajjeb bi bnedmin ta’ sustanza.  F’dan huwa evidenti li qiegħed jibgħat barra l-messaġġ li huwa beħsiebu jinjora ċ-ċirkustanzi, jħalli kollox kif inhuwa u jibqa’ immobbli.



Nimxu flimkien, f’daqqa



7.     Hemm ħafna passi li jistgħu jittieħdu li l-Oppożizzjoni, bl-użu ċar tar-raġuni, qegħda tipprova twassal il-messaġġ lill-Gvern li ċ-ċirkostanzi jimmeritaw, neċessarjament, bidliet.  Minflok, il-messaġġ parlamentari lura huwa li jagħlaq il-proċess ta’ bidla progressiva.  Dan huwa żball, għax iż-żewġ naħat tal-Kamra għandhom jingħaqdu flimkien fuq pożizzjonijiet ġodda.  Mentri l-Gvern moħħu f’vantaġġi politiċi apparenti għax irid li l-Oppożizzjoni tingħaqad warajh fejn jiddeċiedi huwa biss.  Ngħid dan għax waqt il-laqgħa mal-Onorevoli Rosy Bindi, li tmexxi l-Kummissjoni Anti-Mafia Taljana, din qaltilna, u ċert li qalet hekk lill-Gvern ukoll, li l-passi ‘l quddiem biex tiġi kumbattuta l-Mafja u l-organizzazzjonijiet kriminali l-oħra seħħew meta l-partijiet politiċi kollha ngħaqdu f’pożizzjoni waħda.



Liġi u tmexxija tajba



8.     Isem pajjiż jiċċappas meta jseħħu atti ta’ illegalità, ta’ kriminalità gravi b’omiċidji ta’ persuni prominenti fix-xena politika u ma jkunx hemm reazzjonijiet għalihom.  Id-dibattitu, minn żmien il-Griegi kien jekk għall-poplu huwiex aħjar li jkollok liġijiet tajbin jew mexxejja tajbin.  Fil-verità nafu li f’demokrazija hemm bżonn it-tnejn.  L-Oppożizzjoni hekk qegħa titlob fil-Parlament u fil-pjazez.  Għax iċ-ċirkostanzi li seħħew jitolbu minna li niċċaqilqu ‘l quddiem.  Li nifhmu li rridu nagħmlu għażliet aqwa f’pożizzjonijiet determinanti għall-ħajja tal-Istat, u fl-istess ħin nagħmlu liġijiet iktar aġġornati u aqwa.  Dan huwa loġiku.  Parti mill-proċess politiku li r-raġuni tagħtina.  Biss, fl-immobiliżmu politiku li qabad il-Gvern, ser indumu ferm u ferm iktar biex inwieġbu għar-realtà u nagħtu risposta għal min qiegħed nipprovdulu raġunijiet biex jikkritikana.



     

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...