24.11.17

Għas-sewwa f’pajjiżna.





1.      Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ wieħed li jħares li jġib il-ġid u s-sewwa lill-poplu kollu.  Jibqa’ wieħed interklassista u popolari.  Huwa però partit immexxi minn prinċipji ideoloġiċi ċari.  Mhuwiex wieħed marbut ma’ interessi partikolari, anqas ma’ kawża waħda.  Mhuwiex għaqda ffurmata għal ħaġa waħda.  Proprju għalhekk li m’aħniex marbuta mal-passat.  M’aħniex dawk li jridu jirrepetu dak li ġara qabel, imma jħarsu ‘l quddiem fis-sitwazzjoni preżenti.  Ir-rilevanza tal-partit tibqa’ proprju fuq dan: issib il-kejl tagħha mal-poplu Malti u Għawdxi.  L-abbiltà tiegħu li jifhem iż-żminijiet u l-ħtiġijiet ta’ dawk kollha li jgħixu f’dawn il-gżejjer.

Insolvu l-problemi tagħna aħna

2.      Ma hemmx dubju li l-elettorat iħares li jitlob mill-politiċi li jassiguraw li jkun hawn demokrazija ħajja li taħdem fil-paċi u l-istabilità.  Il-Gvernijiet Nazzjonalisti li kellna ħallew bħala wirt tagħhom diversi affarijiet.  Biss, id-demokrazija Ewropea hija l-pern tagħhom.  Bid-difetti interni tagħna, f’dan irridu nifhmu li għandna mekkaniżmu li permezz tiegħu nistgħu nsolvu l-problemi tagħna.  Huwa f’dan mhux proprju korrett min jaħseb li dawk li jgħixu barra minn xtutna għandhom soluzzjonijiet ippreparati għalina.  Id-dħul tagħna fl-Unjoni Ewropea drabi tidħol f’dan.  Permezz ta’ dak il-pass għollejna l-livelli tagħna.  Tlajna ‘l fuq.  Biss, din l-Unjoni ma tistax issolvi l-intoppi li għandna.  Dawk iridu jiġu solvuti minna, u l-Gvern jibqagħlu d-dmir sagrosant li jwettaq dan.

Id-dibattitu jissudana

3.      Tista’ però ġġib dak li qiegħed jiġri hawn għad-dibattitu għax aħna parti mill-Ewropa.  Dan fih innifsu huwa tajjeb għax jgħin fl-għarfien ta’ dak li għandu jsir u għal min huwa ta’ rieda tajba sabiex jieħu l-passi lejn soluzzjonijiet.  Li kieku kollox qiegħed jaħdem kif għandu f’din l-art tagħna, kieku ma kienx ikun hemm lok għal dibattitu.  Dibattitu li kellu l-appoġġ tal-forzi politiċi prinċipali, inkluż dak tal-partiti komunisti u li fih dawk soċjalisti żammew pass kbir lura.  Dak li seħħ għandu jżid fir-riflessjonijiet tagħna.  Dak li ngħad għandu jgħin sabiex insibu, bil-kalma, tarf ta’ dak li qiegħed jibgħatna lura.  Għax huwa tajjeb li min irid jisma’ jiċċaqlaq biex isir dak li għandu jsir.  Għax għandna l-obbligu legali u mirali li nesiġu li ssir is-sewwa.

Linja moderata

4.      L-argumenti politiċi, is-sustanza tagħhom għalhekk huma għalina iktar importanti minn min ħa sehem fihom.  Għax id-diskussjoni politika hija u tibqa’ vitali.  Proprju fuq din il-linja tkellem darbtejn il-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Adrian Delia.  Impostazzjoni ċara lejn il-modernizzazzjoni u sejħa sabiex il-Gvern jiddefendi sewwa lil pajjiżna.  F’ebda mument ma sar kliem żbaljat jew anti-demokratiku.  Fuq dan wieħed kien jippretendi, bħala minimu, li fil-Parlament Malti ssir diskussjoni serja dwar dak li seħħ u dak li għandna niċċaqilqu fuqu.  Insibu fejn għandna u nistgħu naġixxu bħala poplu biex intejbu lilna nfusna.  Imma proprju f’dan ma kienx hemm, wisq anqas il-ħsieb inaċċettabbli mogħti lilna minn Frans Timmermans li ser inrendu l-omiċidju politiku ta’ Daphne Caruana Galizia f’battalja politika.  Il-fatti juru preċiż il-kontra.  Konna nippreferu li ħadd ma jgħidilna li jew kollox huwa perfett, jew li m’għandniex nippretendu aħjar u għalhekk ma hemmx bżonn ta’ bidliet.
Il-vuċi tagħna fl-iżbilanċ preżenti

5.      Il-Partit Nazzjonalista, f’dan il-mument fl-istorja ta’ pajjiżna, ma jistax jirrinunzja milli jkun kuxjenza ċara ta’ dak li qed jiġri, u wisq inqas jirrinunzja li jsemma’ l-leħen tiegħu.  Jagħraf però li għandu diversi żvantaġġi.  Il-vuċi tiegħu hija maħnuqa u miżmuma lura.  Wieħed jifhem dan, però għalihom irridu nirreaġixxu.  Għax huma l-mezzi ta’ komunikazzjoni tagħna li jista’ verament u prinċipalment jiddependi fuqhom.  Il-gazzetti ‘In-Nazzjon’ u ‘Il-Mument’, ir-Radju 101 u n-Net mhumiex lussi żejda, imma strumenti essenzjali biex inwasslu bil-preċiż il-pożizzjoni tagħna.  Anzi, kif qed naraw, huma bilanċi essenzjali llum fejn il-vuċi u l-verżjoni tal-Gvern qed titwassal u teskludi tagħna.  Hawn żbilanċ ċar li rridu nikkumbattu.  Għalhekk għandhom jibqgħu jkunu huma li jitkellmu għalina.  Jibqgħu jkunu diretti, però jridu l-għarfien biex isibu appoġġ minn min irid id-demokrazija tikber f’pajjiżna biex jinxterdu u jinstemgħu.

Il-partit tal-Libertà

6.      Il-partit tagħna kien u jibqa’ dak li ried u ġġieled għal-libertà.  Libertà ‘l-bgħid mit-tirannija, li faċli tiżviluppa.  Libertà li timraħ dejjem iktar ma jkun hemm demokrazija b’saħħitha, fejn il-liġi hija ugwali ma’ kull persuna u fejn isaltan id-dritt.  Ma konniex dawk li jikkonformaw u jbaxxu rashom.  Iġġelidna, kif qegħdin, kontra l-kurrenti.  Konna u bqajna parti minn dawk li huma kburin li għall-ġid komuni nikkumbattu bil-kalma kontra dak li huwa żbaljat u ħażin.  Proprju għalhekk li f’dan m’aħniex lesti li ndgħajfu t-tessut demokratiku tagħna.  Għas-sewwa ta’ pajjiżna, fil-jiem li ġejjin ser nibqgħu naħdmu.  Nibqgħu nsemmgħu leħinna fis-soċjetà u fil-Parlament, fi spirtu demokratiku bl-istrumenti tad-djalogu u diskussjoni sabiex nassiguraw li dak li huwa żbaljat, jinbidel.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...