26.11.17

Irnexxilu.




1.     Forsi għad irridu nifhmu minn xhiex għaddejna bħala partit f’dawn l-aħħar xhur.  It-telfa elettorali f’Ġunju kienet riżultat ta’ diversi fatturi.  Uħud aċċettawhom u nitkellmu dwarhom, oħrajn għadna qegħdin naħirbu minnhom.  Irid ikun iż-żmien li għad irid jiġi li permezz tiegħu nibdew nanalizzaw dak li seħħ.  Nifhmu iktar fid-dettall dak li m’għamilniex u dak li messna wettaqna.  Biss, nagħrfu lkoll li t-trapass taż-żmien jagħti, ħafna drabi, parir.  Direzzjonijiet, u fl-istess ħin għarfien li l-maġġoranza tal-poplu, fl-aħħar elezzjoni ġenerali, ma kenitx qegħda taqbel ma’ dak li konna qegħdin ngħidu.  U forsi iktar minn hekk, fil-metodu, l-mezzi u l-messaġġi ġenerali tagħna.  Mhux kulħadd jaċċetta dan.  Hemm min moħħu biex iwaħħal fl-oħrajn, u ftit dawk fihom infushom.



Żvantaġġi fil-medja



2.     Żgur, mhux forsi, qegħdin nitilqu minn diversi żvantaġġi.  Il-pożizzjoni politika llum mhix dik li kienet wara t-telfa elettorali tal-2013.  Hija iktar diffiċli u kkumplikata.  Iktar u iktar meta fuq in-naħa tal-Partit Laburista hemm konsolidazzjoni fil-poter.  Hemm tmexxija li ġiet affermata u li hija kapaċi twassal il-messaġġ tagħha b’ferm aktar qawwa minn qabel.  Mhux biss għax għandha maġġoranza, imma wkoll għax vuċijiet u mezzi effikaċi kuntrarji naqqsu fis-saħħa tagħhom.  Mhux biss ukoll għax il-Partit Nazzjonalista għandu fuqu din id-diffikultà li jkollu mezzi li huma rilevanti u tal-abbiltà li jxerred fi ħdan il-pajjiż dak li qed jgħid huwa sewwasew.  Ir-realtà hija li bis-saħħa qawwija fil-komunikazzjoni li għandu l-Partit Laburista, il-poplu qed jisma’ mingħandu x’suppost huwa l-messaġġ tagħna.  Għalhekk, dak li qed ngħidu, dak li qed inwettqu mhuwiex jasal kif għandu għand l-elettorat tagħna.



Volontà pożittiva



3.     Proprju f’dan il-kuntest partikolari li wieħed għandu jifhem kemm il-piż huwa itqal għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Dr Adrian Delia.  Ix-xenarju politiku, kif inhuwa ċar, xeħet żvantaġġi ferm ikbar milli qatt kellu mexxej ieħor fil-partit.  Vantaġġi m’għandu xejn, salv il-volontà pożittiva tiegħu li jidħol għal din ir-responsabbiltà u jmexxi lura sabiex nibdew it-triq lejn it-tisħiħ u t-tiġdid tal-partit.  It-tesserati fehmu dan, u bl-għażla tagħhom marru biex idaħħu fit-tmexxija tal-partit proprju lilu.  Dan wettquh wara li raw, semgħu, analizzaw u ddeċidew.  Fehmu li huwa forza ta’ bidla u tiġdid.  Forza li, għax ġejja minn barra, kapaċi tara oġġettivament dak li hemm bżonn li jsir.  U ħadd ma seta’ jmeri l-vuċi demokratika u popolari li bidliet riedu jsiru, u għad iridu jsiru.  Dan, naturalment, bil-kumplikazzjonijiet, reżistenzi u oġġezzjonijiet li n-natura umana ġġib u għandha fiha.



Wiċċ uman



4.     Biss, minkejja kull żvantaġġ li kellu, Dr Adrian Delia rnexxilu jsir Kap.  Irnexxilu jidħol preżentement f’siġġu xejn faċli u, ħafna drabi, skomdu.  Irnexxilu però jibda, bl-għajnuna ta’ diversi bnedmin ta’ rieda tajba, passi determinanti li għada pitgħada ser insibuhom lesti.  Irnexxilu jġib miegħu entużjażmu ġdid għal ħafna partitarji.  Ġieb miegħu tama ġdida, metodi differenti u stil ta’ komunikazzjoni dirett u personali li ftit mexxejja preċedenti għalih, f’kull partit, kellhom.  Hemm wiċċ uman li tista’ tarah, tmissu u tifhmu ferm iktar meta jkun quddiemek, milli fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni tallum.  Fil-kuntatt dirett jissupera lill-Prim Ministru attwali.



F’iqsar żmien



5.     Irnexxilu wkoll iqassar il-proċess tat-tibdil u tiġdid tal-karigi tal-uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista.  L-aħbar ta’ wara l-elezzjoni li t-tmexxija sħiħa, flimkien mal-uffiċjali kienu mhux biss qed jirriżenjaw imma jintrabtu li ma jerġgħux jikkontestaw, kellha l-effetti politiċi tagħha.  Ħolqot, f’dak l-att li ħafna raw qawwi però dovut, “vojt” politiku.  Dan għax waqt li diversi kienu għalhekk diġà “żarmaw”, barra, il-ħajja politika kienet għadha għaddejja b’saħħa, qawwa u qilla, b’kumplikazzjonijiet kbar u li ftit rajna fl-aħħar snin fid-dinja tagħna.  Mhux biss, imma ż-żminijiet iffissati biex fihom jimtlew il-karigi ġiebu l-effett li l-Kap tal-partit kien għaddej waħdu tul dawn ix-xhur.  Mertu tiegħu li ż-żmien tqassar u l-għażliet saru.



Il-bastiment salpa



6.     Proprju għalhekk li l-Ħamis li għadda ngħalqu l-karigi kollha tal-partit.  Il-Kap tagħna, Dr Adrian Delia, f’dan irnexxilu jġib bnedmin li qed jokkupaw, għall-ewwel darba, dawn il-karigi.  Proċess ta’ bidla interna li saret f’dan il-mument partikolari.  Wieħed, li minnu, diversi bdew jifhmu li l-bastiment li qed imexxi tella’ l-ankri, telaq minn mal-moll u beda jsalpa ‘l barra f’baħar li, kif qed naraw, mhuwiex propjament kalm.  Biss, kif ilkoll nafu, il-kaptani t-tajba jingħarfu mhux fil-bnazzi.  Dak li hawn u dak li għad irid jiġi ser ikompli jbasktu f’mexxej tajjeb u sod.  Wieħed, li għax iduq it-togħma tal-baħar mielaħ li l-mewġ itella’, jibqa’ kapaċi jagħraf dik tal-ilma ħelu.  Biss nafu li għalkemm il-problemi tal-ħajja politika għandhom id-dettalji u l-effetti tagħhom, però huma l-bank tal-prova.  F’kull appuntament, f’dawn l-aħħar ġimgħat, irnexxilu jissupera l-ostakli, x-xkiel u l-ingombri li sab.  Bil-moħħ ċar tiegħu, u bil-prinċipji tal-partit li jiggwidawh, sab tarf ta’ diversi sitwazzjonijiet.



Saħħa u determinazzjoni



7.     It-triq il-quddiem ċert li mhix faċli.  Biss, jekk għal oħrajn din tista’ sservi biex jaqtgħu qalbhom u joqogħdu lura, għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Adrian Delia din hija sfida aqwa li qed jidħol għaliha b’saħħa u determinazzjoni.  Għandu fih enerġija pożittiva.  Bniedem li jfittex li jsib l-aqwa elementi fil-proxxmu li jiltaqa’ miegħu.  Bniedem li jispira lill-oħrajn u li għandu ġewwa fih dik il-forza naturali li jmexxi lill-oħrajn ‘il quddiem.  Bniedem li, minkejja kollox, irnexxilu jirbaħ, jagħti direzzjoni u gwida.  Irnexxilu jkun dawl ġdid u neċessarju f’dan il-mument diffiċli għall-Partit Nazzjonalista.  Fiż-żmien li ġej, issa li rnexxilu ma jkunx aktar waħdu imma għandu ‘l-uffiċjali u l-baħrin f’posthom, ser naraw bidliet oħra u ġodda.





                                                    

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...