12.4.17

Vuċi għas-Sewwa.


 
1.    Ftit snin ilu kien ġie nieqes Dr Jimmy Farrugia.  Bniedem li kien mimli doni u li għex ħajja għall-proxxmu.  Għandi ħafna memorji sbieħ tiegħu.  Niftakar li l-ewwel darba li smajt b’kif kienu jsejħulu “Jimmy”, meta qbadt nofs id-diskors bejn ommi u missieri li kien ser jikkontesta l-elezzjoni ġenerali tal-1976.  Ismu niżel iktar fil-fond għax l-għada, nannuwi minn naħa ta’ ommi, waqt li konna qegħdin induru r-ronda ta’ nhar ta’ Ħadd staqsieni jekk kienx minnu dak li sema’.  Għidtlu li iva u dak il-ħin, f’leħħa ta’ berqa qalli li kien sejjer jivvutalu għax kien tal-Ġunta.



2.    Kienet impressjonatni din id-diskursata għax in-nannu George rari kien jitkellem politika.  Però fhimt li dan Jimmy kellu valur kbir.  Ikkonfermajtha iktar wara għax mingħajr kampanji, mingħajr ħafna daqq ta’ trombi, f’xahar biss kien diġà fil-Parlament.  Indagajt fuq il-Ġunta għax ma kont naf xejn dwarha, u sibt kemm huwa kien ħadem.  Ħadem għall-vuċi kattolika li kien tant jemmen u jħaddan.  B’serjetà, determinazzjoni u b’kuraġġ verament kbir.



3.    Niftakru wkoll fl-Eżekuttiv tal-Partit.  Dejjem preżenti u preparat għad-diskussjonijiet li ser jinqalgħu, iktar u iktar fis-snin ta’ wara l-elezzjoni tal-1981.  L-eventi ta’ dawk il-jiem jibqgħu parti mill-istorja ta’ pajjiżna, u kull min ħa sehem fihom kien strumentali sabiex f’dan il-pajjiż ikollna d-demokrazija li għandna llum.  Jimmy kellu vuċi soda ħafna, jitkellem b’mod ċar u li tifhmu.  Kliem mill-iktar dirett u mingħajr kantunieri ta’ xejn.  Mhux darba jew tnejn ma kien jaqbel xejn ma’ dak li jkun qed jgħid ħaddieħor, hu min hu.



4.    Kellu mod ħelu fi kliemu, minkejja li kien jidher li huwa iebes minn barra.  Għax ir-raġel kellu qalbu tajba wisq.  Dawk li jarahom ser jagħmlu żball dlonk ikellimhom, jekk ma jċanfarhomx ukoll.  Per dawk li kien iħoss li huma ġenwini kien dejjem jaqbeż għalihom, hu x’inhu l-prezz.  Min jaf kemm il-diskursata kelli miegħu iktar tard f’ħajti fil-famuża dar tiegħu.  Miftuħa għal kull min irid imur għandu.  U kien hemm arja ta’ reżistenza anke f’dan, għax kienet proprju faċċata ta’ waħda mir-residenzi tal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien.



5.    Jimmy kien ħelu wisq.  Qalb nobbli u moħħ mimli kultura.  Niftakru darba stedinni, kont għadni barra mill-politika, id-dar flimkien ma’ marti u persuni oħra.  Dawwarni biċċa biċċa l-fidda, l-opri tal-arti, jispjegali minn fejn ġew, ta’ min kienu u l-istorja partikolari tagħhom.  Għadni narah sallum b’għajnejh jixegħlu.  Kien fl-aħjar tiegħu.  Il-ħolma u l-biża’ tiegħu kienet li jirnexxilu, jew le, li jistampa dik l-opra tant u tant importanti għalih.  Żewġ volumi li janalizzaw u jġibu għad-dinja l-patrimonju moħbi tal-fidda tagħna.



6.    Moħbi għax hemm storja li ftit persuni taw kasha, iżda Jimmy kien daħal għal dan il-proġett b’passjoni tant qawwija.  Ħajtu kienet marbuta magħhom.  Kull metodu, kull timbru, kull notazzjoni, dokument, eċċ kienu jokkupawlu moħħu.  Niftakru jispjegali kemm qatta’ sigħat waħdu, jara informazzjoni li ħadd qatt qabel ma kien ra.  Kellu passjoni vera u proprja li bħalha ftit rajt, iktar u iktar meta kien qiegħed jidħol u jlesti proġett li ftit fehmu, jew qatt ser jifhmu, kemm huwa utili.



7.    Għandi iktar memorji tal-għażiż Jimmy.  Biss, diffiċli ħafna sabiex f’artikolu żgħir bħal dan wieħed idaħħalhom kollha. Jibqa’ l-fatt indiskuss li ġieb u ħalla patrimonju ta’ valuri u mġieba li ftit mill-ġenerazzjoni tiegħi għandhom.  L-irġulija, l-onestà u l-verità kienu u jibqgħu marbuta miegħu.  Tgħidlu x’tgħidlu ma kienx imur lura minnhom.  Tarah għaddej kont tħoss li f’dinja mimlija ħażen, manuvri u tgħawwiġ tal-fatti, għad hemm ġabra ta’ nies jikkumbattu għas-sewwa.  Ma hemmx dubju li pajjiżna tilef bniedem kbir li l-vojt tiegħu diffiċli jimtela’.



No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...