26.4.17

Il-Ġebla twarrbet: Sidna Ġesù Kristu Rxoxta


1.    Wasal Ħadd il-Għid il-Kbir.  Għal dawn l-aħħar ġimgħatejn, b’mod partikolari, diversi kienu l-għaqdiet u persuni varji li organizzaw attivitajiet marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa.  Rajt enerġija ġdida, u fl-istess ħin imġedda, f’dawk li għadhom jifhmu l-importanza tal-jiem u jipparteċipaw b’saħħa.  Dan m’huwiex proċess uman sfurzat, imma anzi huwa wieħed kompletament volontarju, spontanju, fejn iqumu diffikultajiet biex issib post għal kulħadd.  Post fil-ħidma u fil-preżenza waqt ir-rappreżentazzjonijiet, il-purċissjonijiet, il-kunċerti, u dak kollu li aħna kapaċi niżviluppaw.  Esperjenza pożittiva u wirt uniku f’dawn il-Gżejjer tagħna li l-għeruq tagħhom huma sodi.

It-teknoloġija ġiet megħluba

2.    Hekk ħassejt, iktar u iktar it-Tlieta li għaddew fil-Knisja tal-Erwieħ, f’Ħal Tarxien.  Fi knisja mimlija sew, stajt nara bnedmin ta’ età varja miġbura, sija biex jassistu għall-“Oratio”, mtellgħa tant tajjeb mit-Tarxien Pageant Group, flimkien mal-Amadeus Chamber Choir; kif ukoll biex jieħdu sehem bil-kostumi u l-attenzjoni partikolari għall-karattri kollha tal-Vanġelu.  Fejn it-teknoloġija moderna, flok għelbet tradizzjonijiet passati ġiet issa għall-għajnuna, utilizzata u trasformata għall-preżent.  Fejn il-messaġġ nisrani, fis-sustanza tiegħu, jerġa’ jiġi mxandar direttament u bil-“lingwa tallum”.  Ċert li f’diversi bliet u rħula din kienet esperjenza nisranija u pożittiva.

Għeleb il-Mewt

3.    Biss, fortunatament, illum il-knejjes tagħna qegħdin jiċċelebraw bid-daqq tal-qniepen, bil-purċissjonijiet ta’ Kristu Rxoxt, fejn id-demm jerġa’ jiġbed u d-dmugħ jitkattar.  Fejn nifirħu, u fl-istess ħin nirriflettu dwar dak kollu li seħħ snin twal ilu.  Snin li mertu tal-verità li fihom ġenerazzjonijiet varji żammew, u proprju għalhekk għadhom magħna sal-ġurnata tallum.  Sidna rxoxta, bħal ma ġie verament proċessat u msallab.  Kif sewwa jingħad, Lazzru li nsemmu kien miet u tqajjem minn Kristu, però iktar tard f’ħajtu ġie huwa wkoll imsejjaħ lura għand il-Missier tagħna.  Imma l-Qawmien mill-Mewt tiegħU huwa differenti, proprju għax ma hemmx tmiem fih.

Preżenza femminili

4.       Lejlet l-Għid il-Kbir u fil-ġranet ta’ wara, fil-knejjes tagħna nisimgħu l-erba’ rakkonti tal-evanġelisti fid-direzzjonijiet li għażlu li jagħtu u jħallu prova lilna.  Kull wieħed għandu l-‘partikolaritajiet’ u l-‘informazzjoni’ tiegħu.  Imma din is-sena sibtni nirrifletti iktar fuq dak li l-Evanġelista Marku kiteb fis-sittax-il kapitolu tiegħu: il-preżenza femminili f’mument daqshekk importanti tgħallem b’mod ċar li għall-kuntrarju ta’ dak li jingħad, il-messaġġ nisrani jħares u jassigura l-ugwaljanza bejn is-sessi.  Huma Marija Madalena, Marija ta’ Ġakbu u Salomè li jidħlu bħala l-ħabbâra u x-xhieda diretti tal-Qawmien tiegħU.  Dawn it-tlett nisa jieħdu hawn iktar preżenza ċentrali.

Ix-xhieda femminili

5.       Iktar għax huma dawn it-tlett nisa li jsegwu lil Kristu waqt it-tlett snin tal-missjoni tat-tixrid tal-aħbar it-tajba.  Huma wkoll preżenti waqt li Sidna jiġi msallab.  Waqt li l-maġġoranza tal-Appostli jidhru assenti huma josservaw, bil-kuraġġ tagħhom, mill-bogħod.  Huma l-istess li josservaw fejn ġie midfun fil-qabar ġdid provdut minn Ġużeppi ta’ Arimateja.  Huma l-istess tlett nisa li fil-bidu tal-ġimgħa, kmieni kmieni filgħodu, jiddeċiedu li għandhom imorru biex jidilku kif jixraq u mill-għarfien tagħhom il-ġisem tiegħU.  Huma huma li jaħsbu dan u jaġixxu mill-imħabba li huma kellhom għaliH, kien x’kien is-sogru tagħhom.

Nisa sejrin lejn is-sewwa

6.       Mument determinanti, b’mod partikolari għal Marija Madalena, li fl-ewwel laqgħa tagħha ma’ Sidna tidlek siequ, u issa triq twettaq l-aħħar servizz tagħha.  Imma iktar minn dan, kif jgħidu uħud mill-kittieba, wieħed irid jirrimarka u jammira l-fidi vera tagħhom.  Dak li huwa mistenni minn dawk li jridu jkunu nsara.  Huma jitilqu mingħajr biża’ fit-triq, anke jekk jafu li, kif kienu raw, hemm ġebla kbira tagħlaq il-qabar – waħda li l-istess evanġelista jerġa’ jenfasizza.  Dik il-ġebla, li fuq naħa saret biex tipproteġi l-ġisem ta’ Sidna mid-dinja saret, iktar ‘il quddiem, ix-xhieda fiżika tal-qawmien.  Jistaqsu verament lilhom infushom: “Min se jgerbilna l-ġebla mid-daħla tal-qabar?”, imma xorta waħda, għax f’qalbhom iħossu li sejrin lejn is-sewwa.

Tlett nisa jirċievu l-messaġġ

7.       Huma proprju huma li jiġu ppremjati bħala x-xhieda prinċipali u uniċi f’dan il-vanġelu.  Isibu ż-żagħżugħ b’messaġġ ċar, frisk, li f’sentenza waħda jgħidilhom: “Xejn la tinħasdu. Qegħdin tfittxu lil Ġesù ta’ Nażaret li kien imsallab: qam mill-mewt, m’huwiex hawn.  Araw il-post fejn qegħduh”.  Wieħed jifhem ir-reazzjoni naturali ta’ dawk li marru biex jidilku kadavru li, minflok, isibu xena bħal din tistennihom.  Il-fatt li ħarbu jiġru mbeżżgħa huwa aġir mill-iktar uman, li fih innifsu huwa xhieda li l-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu verament seħħ. 

Bir-raġun nifirħu

8.       Ma hemmx dubju li llum ser inkunu qed niċċelebraw bil-qalb dan il-jum.  Bir-raġun, u iktar, bir-raġuni nifirħu.  Nifhmu iktar li n-nisrani qiegħed imiss mal-verità mal-verità ħajja tiegħu.  Il-verità li ti mxi magħna fit-triq li nippruvaw nagħżlu, u fl-istess ħin li maż-żmien insibuna fiha.  Dik li tnissel fina l-fidi li għandna niċċaqilqu ‘l quddiem fl-għarfien li għandna naħdmu u nkunu għas-servizz tas-sewwa.  Ikunu xi jkunu d-diffikultajiet, l-intoppi, il-kumplikazzjonijiet, hemm dawl ċar u uniku, mhux artifiċjali, li jwassalna biex nimxu fid-direzzjoni t-tajba.  Dan il-jum jissudana sabiex nimxu b’dik il-fiduċja f’qalbna li teħodna lejn il-ferħ tal-ħidma lejn il-proxxmu tagħna.  Mill-qalb, ippermettuli nawgura l-Għid it-Tajjeb lil kulħadd.




  

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...