26.4.17

Qasir il-Għomor





1.    Ftit huma dawk li jafu verament dak li għaddej bħalissa fil-qalba tal-Gvern.  Ħafna, però, qegħdin ifittxu u jistaqsu sabiex jifhmu u jgħarfu x’inhija l-verità.  Ħadd f’sensih ma jista’ jiċħad jew jaħbi li fid-dinja politika Maltija hemm ilmijiet li qamu, riħ li qed jonfoż minn kull direzzjoni u l-art li wkoll bdiet titriegħed.  Xi ħaġa hemm, li hija tant qawwija li ġiegħlet lill-Gvern jibdel fi ftit ġimgħat il-ħsieb fuq l-appuntament elettorali li jmiss.  Hemm elementi varji li wasslu sabiex tintilef kompletament dik id-doża ta’ kalma li kien għad għandu.  M’għadux iktar ċar u l-viżjoni hija iktar imċajpra.

Stramberiji

2.    Wara l-Għid il-Kbir qomna nsibu lill-Gvern b’aġenda ġdida.  Dik li jħalli għaddejja l-għidut li elezzjoni ġenerali ser issir illum qabel għada.  Dan żied fl-attenzjoni meta ftit ġimgħat ilu l-Prim Ministru kien, minflok, qiegħed jiddikjara li l-elezzjoni ssir wara Marzu 2018.  Il-messaġġ apparenti li tqabbad fit-triq kien illi l-Gvern tant hu ċert li ser jirbaħ li jrid jagħmilha mill-ewwel.  Stramba, meta wieħed iqis li pajjiżna għaddej fil-presidenza tal-Unjoni Ewropea, li hija impenjattiva minnha nfisha, u iktar fir-responsabbiltà li l-mument storiku għandu.  Stramba iktar meta l-istess magna propagandistika bagħtet barra l-“aħbar” li tant sejrin tajjeb li issa għandna ferm iktar flus fil-kaxxa ta’ Malta milli għandna bżonn, għax hemm surplus.

Arroganzi

3.    Bħal dejjem, wieħed jisma’, jiżen u wara jibda jifhem jekk dak li qed jippruvaw jikkonvinċu fuqu huwiex minnu jew le.  Huwa minnu li l-Gvern qiegħed daqshekk ixxamplat daqs kemm qed jipprova jgħid lu hu?  Id-diskors ta’ iktar voti milli kellu, u iktar maġġoranzi qawwija ma jsegwux.  Min huwa fil-Gvern jitlef naturalment, għax altru x’jgħid, u altru xi jwettaq.  Terġa’, din it-tmexxija partikolari spikkat fl-arroganza ta’ dawk li għax għandhom ħafna saħħa politika jistgħu jixtru u jagħmlu dak li jridu.  Mhux biss.  Il-pajjiż m’huwiex wisq entużjażmat bil-kwantità ta’ każijiet ta’ nepotiżmu, preferenzi u korruzzjoni.

Telfien

4.    Il-Gvern jaf li qiegħed jitlef u tul din is-sena l-proċess tat-tnaqqis żdied.  Iktar u iktar meta diversi mhux biss semgħu ‘l-Oppożizzjoni titkellem, imma huma stess qed imissu u jifhmu li hemm ftit ta’ ġewwa li jgawdu sew, u oħrajn fuq barra li qed ibatu.  Għal min jagħmel is-somom tal-matematika u jaħseb li kollox statistika qed jinduna li l-pendlu beda jiċċaqlaqlu sew.  Jista’ jkun għalhekk li hemm min fehem li iktar ma jdum, iktar qed jissogra bl-ikrah.  Jista’ jkun ukoll li jagħraf li hemm każijiet ferm ikbar ta’ korruzzjoni li ser joħorġu għal għajnejn id-dinja, li l-effett tagħhom ħafna jistgħu jbassru elettoralment.

Instabilità

5.    Xi raġuni serja hemm biex min qiegħed iggranfat mal-poter ser jgħaddi lilu nnifsu daqshekk malajr mill-iskrutinju elettorali.  It-tħassib kiber meta ħafna qed jaraw stramb kif qed issir rinunzja ċara tal-opportunità li l-Gvern jerġa’ “jqassam” f’budget ieħor.  Dan żied l-opinjoni ta’ uħud li l-kontijiet tal-pajjiż m’humiex daqshekk ileqqu daqskemm qed nisimgħu.  L-istabilità finanzjarja, jekk hija daqshekk tajba li tippermetti iktar fil-kaxxa ta’ pajjiżna, għala mhix ser “titqassam” f’Ottubru jew Novembru?  Dan il-pass fil-kontra tal-loġika politika Maltija m’huwiex konvinċenti.

Iktar milli jidhru

6.    Hemm kaġun li qiegħed jimbotta lill-Gvern biex jippermetti vot iktar malajr.  Fi ħdan il-Gvern diġà hemm it-tfixkil.  L-uċuh ta’ diversi ministri magħrufa bħala “l-qalba nett tal-poter”, dawk li jikkunsidraw ruħhom “sejf u tarka” tal-istess Prim Ministru kienu mifxula abbord, jippruvaw jitfu n-nirien li jxommu u ma jistgħux jaraw.  Kien ċar daqs il-kristall li għarfu li hemm l-inkwiet u jridu jiffaċċjaw dak li qiegħed jinġabar u jilħaqhom.  Dak li għaddej ftit jafuh.  Biss, il-konsegwenzi jafu jkunu iktar gravi milli naħsbu.  Il-mazz tal-appuntament elettorali huwa f’idejn il-Prim Ministru, però mill-istorja, meta wieħed jagħżel li jmur għalih f’qasir l-għomor il-poplu jifhem li hemm iktar problemi milli jidhru.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...