5.9.16

Okkażjoni Unika.



1.      Nhar l-14 ta’ Lulju ta’ din is-sena filgħaxija kont preżenti fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann.  Il-Malta International Arts Festival organizzaw kunċert mill-aqwa fejn iċ-ċentru tal-opri li ndaqqu kienu dawk tal-kompożitur uniku Estoni Arvo Part.  Ftit ħsibt li huma dawk li kienu jafu bl-opri tiegħu.  Awtur ta’ varjetà kbira ta’ biċċiet klassiċi u, interessantement f’dan is-seklu, sagri.

2.      Niftakar li kien il-Ministru tal-Ġustizzja tal-Estonja Rein Lang li, f’konverżazzjoni miegħu waqt li kien f’pajjiżna, semmih b’tifħir u ħajjarni nibda nsegwih.  Interessanti iktar għalija kien li dan sar proprju waqt li konna fl-istess Kon-Katidral.  Ħajjet Arvo Part hija mimlija b’passi li jiġbduk.  Imwieled fil-11 ta’ Settembru 1935, proprju f’pajjiż maħkum mill-Unjoni Sovjetika komunista.  Imrobbi minn ommu f’ambjent nisrani.  Terġa’, minn Luteran ikkonverta għall-Ortodossija Russa.

3.      Beda l-karriera bħala student fl-iskola tal-mużika f’Tallin, il-kapitali tal-Estonja, u ftit wara għamel żmien ukoll idoqq bħala bandist fil-banda tal-Armata.  Biss, il-karriera tiegħu ma waqfitx hemm.  Baqa’ jiżviluppa u jistudja.  Illum huwa mogħti ġieħ li ħoloq teknika differenti permezz tal-kompożizzjoni mużikali tiegħu minimalista, magħrufa aħjar bħala “tintinnabuli”.  Sempliċement qampiena f’bażilika ta’ knisja Kattolika Rumana.  Kompożizzjonijiet li ħadu l-ħajja f’biċċiet bħal “Fur Alina” u “Spiegel im Spiegel” u nfirxu f’diversi oħra li fl-14 ta’ Lulju ndaqqu b’eżekuzzjoni mill-iktar eċċellenti mill-Orkestra Filarmonika ta’ pajjiżna taħt id-direzzjoni tal-magħruf Michael Laus.

4.      Il-biċċiet li ndaqqu kienu “Magnificat”, “Cantus in Memoriam Benjamin Britten”, “Festina Lente”, “Fratres” u ‘l hekk imsejħa “Greater Antiphons”.  L-atmosfera kienet maġika.  Il-Kon-Katidral għandu akustika unika u l-mużika ta’ Part, li mhix waħda “storbjuża”, ħarġet verament tajjeb.  L-okkażjoni kienet iktar unika għax l-istess Arvo kien preżenti fost l-udjenza.  Mhux fl-ewwel fillieri imma iktar lejn in-nofs, jisma’ u josserva kemm din il-mużika Ewropea komposta minn qalb imrobbija fil-kesħa tal-Baltiku kellha taqbel perfettament f’din il-gżira tal-Mediterran.

5.      Hemm diversi kitbiet fl-istudji moderni ta’ x’inhuma l-elementi essenzjali sabiex okkażjonijiet kulturali jkollhom suċċess fid-dinja tal-lum.  Qrajt numru ta’ artikoli u kotba li jsemmu dan.  Ħafna jidħlu f’dettalji żejda.  Biss, finalment hemm bilanċ bejn dak li jkun ser jiġi eżegwit u qalb u moħħ il-bniedem.

6.      Il-kultura għandha wkoll id-don li tkabbar u tmexxi ‘l quddiem id-dinjità umana.  Għax il-bniedem ma jgħix bil-politika biss.  Anzi kif, jekk tippermettuli, kien qal ferm aħjar Ġwanni Pawlu II: “L’uomo vive una vita autenticamente umana grazie alla cultura.  La cultura è un modo specifico dell’“esistere” e dell’“essere” dell’uomo.  La cultura è il mezzo per cui l’uomo diventa più uomo.

7.      L-elementi f’din l-okkażjoni kienu kollha f’posthom għal dan.  Il-post kien mimli daqs bajda.  Kull min ġie baqa’ jisma’ sal-aħħar, igawdi u jħossu msaħħaħ huwa u sejjer lura f’daru.  Dan iktar u iktar meta fl-aħħarnett tas-serata l-istess Arvo Part qam u mar jifraħ bl-Orkestra.

8.      Waqt li ħafna ħasbu li kien ser jitkellem, minflok, kull ma għamel kien li xejjer idejh fis-silenzju, jindika l-isbuħija tal-post fejn il-mużika kienet qed tiġi esegwita.  Kien biżżejjed.  Il-mużika tiegħu kienet tkellmet waħedha.  L-okkażjoni kienet verament unika.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...