27.9.16

Għażla Libera.


 
1.        Bħalma filgħaxija lejlet il-jum nazzjonali tal-Indipendenza konna fil-libertà u għalhekk għażilna, mal-eluf li nġabru fuq il-Fosos, daqshekk ieħor għamilna l-għada.  L-Indipendenza hija festa tal-għaqda nazzjonali.  Kull min huwa ta’ rieda tajba kellu din l-istedina li jingħaqad ma’ min irid ifakkar u jiċċelebra.  Daqshekk ieħor kellna, b’mod partikolari aħna l-Membri Parlamentari, li fil-jum proprju ningħaqdu għall-Pontifikal fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann.  Mhux kulħadd ġabar l-istedina.  Minn Kabinett ta’ 23 kien hemm ħamsa jattendu, u mid-deputati l-maġġoranza assoluta kienet ġejja mill-bank tal-Oppożizzjoni.  Ħadd ma kien imġiegħel.  Kull persuna kien fl-għażla libera tiegħu li jiġi jew le.

Preparata u studjata

2.      Ingħad sew dwar l-omelija tal-Arċisqof Charles Scicluna.  Uħud telqu jiġru jikkummentaw mingħajr ma rriflettew u ngħadu kliem li kienu barra mill-kuntest.  Insew, forsi, li l-Knisja Kattolika għandha d-dmir li tgħallem u ssemma’ l-vuċi tagħha.  Mhux biss, imma, dejjem għal min irid jisma’, jista’ jieħu mingħandha direzzjoni.  Ma kienx xi diskors ta’ protesta, anqas ta’ dikjarazzjonijiet belliġerenti.  Kienet omelija kif għandha tkun: attenta, studjata, preparata, maqluba wkoll għal-lingwa Ingliża u f’idejn kull min għażel li jattendi.  Nittama li ħadd ma stenna li dan ma jsirx.  Għax jekk morna liberament nisimgħu l-quddiesa, ma stajniex ma nippretendux li dan iseħħ jew li jkun hemm diskors li ma jmissniex.

Gwida għal min huwa fil-politika

3.      Kif dħalt u sibtni fil-post li qegħduni fih, ġiet f’daqqa din l-omelija stampata f’idi.  Qrajtha minnufih għax din kienet l-ewwel darba li dan il-bniedem intelliġenti u għaqli għażel din it-triq.  Qegħda għad-dispożizzjoni tagħna f’eżerċizzju ta’ preċiżjoni, trasparenza u akkontabilità partikolari.  Miktuba tajba u moqrija bis-sens, mill-qalb u bażata u mmexxija minn intenzjonijiet rettissimi.  Il-kontenut tagħha huwa gwida għal min huwa fil-ħajja politika, għal min huwa nisrani fil-politika u lezzjoni għal dawk minna li jikkunsidraw ruħhom demokristjani.  Bażi ta’ riflessjoni għal min huwa ta’ rieda tajba u jipprova jaħdem fl-għalqa tal-politika bl-intenzjoni retta quddiemu.  Dejjem, però, għad-dispożizzjoni ta’ min, fil-libertà, ried jagħti widen.

Kriterju ta’ governanza

4.      Għax għalkemm l-omelija mhix diskors politiku, imma għandha l-abbiltà, fiha s-sustanza li tiġi tradotta, maqluba u trasformata f’ħidma politika li tkun aqwa minn dik li wieħed ikun qiegħed iwettaq.  Kienet u tibqa’ f’dan okkażjoni li tibqa’ tiftakarha.  Waħda li l-jum tal-Indipendenza timmerita li tingħad minn mexxej denju tal-Knisja.  Waħda li hija sejħa lejn kwalità aqwa ta’ ħidma, ta’ għarfien iktar fil-fond fuq ħidmet attwali u l-futur tal-bniedem.  Huma kliem li, kif turi l-istess hija “kriterju għal governanza tajba, dik il-governanza li (l-ewwel) denja tal-familja umana u (it-tieni) li l-politika trid, wieħed jittama, taspira għaliha”.  Nistgħu, fil-libertà tagħna, issa li smajniha niħduha, inħaddmuha; u nistgħu le.
Fittex it-tajjeb u evita l-ħażen

5.      Il-messaġġ nisrani kien immirat lejn pożizzjonijiet li għandna lkoll bħala pajjiż naċċettaw u nħaddmu fihom in-normalità tal-affarijiet.  L-ewwel, l-għaqda nazzjonali, kontra l-firda tal-poplu.  Għax “il-governanza li tifred, li hija mibnija fuq il-privileġġ tal-ftit jew li tippromwovi bla skrupli lealtà lejn partit politiku iktar milli lejn l-Istat, hija tradiment u velenu għall-ġid komuni tas-soċjetà”.  It-tieni, immirata lejn ugwaljanza bejn il-bnedmin li jgħixu fuq din il-gżira.  It-tielet, tal-bżonn li jiġi affermat mill-ġdid li hemm sewwa u mhux u li hemm verità u nuqqas tagħha.  Kif ukoll li min huwa fil-politika għandu jaħdem sabiex jassigura iktar sewwa u verità fis-soċjetà u ma jkunx strument tal-kontra.  Dawn huma l-“pedamenti ta’ ħajja umana awtentika” li jiċħdu fil-verità l-iżball tal-relattiviżmu li diversi, żbaljatament, iħaddnu u jgħixu.

Piż dirett fuq il-Gvern

6.      Għax il-verità u s-sewwa jopponu u jirreżistu l-egoiżmu u l-materjaliżmu.  Il-messaġġ huwa f’dan sejħa ikbar sabiex min ikollu f’idejh il-poter jaħrab dawn il-gambetti lill-ġid komuni.  Il-piż dirett u prinċipali huwa dejjem fuq widnet il-Gvern tal-ġurnata li, bl-aġir tiegħu għandu bżonn li jingħadlu dan.  Iktar ċar, l-Arċisqof ma jistax ikun meta jgħid: “L-Istat għandu jrażżan sewwa r-regħba tal-ftit li jaħsbu biss biex iħaxxnu buthom b’detriment tal-ħafna”.  U iktar ‘il quddiem: “Il-governanza mibnija fuq it-tgħawwiġ tal-verità, fuq il-fehmiet oskuri u fuq ir-rifjut stinat tal-iskrutinju tal-pubbliku, minkejja l-ħafna liġijiet u wegħdiet solenni, ma tista’ tkun qatt ikkunsidrata bħala governanza tajba”.  Kliem li jżommuk taħseb u tirrifletti, però indirizzati biex ibiddlu l-preżent għas-sewwa fil-futur.

L-ideali demokristjani tagħna

7.      Nittama li għandi tort, biss wisq nibża’ li din l-omelija ser taqa’ fuq il-widnejn torox tal-Gvern preżenti.  Imma jrid jingħad ukoll, fuq in-naħa l-oħra, li l-ideat, il-ħsibijiet f’dan id-dokument qsajjar huma bażi ta’ iktar minn riflessjoni għalina fil-Partit Nazzjonalista.  Għax għalkemm m’għandniex ir-responsabbiltà preżenti tal-poter, għandna oħrajn.  Dawk li jitwieldu minn awto-kritika pożittiva, lejn preparazzjoni, lejn għarfien aħjar tal-għeruq u l-valuri nsara tagħna.  Lejn id-difiża, il-protezzjoni u l-għarfien mill-ġdid tal-bażi ideoloġika tal-Partit Nazzjonalista.  Li wieħed f’dan joħroġ iktar għad-dawl l-ideali demokristjani tagħna.  Ikompli jassigura l-leħen pur tiegħu b’politika moderna u aġġornata.  F’din il-linja, din l-omelija hija għodda u, fl-istess ħin, sfida għalina wkoll.  Għax għall-ħidma politika li fil-libertà għażilna li nwettqu, għandna d-dmir li naħdmu sabiex issir ferm u ferm aħjar minn dik tal-Gvern preżenti issa u meta għada pitgħada l-poplu jagħtina lura l-fiduċja tiegħu.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...