7.9.16

Id-demokrazija garanzija tagħna



1.      Pajjiżna għamel qabżiet kbar f’dawn l-aħħar snin.  Fuq dan ma hemmx dubju.  Biss, kif ilkoll nafu, biex timxi ‘l quddiem trid tassigura li dak li għandek għadu qiegħed jaħdem tajjeb u, anzi, tipprova ttejbu.  Ftit ġimgħat ilu, editorjal ta’ “The Economist” iddiskuta kemm id-demokraziji huma fraġli f’numru ta’ pajjiżi fil-kontinent Afrikan.  Dak li qrajt żammni naħseb fuq ċerti paralelliżmi.  Dan għax hemm ingħad hekk: “African democracy has stalled, or even gone into reverse.  Too often, it is an illiberal sort of pseudo-democracy in which the incumbent demonises the opposition, exploits the power of the state to stack the electoral contest in his favour and removes constraints on his power.”  Jekk inqegħduh fil-kuntest tagħna nistgħu naraw tixbihat kbar ħafna.

Difiża tagħna

2.      Ngħid dan għax ħafna huma dawk li jinkwetaw meta jaraw li t-tessut demokratiku tagħna qiegħed jiġi mnaqqar.  Nistgħu nkunu sejrin tajjeb ħafna fil-kotba tal-istatistika ekonomika, imma din ma tista’ tkun qatt ta’ kumpens għat-tneħħija għat-tneħħija tad-difiżi u garanziji tagħna.  Għax il-linja anti-demokratika taf tibda proprju minn dawn it-tlett passi.  Passi li m’aħniex ‘il bogħod minnhom f’pajjiżna.  L-ewwel, li tkerrah u tgħid li l-Oppożizzjoni hija forza ta’ negattività.  It-tieni, ta’ kif il-poter tal-Istat isir dak tal-partit biex jiġu maħtura l-ħbieb tal-ħbieb u aġevolati dak li ħaddieħor jista’ jindika bħala “fat cats”.  It-tielet, ta’ kif tneħħi l-kontrolli li l-istituzzjonijiet demokratiċi jkollhom billi tneħħi lil min huwa tajjeb u tqiegħed lil min huma biss tal-partit tiegħek.

Ohio

3.         F’dan il-Ħadd inħallu warajna ‘l Awwissu, ix-xahar li fih għandna d-dmir li niftakru fit-Tieni Gwerra Mondjali u dak li fissret għalina.  Il-ħmistax ta’ Awwissu jibqa’ marbut mal-Konvoj ta’ Santa Marija.  Kif diversi bastimenti sabu ruħhom attakkati, uħud waslu u oħrajn intilfu.  Iktar kif it-tanker “Ohio”, b’miraklu żgur, fost l-ikbar f’dak iż-żmien mimli b’petrol, minkejja li ntlaqat divesi drabi mill-baħar u mill-ajru, abbandunat mill-ekwipaġġ u xorta rnexxielu jidħol fil-Port il-Kbir.  Irnexxielu minkejja kull ma seta’ jiġi kkalkulat mill-għorrief tal-gwerra biex jagħti solljiev u salvataġġ sabiex stajna nkomplu niddefendu lilna nfusna minn dak li kien ġej għal fuqna.  Fl-istorja hemm ħafna linji żgħar li jiġbdu lejn naħa jew oħra, il-bilanċ ġie favur tagħna.

Faċli jmorru naħa jew oħra

4.         Issa dħalna f’dak ta’ Settembru, li huwa marbut mal-identità nazzjonali tagħna.  It-8 ta’ Settembru, jum li fih niftakru fil-liberazzjoni tagħna, l-ewwel mill-attakk tat-Torok fl-1565, u wara t-tieni konflitt mondjali meta t-Taljani ċedew l-armi.  Wara l-21 ta’ Settembru, marbut mal-Indipendenza tagħna u l-bidu ta’ ħajja ġdida għalina.  Missirijietna ħadmu, stinkaw, iġġieldu, tilfu ħajjithom u ġidhom biex dawn jinkisbu.  Biex permezz tagħhom f’dawn il-gżejjer ingawdu l-libertà, id-drittijiet fundamentali u d-demokrazija.  Ma kinitx triq faċli.  Kien hemm ostakoli varji u l-bilanċ bejn il-libertà u l-iskjavitù, ir-rebħa u t-telfa kienu dejjem diffiċli.  Faċli jmorru naħa jew oħra.

Kbirna u sbiħna

5.         Kien hemm min fostna li ma kellux fiduċja f’ħutu l-Maltin u l-Għawdxin li kellu l-Partit Nazzjonalista.  Ma ħasibx li ser inkunu kapaċi nagħmlu suċċess mill-indipendenza.  Mentri l-istorja wriet li din kien hemm u għad hemm.  Fuq l-indipendenza bnejna diversi setturi oħra.  Fuqha stajna nidħlu bħala membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea.  Għandna stat modern li kapaċi jfendi għal rasu, fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu mill-poplu ta’ dawn il-gżejjer.  Il-post inbidel f’dawn l-aħħar tnejn u ħamsin sena.  Kbira u sbiħna.  Il-kultura tagħna hija iktar b’saħħitha.  Il-wirt nazzjonali tagħna, anzi, jidher u spikka ferm iktar.  Illum għandna iktar għarfien ta’ dak li aħna u l-valur sħiħ li ġenerazzjonijiet ta’ influwenza nisranija ħallitilna għat-tajjeb tagħna.

Tisħiħ u tkabbir

6.         Dan kollu seħħ minħabba numru ta’ fatturi, però forsi tnejn ftit iktar.  L-ewwel, id-demokrazija.  It-tieni, ħidmet il-ħaddiem Malti ta’ kull klassi.  Ngħid dan għax hawn min jaħseb li d-demokrazija mhix daqshekk importanti li titħaddem u li tiġi difiża bl-għeruq u x-xniexel.  Hemm min huwa parti minn dawk fis-soċjetà li jimmaġinaw li l-iktar importanti huwa t-teħid tal-poter permezz tad-demokrazija u wara tħaddimha kif trid.  Biss, irid jingħad li dan huwa żbaljat, speċjalment għal pajjiżna.  Id-demokrazija hija u għandha tibqa’ parti mill-identità nazzjonali tagħna, mill-kunċett ta’ patrijottiżmu.  L-istorja tagħna turi li minkejja l-fatt li diversi antenati kellhom ix-xewqa u ħadmu għall-indipendenza, din setgħet tiġi fis-seħħ fis-seklu passat minħabba t-tisħiħ u t-tkabbir ta’ iktar pajjiżi li jħaddmu din is-sistema.

Rispett mill-oħrajn

7.         Wara t-Tieni Gwerra Dinjija x-xenarju nbidel.  Inbidel għax qabel, mingħajr demokrazija, kien hemm l-irjieħ mogħtija għad-dittaturi militari.  Pajjiżna kien maħkum proprju minħabba din il-loġika mingħand kull min kellu d-dominju tal-Mediterran u d-dinja minn Ruma, sal-Kavallieri u l-Ingliżi.  Mingħajr demokrazija nkunu qegħdin inżarmaw il-ġebla tax-xewka tagħna.  Hija li tippermettilna t-tgawdija tal-indipendenza u dik li minkejja ċ-ċokon tagħna ġġibilna r-rispett ta’ pajjiżi oħra avvanzati.  Meta narmu d-demokrazija tagħna nkunu qed niċċekknu fix-xejn.

Rigress tal-pseudo-demokrazija

8.         Hu f’dan li għandna dmir ikbar lejn il-ħaddiema ta’ pajjiżna.  Dak li akkwistajna llum huwa mertu ta’ dawk li kuljum jaħdmu.  Kienu huma li sostnew il-forza tal-bidla lejn l-indipendenza u lejn l-Unjoni Ewropea.  Id-demokrazija hija tagħhom, u min jaġixxi b’mod anti-demokratiku jkun qiegħed imur direttament kontra l-klassi tal-ħaddiem.  Pajjiżna seta’ jikber f’kull settur, inkluż dak ekonomiku, għax hemm id-demokrazija u mhux il-kontra.  Mingħajr demokrazija nitilfu dak li għandna, inkluż l-indipendenza tagħna.  Proprju għalhekk li hija kienet u tibqa’ l-garanzija għall-ħajja u l-futur tagħna fil-progress veru u mhux fir-rigress tal-pseudo-demokrazija li qegħdin naraw u mmissu magħha ma’ kull jum.



         

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...