20.9.16

Mozzjoni Nru 332: Estimi ta’ Dħul u Nfiq tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ għas-Sena 2016.


ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Sur President, ir-rapport tal-korporazzjoni li dalwaqt tiġi ddikjarata bħala Jobs Plus naħseb fih ħafna x’wieħed jista’ jiddiskuti. Wieħed jista’ jiddiskuti l-aspett amministrattiv tagħha, jekk irnexxewx l-inizjattivi li ġew imħabbra s-sena li għaddiet u jekk kemm-il darba wieħed jistax ukoll jidħol f’diskussjoni – u naħseb li dan aħna għandna nagħmluh ukoll – aktar wiesgħa għar-rigward ix-xogħol f’pajjiżna, x’tip ta’ xogħol qed jinħoloq u x’tip ta’ viżjoni għandna fil-Parlament għall-futur rigward ix-xogħol. Biex inkunu nistgħu nagħmlu din il-ħaġa naħseb hemm bżonn żgur li jkollna statistika ferm iktar aġġornata milli għandna llum.  Ir-rapport li għandna quddiemna naħseb jimmerita li wieħed ikollu l-istatistika updated almenu sal-aħħar tas-sena li għaddiet. Dan apparti li f’ċerti mumenti nieħu l-impressjoni li l-istatistika għadha mhijiex kompluta fuq kollox.

It-tieni, forsi tajjeb ukoll li r-rapport dwar il-korporazzjoni jkollu dak li aċċenna għalih il-Ministru bħala xi ħaġa li jixtieq jagħmel hu u ċjoè li jkun hemm analiżi ekonomiku tal-aspett tax-xogħol ta’ dak li qiegħed jiġri fid-dinja tax-xogħol, liema huma s-setturi li qed joħolqu xogħol ta’ kwalità u liema huma s-setturi li baqgħu ma jistgħux joħolqu xogħol ta’ kwalità, xogħol li permezz tiegħu l-ħaddiem Malti jkun jista’ jaqla’ iktar flus milli qiegħed jaqla’ f’ambjent li d-dinjità umana tiegħu tiġi rispettata.

It-tielet, wieħed irid jiddiskuti dan kollu fil-kuntest storiku tal-lum, jiġifieri fil-kuntest li  llum il-pajjiż għadu għaddej jiddiskuti rapport tal-Caritas li jimmerita ħafna attenzjoni.  Tul din il-ġimgħa l-Ministru wkoll kiteb artiklu partikolari fil-ġurnal l-Orizzont fuq ir-rapport tal-Caritas, rapport li jgħinna nifhmu aħjar f’dan il-pajjiż x’għandna fid-dinja tax-xogħol, x’għandna bżonn inbiddlu fid-dinja tax-xogħol u lejn fejn irridu nħarsu biex nieħdu ħsieb li noħolqu setturi ġodda fid-dinja tax-xogħol. F’dan naħseb li lkoll għandna naċċettaw li għandna numru  ta’ problemi. Waħda mill-problemi li għandna – u r-rapport tal-Caritas dan jindikah – hija li għandna numru ta’ nies  jaħdmu u anke nies li ma jaħdmux li qegħdin f’sitwazzjoni diffiċli, qegħdin f’dak li aħna nsejħulu r-riskju tal-faqar. 

Naħseb li qam dibattitu san ħafna matul dawn l-aħħar ġimagħtejn għar-rigward jekk kemm-il darba wieħed jistax isib soluzzjoni għal din is-sitwazzjoni. Kien hemm min ħareġ bl-idea li għandu jkun hemm żieda fil-minimum wage, però  jidher li kien hemm diversi oħrajn li qalu li ma jaqblux ma’ dan u wieħed irid iħares biex jibni xi strutturi jew mekkaniżmi ġodda li permezz tagħhom ikun jista’ jindirizza dik il-faxxa fid-dinja tax-xogħol, fid-dinja partikolari ta’ pajjiżna, li timmerita l-attenzjoni.  Jiena ħadt pjaċir naqra l-artiklu tal-Ministru ntitolat “Rapport tal-Caritas – il-pass li jmiss”. L-ewwel  ħaġa naħseb huwa tajjeb li l-Ministru pubblikament jiddiskuti rapport daqshekk importanti u naħseb ukoll li hija tajba l-analiżi li għamel għalkemm ma naqbilx miegħu fuq x’miżuri jista’ jieħu l-Gvern. Il-Ministru jitkellem fuq jekk kemm-il darba l-paga minima waħedha hijiex biżżejjed, jiddiskuti wkoll jekk kemm-il darba l-familji Maltin humiex qed ilaħħqu mal-ħajja - u ovvjament jidher li għandna faxxa li mhumiex qegħdin ilaħħqu magħha u l-problema hija waħda - u x’passi nistgħu nieħdu dwar dan.  Il-Ministru fl-artikolu tiegħu jindika li jixtieq li l-pass li jmiss ikun li l-istakeholders kollha jaqblu fuq definizzjoni ta’ xi tfisser ħajja diċenti u x’għandu jkun it-total ta’ sostenn finanzjarju li familja għandu jkollha biex tgħix b’mod xieraq. Huwa tajjeb li ssir l-analiżi, però l-analiżi li ssir mill-istakeholders ma tfissirx neċessarjament li għandha torbot idejn il-Gvern dwar fejn irid jimxi ‘l quddiem. 

Sur President, huwa veru li hemm soluzzjoni ta’ żieda fil-paga minima nazzjonali, però jekk wieħed jaqra rapport tajjeb ħafna li kien hemm fil-ġurnal il-Mument ta’ nhar il-Ħadd li għadda mill-ġurnalista Amy Borg li daret il-unions, fosthom il-UĦM, il-GWU, is-CMTU, il-GRTU, il-Kamra tal-Kummerċ u l-Assoċjazzjoni ta’ min iħaddem, jara li filwaqt li l-GWU qegħda titkellem li jekk tiżdied il-paga minima nazzjonali allura jispiċċa l-prekarjat u tispiċċa l-pożizzjoni diffiċli ta’ ċerti nies f’ċertu settur, imma l-bqija ma jaqblux magħha, inkluż il-UĦM li rajt li għamlu pjuttost analiżi tajba ħafna ta’ x’verament hemm bżonn. Naħseb m’għandniex noqogħdu fuq sempliċement żieda fil-paga minima nazzjonali, però hemm miżuri oħrajn li wieħed jista’ jagħmel fosthom li jżid il-pakkett tal-għajnuna soċjali lil numru jew lil faxex ta’ nies biex kull sena jkunu jistgħu jilħqu ċertu ammont ta’ flus li jkunu jistgħu jgħixu bihom. Anke l-ġurnal The Sunday Times ta’ nhar il-Ħadd li għadda qal hekk:

“Raising the minimum wage is one option but it is by no means the only one.  It has  been suggested, for example, that assistance could take the form of a monthly bonus shared equally between employers and the government. Such a formula would eliminate the need for increased national insurance contributions …..”

U jagħlaq billi jgħid hekk:

“Social justice must be considered on par with the country’s competitiveness when a decision is finally taken by the Government on how best to tackle the economic marginalisation of a section of Maltese society. Boasting of a well-performing economy sounds hollow to those citizens who don’t benefit from it.”.

Naħseb li quddiemu l-Gvern għandu xenarju li diġà ġie xprunat mill-Caritas li qiegħed jimmarka preċiż din il-faxxa ta’ nies - kif ġustament irrimarka l-Ministru s-sena li għaddiet fil-winding-up tiegħu – li  għalkemm huma impjegati, mhumiex qed idaħħlu biżżejjed flus biex jgħixu ħajja diċenti. Naħseb li m’għandniex nitilfu l-opportunità li din niddiskutuha. U l-ETC, għalkemm wieħed jista’ jgħid li mhijiex ir-remit preċiż tagħha, tista’ tforni l-figuri u tista’ wkoll tgħinna biex nifhmu aħjar sewwa sew x’għandna llum f’Mejju tal2016 u mhux f’Lulju tal-2015 u ta’ x’inhu verament ix-xenarju tas-settur ekonomiku Malti.

L-iktar vuċi qawwija u naħseb li timmerita żgur li wieħed isemmiha hi dik tal-President tar-Repubblika, li nħoss li għandi d-dmir insemmiha hawnhekk, li  titkellem u ssemmi d-dikjarazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-Ġnus Magħquda li fiha nitkellmu fuq id-dritt li kull persuna jkollha ħajja diċenti. Fit-30 ta’ Mejju l-President tar-Repubblika ltaqgħet mal-Caritas u għamlet numru  ta’ dikjarazzjonijiet, u biex ma nieħux fit-tul fuqha, fl-aħħar ġiet rapportata hekk:

“Fl-aħħarnett il-President reġgħet talbet biex ikollna dibattitu nazzjonali san, irraġunat  u bbażat fuq il-fatt li aħna rridu li d-drittijiet umani jitgawdew minn kulħadd u mhux mill-ftit.”

Ngħid dan fil-kuntest tal-figuri li huma sbieħ, tal-figuri li huma tajbin li joħorġu mir-rapport tal-ETC, jiġifieri aktar nies jaħdmu u iktar nies li qegħdin fid-dinja tax-xogħol, però tajjeb li wieħed jidħol ferm iktar fid-dettall biex janalizza sewwa sew x’inhuma l-figuri li għandna quddiemna. Jiena s-sena li għaddiet tlabt lill-Ministru janalizza x’kien l-effett li numru ta’ persuni daħlu jaħdmu mas-settur pubbliku. Jiena s-sena li għaddiet semmejt il-figura ta’ bejn wieħed u ieħor 4,000 ruħ u din is-sena fir-rapport tal-ETC nsibu statistika interessanti fuq ir-ratio bejn dawk li huma fis-settur privat u dawk li huma fis-settur pubbliku. Jiena ma naqbilx mhux mal-figuri, għax il-figuri jitkellmu waħedhom, imma mal-kummenti li saru dwar il-figuri.  Dan għaliex bejn l-2008 u l-2012 kien hemm 7,996 impjieg ġdid li ġie maħluq.  Li hemm interesanti hu li fi-settur pubbliku ż-żieda ta’ ħaddiema kienet ta’ 94 li jfisser li mill-2008 sal-2012 kien hemm 1% biss ta’ żieda fl-impjiegi fis-settur pubbliku u kien hemm 99% taż-żieda fis-settur privat li għandna naqblu li huwa xprun għall-ekonomija tagħna u għall-kompetittività tagħna. Taqra liema testi taqra, wieħed irid jaqbel li aktar ma jkollha impjegati fis-settur privat aktar l-ekonomija tiġġenera u taħdem.  Il-figuri li hemm pubblikati issa jindikaw li hemm żieda kbira fil-ħaddiema li ġew impjegati, hemm 17,702 persuni li minnhom 3,320 huma żieda fis-settur pubbliku li jfisser 19%. Mela kważi 20% tal-impjiegi ġodda marru fis-settur pubbliku u 80% ġew maħluqa fis-settur privat. U naħseb dak hu li għandu jsir, ir-ratio bejn il-figura tal-privat u l-figura tal-pubbliku. Meta taqbad l-analiżi tal-figuri għandek żieda kostanti ta’ bejn wieħed u ieħor 4% fin-nies li ġew fid-dinja tax-xogħol.

Sur President, irrid ngħid li hemm numru ta’ suġġetti li naħseb li ma ġewx indirizzati biżżejjed jew bil-mod li xtaqthom jiena. Pereżempju għandna l-kwestjoni taż-żgħażagħ li l-Ministru qal li l-figuri dwarhom huma aħjar minn ta’ pajjiżi oħrajn, però mbagħad ma semmiex dawk li aħna ngħidulhom not in education, not in employment and training. (Interruzzjonijiet) Ministru, jien qiegħed nitkellem biex inressaq l-affarijiet għall-konsiderazzjoni. Jiena staqsejt numru ta’ domandi parlamentari biex naslu għall-figura.

Jiena nemmen li jekk wieħed irid jagħmel il-ġid lil pajjiżna għandu jibda billi jkun jaf x’inhuma l-fatti. Jiena kulma qed nipprova nagħmel hu li ngħin biex bil-fatti wieħed ikun jista’ janalizza l-istatistika, jiddiskuti l-istatistika u jkun jista’ jolqot fil-laħam il-ħaj ħalli jagħmel l-affarijiet sew. Mid-domandi parlamentari jirriżulta li fl-2014 kien hemm 1,170 żagħżugħ li minnhom madwar 500 kienu bniet u madwar 670 subien li la kienu qegħdin fis-sistema edukattiva, la fid-dinja tax-xogħol u lanqas fit-taħriġ.  Naħseb li l-ETC s-sena li ġejja għandha timmira l-ewwel li almenu jkollna l-figura komplessiva li żgur hija figura mobbli, hija figura li se toxxilla min-naħa għall-oħra, però hija figura importanti għall-problema li semma l-Ministru wkoll, u ċjoè d-diffikultà vera jew apparenti ta’ nies fis-settur privat li qed jgħidu li mhux qed isibu ċerta mano d’opera.  Ngħid apparenti għax imbagħad meta tara l-figuri ta’ persuni li mhumiex ta’ nazzjonalità Maltija li qed jaħdmu fis-settur tax-xogħol Malti ssib li hemm xenarju kompletament differenti. L-istess forsi mhemmx biżżejjed analiżi ta’ dawk li waqfu jirreġistraw. Jiena kull darba nibqa’ affaxxinat bil-kwantità kbira ta’ nies li jmorru jirreġistraw u f’daqqa waħda jieqfu jirreġistraw. Is-sena ta’ qabel fl-2014, jekk niftakar sew il-figura kienet viċin it-18,000. Mid-domandi parlamentari li għamilt jidher li bejn Jannar u Diċembru tas-sena l-oħra kien hemm 7,864 persuna li għalkemm irreġistraw, ma baqgħux jirreġistraw mal-Employment Training Corporation, kien hemm 490 li nqatgħu u 20 li rtiraw u naħseb li din il-figura wkoll titlob li wieħed ikollu analiżi ta’ x’qed jiġri. Dawn il-persuni marru jirreġistraw għal xi xogħol partikolari jew inkella marru sempliċement jirreġistraw imbagħad sabu x-xogħol? Naħseb li huwa importanti li jkollna dan quddiemna għad-diskussjoni fil-Parlament bħalma huwa wkoll importanti li wieħed iħares lejn x’inhi s-sitwazzjoni fil-prekarjat.

Il-prekarjat kien wieħed miż-żwiemel tal-battalja elettorali tal-Partit Laburista meta kien fl-Oppożizzjoni u tajjeb li wieħed janalizza ftit aħjar x’effetti kellhom il-miżuri ekonomiċi li tħabbru fl-aħħar żewġ budgets fuq dan is-settur.  Li hu żgur hu li s-settur tal-part-timers baqa’ b’saħħtu, jiġifieri l-part-timers ma naqsux u ma naqsux la fil-figura ta’ dawk li għandhom il-part-time bħala l-mezz prinċipali tax-xogħol tagħhom u lanqas dawk li l-part-time qed jgħaqqduh mal-full time tagħhom. Jiġifieri l-figuri f’Mejju tal-2015 kienu li kien hemm 60,000 persuna li qegħda taħdem part-time li minnhom 34,000 kellhom il-part-time bħala xogħol primarju u 23,000 li kellhom il-part-time aġġunt ma’ xogħol full time. Minn dawn 60% kienu nisa li għandhom xogħol primarju, jiġifieri 60% tan-nisa li kienu qegħdin jaħdmu fil-part-time għandhom il-part-time work bħala the only employment tagħhom u 33% biss tagħhom kien aġġunt mal-full time. Naħseb li dawn il-figuri jitolbu attenzjoni u jidher li l-figuri baqgħu l-istess. Ir-rapport tal-Korporazzjoni jirreferi għall-istatistika li toħroġ l-NSO u l-aħħar statistika tal-NSO hija ta’ Novembu tal-2015, fejn hemmhekk jingħad fost l-oħrajn, li:

“Registered part-time employment in November, 2015 went up by 5.5% when compared to a year earlier. The number of part-timers who also held a full time job amounted to 24,374, up by 7.4% when compared to the corresponding month in 2014. Employed persons whose part-time job was their primary occupation totalled 34,850, up by 4.2%. 

Minn dan jirriżulta li għandna ċerti problemi fis-settur tax-xogħol li wieħed irid jindirizza u l-Oppożizzjoni lesta li tgħin fid-diskussjoni u fl-ideat mal-Korporazzjoni u mal-Gvern biex jinstabu s-soluzzjonijiet. Pereżempju jiena ninsab inkwetat li minn dawn l-34,000 persuna li qegħdin jaħdmu part-time bħala l-impjieg prinċipali tagħhom, għandna 10,500 ruħ reġistrati, li ilhom jaħdmu hekk għal ħames snin jew iktar. Mela 30% ta’ dawk li għandhom part-time work  bħala dak priniċipali ilhom ħames snin jagħmlu dan it-tip ta’ xogħol. Naħseb li jekk irridu verament irridu nindirizzaw iktar fil-fond miżuri aktar qawwija, irridu nagħmlu analiżi ta’ sewwa sew kemm għandna persuni u għaliex għandna dawn il-persuni fis-settur tal-part-time li minflok qiegħed jonqos qiegħed jiżdied. Jiena naħseb li xi ħadd li jkollu salarju tajjeb ma jħossx il-bżonn li minbarra l-impjieg prinċipali tiegħu jidħol ukoll għal impjieg part-time, però din hija xi ħaġa li għandna niddiskutuha u narawha. Żgur mhux forsi naħseb li għandna nanalizzaw tajjeb u għandna nitħassbu wkoll dwar jekk kemm-il darba hijiex xi ħaġa pożittiva jew hijiex xi ħaġa negattiva fid-dinja tax-xogħol.

L-istess rigward in-nisa. Jiena rajt l-istatistika li ġiet preparata u għamilt ukoll numru ta’ domandi parlamentari li l-Ministru ġentilment wieġeb għar-rigward in-nisa u fejn qiegħed jiġi maħluq ix-xogħol ġdid għan-nisa. Il-maġġoranza tagħhom huma f’dak li jissejjaħ services and sales workers jew elementary occupations. Jekk nieħdu l-2015, fil-part-time għandek 2,003 persuni li daħlu jaħdmu u li qabel ma kenux jaħdmu u minnhom daħlu 1,486 ruħ fis-setturi li rreferejt għalihom, li huwa 74% tax-xogħol ġdid li qed jiġi maħluq lin-nisa fil-part-time. 

L-istess argument jgħodd għall-full time. F’dik is-sena ġew maħluqa 2,180 xogħol ġdid li minnhom services and sales workers kien hemm 553 u fl-elementary occupations kien hemm madwar 360. Jidher li filwaqt li fil-part-time matul is-sena li għaddiet għan-nisa ħloqna 74% tax-xogħol fis-services and sales workers u fl-elementary occupations, fil-full time ħloqna 40% fl-istess setturi. Dan iwassalni biex ngħid li minbarra li wieħed jitkellem fuq kemm qed inġibu nisa lura fid-dinja tax-xogħol, huwa importanti li naraw ukoll x’tip ta’ xogħol qegħdin noffru lin-nisa. 

Mid-domandi parlamentari jirriżulta wkoll li l-perċentaġġ bejn part time u full time tax-xogħol maħluq huwa kważi ndaqs. Minn 4,371 persuna li bdew jaħdmu fl-2015 u ma kellhomx impjieg ieħor qabel, 48% tagħhom daħlu fil-full time u 52% tagħhom daħlu jaħdmu fil-part-time.
Jiġifieri l-maġġoranza tan-nisa li ma kenux qegħdin jaħdmu u daħlu lura fid-dinja tax-xogħol fl-2015, marru f’xogħol part-time. L-istess għal dawk li reġgħu daħlu lura fid-dinja tax-xogħol wara sena, sentejn jew tlieta. Hemmhekk insibu kważi ugwaljanza, jiġifieri 680 mara daħlu full time u 670 daħlu part-time. L-istess għal dak li għandu x’jaqsam dawk li reġgħu daħlu fid-dinja tax-xogħol fl-2015 wara erba’ snin jew iktar. Hawnhekk għandna li fil-full time inħolqu 486 impjieg, jiġifieri 43% u fil-part-time  inħolqu 642 impjieg, jiġifieri 56%. Qed insemmi dawn il-figuri mhux biex nipprova nifqa’ xi bużżieqa, imma sempliċement biex wieħed jagħmel analiżi dettaljata tas-sitwazzjoni. Wieħed irid jiżen bejn id-diskors li aħna qegħdin ngħidu fuq kemm qed  jidħlu nisa lura fid-dinja tax-xogħol u r-realtà attwali ta’ dak li qegħdin noffru lill-mara tad-dar biex tiġi lura fid-dinja tax-xogħol. Jiena tlabt analiżi dettaljata, il-Ministru tahieli fid-domandi parlamentari, però forsi ma kienx hemm spazju biżżejjed fir-rapport tal-ETC u nifhem, imma wieħed irid ukoll janalizza x’tip ta’ xogħol qed inġibu u x’tip ta’ xogħol qegħdin noffru lin-nisa. Din naħseb hija xi ħaġa essenzjali għax hija verament importanti l-kwalità tax-xogħol u anke t-taħriġ tagħhom.

Jiena nieħu pjaċir nara l-istatistika li ġiet preparata għar-rigward kemm il-korporazzjoni għamlet korsijiet ta’ taħriġ. Dik hija ħaġa mill-iktar lodevoli u tajba, però rridu nistaqsu lilna nfusna jekk kemm-il darba nistgħux nagħmlu improvement ta’ dan it-taħriġ u jekk kemm-il darba dawn is-setturi nevralġiċi ta’ nisa, ta’ żgħażagħ u issa kif nitkellem ftit iktar tard tal-pensjonanti, aħniex qegħdin nolqtuhom direttament billi nagħtu xi forma ta’ taħriġ aħjar. 

Bħala ministru tax-xogħol, il-Ministru Bartolo għandu wkoll responsabbiltà ta’ nies li qegħdin jiġu minn barra minn xtutna u jaħdmu f’pajjiżna. Hemmhekk ukoll trid issir analiżi tajba ta’ dak li qiegħed jiġi offrut lilhom, tax-xogħol li qed jittieħed u x’kondizzjonijiet qegħdin jidħlu għalihom. Fir-rapport tal-ETC hawn, jekk m’inix sejjer żball, li minn Lulju tas-sena li għaddiet, biex xi ħadd jimpjega persuna li mhijiex ċittadin Malti, li huwa third country national, irid l-ewwel jagħmel avviż fil-gazzetta.  Jekk jagħmel avviż fil-gazzetta u jagħti prova lill-korporazzjoni li ma sabx xi ħadd li jrid jaħdem, allura jkun jista’ jimpjega miegħu persuni third country nationals. 

Jiena f’Novembru tas-sena li għaddiet għamilt żewġ domandi parlamentari għar-rigward ta’ kemm għandna ħaddiema jaħdmu f’pajjiżna li huma EU nationals u nies li huma non-EU nationals, dawk li aħna nsejħu third country nationals. Meta tgħaqqadhom flimkien issib li fis-settur tax-xogħol tagħna għandna 26,000 persuna li daħlet taħdem. Din hija interessanti, għax din żgur mhux forsi hija waħda mill-figuri determinanti li għolliet il-figuri ‘l fuq ta’ kemm għandna nies jaħdmu fis-settur tax-xogħol tagħna. Dan diġà ddibattejnih diversi drabi u l-Ministru jaf x’inhi l-pożizzjoni tiegħi però xtaqt ukoll skont id-diskors li inti għamilt meta ddibattejna l-emenda tal-Jobs Plus, li l-Ministru jimxi aktar fuq l-analiżi ta’ x’tip ta’ xogħol għandu jiġi permess biex ikollok nies li jiġu impjegati fis-setturi partikolari tagħna. Jien għamilt analiżi tal-figuri tas-settur tax-xogħol li minnu joħroġ li pereżempju 15% tan-non EU nationals isibu x-xogħol fl-akkomodazzjoni u l-food and services activities, imbagħad għandek 18% li daħlu jaħdmu f’administrative and support services activities. Dawn in-nomenklaturi tant huma ġenerali li jistgħu jinkludu prattikament kollox, minn skrivan għal affarijiet oħrajn differenti. Imbagħad għandek l-EU Nationals fejn jiena ħsibt li se nsib ħafna nies impjegati fis-setturi finanzjarji u ta’ insurance. Il-figura ta’ nies barranin impjegati fil-financial and insurance activity hija biss ta’ 750 ruħ minn 18,190 ruħ, mentri 19% huma impjegati fl-accomodation and food services - nimmaġina r-ristoranti u t-turiżmu - 14% f’administrative and support services activities fejn għandek 2,600 persuna jaħdmu, imbagħad arts, entertainment and recreation f’pajjiżna għandna 2,900 ruħ, li jiġu 16% ta’ persuni minn barra minn Malta li huma impjegati fl-arts, entertainment and recreation. Hawn ma nafx jekk dawn humiex imġpjegati fil-film industry jew fuq affarijiet oħrajn partikolari, però naħseb irridu nagħmlu analiżi ta’ dan iż-żiemel tal-galopp u ngħid għaliex. Jiena lill-Ministru kkritikajtu bil-ħlewwa dwar artiklu tiegħu fuq punt ta’ prinċipju. Għaliex?  Għax hawnhekk għandna settur li l-Gvern irid jirregola. Hawnhekk hawn punt ta’ prinċipju ta’ jekk kemm-il darba għandniex inħallu s-suq jipprova jirregola l-affarijiet jew inkella għandux ikun hemm, bl-attenzjoni, l-id tal-istat li tirregola ċerti sitwazzjonijiet, speċjalment fejn għandek setturi li jistgħu jinħolqu inġustizzji jew sfruttamenti f’ċerti sitwazzjonijiet partikolari. Naħseb hemmhekk ma nistgħux niddependu biss mill-opinjonijiet tal-istakeholders li huma importanti, li huma vitali, li jgħinuna biex naslu għad-deċiżjoni, imma d-deċiżjoni finali ta’ responsabbiltà biex inbiddlu l-affarijiet trid tkun tal-Gvern.

Jiena lbieraħ iltqajt ma’ xi ħadd li qalli f’dan il-pajjiż, jiġri x’jiġri qisu kollox jibqa’ l-istess. Mhux se nsemmilek lil Gattopardo, imma ċert li dik qegħda f’ras il-Ministru bħalma qegħda f’ras diversi nies li qegħdin fil-politika. Aħna qegħdin nagħmlu differenza f’dan il-pajjiż? Qegħdin nagħtu s-sehem tagħna biex dan pajjiż jimxi ‘l quddiem? Dawn huma kollha sitwazzjonijiet li jidhru pożittivi, qed iżidu fl-istatistika, qed jidhru wkoll li qed iżidu fl-ekonomija, qed juru lil pajjiżna bħala a thriving economy, però imbagħad x’inhu l-long term effect tagħhom, negattiv jew pożittiv, wieħed irid janalizza.  (Interruzzjonijiet) Jiena naf li ma tistax iżżommhom, però tajjeb li nagħmlu l-analiżi ta’ fejn qed isibu xogħol, x’tip ta’ xogħol qed isibu u x’inhu l-effett ta’ dan fis-suq Malti. Jiena mhux qed nipprova ntella’ barrieri, mhux qed nipprova niffiltra xi idea li għandna nagħmlu xi ħitan, jien kulma qed nitlob hu li ssir analiżi biex nieħdu ħsieb li sija għalihom kif ukoll għal ħaddieħor ma jkollokx din is-sitwazzjoni. 

Il-Ministru għandu wkoll sitwazzjoni ta’ dawk li aħna nsejħu l-pensjonanti. B’miżura li kienet saret mill-Gvern preċedenti għandek numru ta’ nies li llum qegħdin jieħdu l-pensjoni u fl-istess ħin baqgħu fid-dinja tax-xogħol. Naħseb li dik hija ħaġa tajba, però titjieb jekk kemm-il darba naraw dawk li huma pensjonanti li għalqu l-età tal-pensjoni jew inkella dawk li rtiraw, speċjalment dawk li huma fil-korpi dixxiplinati li wara 25 sena jirtiraw bil-pensjoni, fosthom Pulizija, membri tal-Armata u s-settur kollu kemm hu.
Naħseb hemmhekk irridu wkoll neżaminaw x’xogħol dawn qed isibu u anke aħna x’retraining irridu nagħtuhom biex jibqgħu jaħdmu iktar ‘il quddiem. 

Jiena kont staqsejt domanda parlamentari rigward kemm hemm pensjonanti li qed jaħdmu part-time u skont ir-risposta jirriżulta li kien hemm 6,200 ruħ li qegħdin jaħdmu bħala part-time workers, li minnhom 5,700 kienu part-time bħala dak prinċipali u 512 minn dawn il-pensjonanti minbarra x-xogħol full time kellhom ukoll part-time. Naħseb dan huwa determinanti għall-futur ta’ pajjiżna biex inkomplu nissodaw il-cohort ta’ nies li jibqgħu jaħdmu.  Meta konna ġejna biex nagħmlu r-riforma dwar il-pensjoni ħafna drabi kien isir ċertu diskors li ċerti kategoriji ta’ ħaddiema li jaħdmu f’ċertu tip ta’ xogħol, meta jilħqu l-età tal-pensjoni ma jkunux jistgħu jibqgħu jaħdmu iktar għax ix-xogħol ikun pereżempju fil-ġebel jew fl-industrija li huma setturi manwalment diffiċli. Jiena naħseb li dik hija challenge ġdida li qegħda tmiss lill-ETC u nippretendi li l-ETC ‘il quddiem taħdem tajjeb għal dawn in-nies ukoll. 

Ovvjament l-Oppożizzjoni m’għandhiex ħlief kliem ta’ tifħir għar-rigward il-persuni li għandhom diżabilità li sabu x-xogħol. Naħseb hemmhekk hemm numru kbir ta’ riżultati pożittivi, però hemm ukoll ċerti sitwazzjonijiet li wieħed irid janalizza tajjeb fosthom jekk kemm-il darba hux qed ikun hemm integrazzjoni tajba fid-dinja tax-xogħol jew le, jew inkella jekk hux qed ikun hemm preparazzjoni biżżejjed tajba biex ikun hemm flow preċiża u malajr ta’ dak li jkun qiegħed isir.

Fid-dinja tax-xogħol l-iktar ħaġa importanti tibqa’ l-kwalità ta’ xogħol, jiġifieri xi kwalità ta’ xogħol qegħdin noffru lill-ħaddiem Malti. Fir-rapport li għamlet il-UHM u li deher fil-ġurnal il-Mument ta’ nhar il-Ħadd li għadda hemm diskussjoni dwar jekk il-figuri humiex korretti, jekk humiex preċiżi jew jekk jolqtux biżżejjed l-affarijiet, però hemm xprunar tal-bżonn li d-dinja tax-xogħol nieħdu ħsieb li tkun dinja li tirrifletti dħul aħjar għall-ħaddiem. Jekk minħabba fil-famuża kompetittività din ma tistax issir u mill-banda l-oħra għandek ġid nazzjonali li hu qawwi daqs kemm tgħid l-istatistika li jippubblika l-Gvern, naħseb wieħed għandu jsib metodi aħjar ta’ kif jagħmel id-distribuzzjoni tal-ġid nazzjonali ma’ dawn il-faxex tan-nies li sfortunatament jidħlu f’kategorija u ma jiċċaqilqux minnha. Kif rajna, hemm dawk li jidħlu fil-kategorija tal-part-time, jidħlu u jibqgħu mwaħħlin hemmhekk. Għandek figura ta’ nies ilhom ħames snin fil-part-time jew nies li jidħlu fil-kategorija tal-minimum wage  u jibqgħu f’dik il-kategorija u ma jistgħux jiċċaqilqu ‘l quddiem. Ma naħsibx li ż-żewġ naħat tal-Kamra għandhom l-intenzjoni li jinjoraw dawn il-figuri. Iż-żewġ naħat tal-Kamra għandhom l-intenzjoni li janalizzaw tajjeb dawn il-figuri u proprju għalhekk li jiena dħalt biex immiss il-feriti veri li għandna fis-settur tax-xogħol, għax permezz tagħhom wieħed jista’ jħares ‘il quddiem. 

Sar ħafna diskors fuq il-green jobs u fuq il-green economy. X’xogħol qiegħed isir f’din id-direzzjoni? Qiegħed isir xi xogħol, però qiegħed isir biżżejjed? Il-Gvern u l-Oppożizzjoni qegħdin jingħaqdu biex jgħaqqdu numru ta’ proġetti li huma verament green economy u li tagħhom fl-Ewropa llum għandna kwantità kbira ta’ eżempji tajbin?  Għandek ukoll kważi manwali, instruction book ta’ dak li tista’ toħloq fid-dinja tal-green economy bħala xogħol li mhuwiex sempliċement xogħol bil-minimum wage, imma xogħol li jdaħħal iktar flus għan-nies f’pajjiżna.

Sur President, jiena rajt u analizzajt ir-rapport. Wara dan id-dibattitu, jiena se nagħmel numru ta’ mistoqsijiet parlamentari fuq numru ta’ affarijiet li jitolbu attenzjoni.  Żgur mhux forsi dwar l-ispejjeż tal-Korporazzjoni fejn hawn żieda ta’ €710,000 fis-salarji. Naħseb li wieħed irid jagħti spjegazzjoni ta’ dan.  Qed inżidu fil-ħaddiema jew qed inżidu f’ċerti branki ta’ nies?  (Interruzzjonijiet)  Le, le, nieħu pjeċir li żdied il-pakkett tal-ħaddiema  Mhux biss nieħu pjaċir li jiżdied il-pakkett għall-ħaddiema fl-ETC, imma l-impjieg tal-ħaddiema li hawn f’pajjiżna. Ċert li anke l-Ministru jrid din il-ħaġa, però biex inkun onest miegħu, l-unika ħaġa li ħassejtni f’diffikultà hi li meta qrajt id-dibattitu tas-sena li għaddiet u smajt id-dibattitu tallum, kelli dawn in-numru ta’ punti li ma ħassejtx li ġew indirizzati biżżejjed fir-rapport. Setgħu ġew indirizzati fl-intern u fl-amministrazzjoni tal-ETC però fir-rapport  ma ġewx indirizzati.

Forsi r-rapport mhux qed jagħmel ġustizzja wkoll għax-xogħol li sar għar-rigward tas-setturi tal-NEET, jiġifieri Not in Education, Employment or Training, ta’ dawn li qegħdin fil-prekarjat, u tal-persuni li qed jiġu minn barra pajjiżna.

L-istess, jista’ l-Ministru jgħidilna għaliex il-marketing and advertising f’daqqa waħda din is-sena naqas drastikament? Dan niżel għal €25,000 minn €130,000 tas-sena li għaddiet. Kellna mbagħad il-pustaġġ u t-telekomunikazzjoni li sploda minn €190,000 għal €280,000, kważi b’€100,000!  Imbagħad daħlu call centre expenses ta’ €93,000 ġodda.  Naħseb li wieħed jimmerita spjegazzjoni dwar dawn. 

Xtaqt ningħaqad ma’ dak li ntqal rigward il-persuni li qegħdin fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u dawk il-persuni li jkollhom dipendenza jew mumenti f’ħajjithom meta jkollhom dipendenza fuq droga. Naħseb li hemmhekk m’aħniex nutilizzaw biżżejjed l-għodda li għandna diġà għad-dispożizzjoni tagħna.  Fl-Att dwar il-Ġustizzja Reparatriċi hemm l-għodda biex lil dawn il-persuni nagħmlulhom care-plan waqt li qegħdin fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, li permezz tagħha jkunu jistgħu jintegraw ruħhom fid-dinja tax-xogħol meta joħorġu.  Jien nagħmel distinzjoni bejn persuni li huma dipendenti fuq id-droga u persuni li għamlu perijodu dipendenti fuq id-droga, u dawk li ma kenux però spiċċaw fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Ovvjament għandna komplikazzjonijiet oħrajn rigward dawk li kienu fuq id-droga, li huma marbutin prinċiparjament ma’ x’saħħa se jkollhom minħabba li d-droga tfarrak ħafna mill-organi vitali tal-bniedem. Allura nagħmel dik id-distinzjoni. Jiena ma narax li qiegħed isir l-isforz li jien nixtieq li jsir ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex persuni li daħlu hemm ġew jingħataw re-training, jingħataw skills ġodda biex ikunu jistgħu, meta joħorġu minn hemmhekk, ikunu riformati u jistgħu jaqbdu fid-dinja tax-xogħol.  Kif qal tajjeb il-Ministru, jien ukoll kelli esperjenzi varji ta’ employers li jaċċettaw lil dawn in-nies speċjalment meta ssir spjegazzjoni u speċjalment meta kif inhuwa permess fl-Att dwar Ġustizzja Reparatriċi, dawn in-nies jibdew joħorġu mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin b’forma ta’ apprentistat jew b’forma ta’ internship jekk trid, u jekk waqt li jkunu hemm ġew imorru fil-postijiet tax-xogħol, jaħdmu ma’ din il-persuna u jiġu mħarrġa minn dik il-persuna. Huwa b’hekk li tqum il-fiduċja u r-rapport bejn min jimpjega u min jiġi impjegat. Min jiġi ovvjament jaf li qed jerġa’ jitqiegħed għal prova waqt dak il-perijodu partikolari, allura l-kunfidenza tkun ferm ikbar.

Riċentement miet ħabib tiegħi, bniedem li kien spiċċa fil-Faċilità Korrettiva u jien kont iddefendejtu bħala avukat u wara kont għentu jsib impjieg ma’ xi ħadd li kont spjegajtlu d-diffikultajiet li kellu dan ir-raġel għandu. Dan aċċettah, ħarrġu u minn dik il-ġurnata ‘l quddiem dan la reġa’ mar lura għad-dinja tal-kriminalità, la reġa’ mar lura għad-dinja tat-tentazzjonijiet l-oħrajn u integra ruħu.  Illum sfortunatament m’għadux magħna għal raġunijiet kompletament differenti, però dan qed ngħidu għax hemm ħafna stejjer li juru li kull bniedem trid tiġġieled għalih. 

Sur President, fid-dibattiti li rajt dwar il-Caritas rajt ekwiparazzjoni bejn il-kompetittività u l-ġustizzja soċjali. Il-ġustizzja soċjali hija valur li jaqbeż kwalunkwe raġunament ieħor. L-ekonomija qegħda dejjem għas-servizz tal-bniedem u l-Gvern m’għandux iħalli argumenti li permezz tagħhom tingħata l-impressjoni li l-ekonomija ġġib lill-bniedem għas-servizz tagħha.  Meta niddiskutu fuq il-kwalità tax-xogħol, fuq id-diffikultajiet li qed isibu ħafna familji Maltin, forsi ħadd ma jirrealizza li hemm ċertu postijiet f’Malta li tmur fihom u ssib it-toroq kważi deżerti għax il-familji huma kollha żgħar u f’dawn il-familji jaħdem ir-raġel u taħdem il-mara. Tmur tħabbat il-bibien tagħhom u ma ssib lil ħadd, issib forsi lit-tfal li jkunu ġew mill-iskola li mill-gallarija jgħidulek li l-mama u l-papa mhumiex hawn, aħna qegħdin nagħmlu l-homework tal-iskola. Għandek din ir-realtà ta’ familji li jitilqulek mas-7.30 a.m u speċjalment jekk tippermettili minħabba fit-traffiku, ma jaslux lura qabel it-8.00 p.m. minħabba x-xogħol full-time u dak part-time. Biex jgħixu dawn qed isibu diffikultà kbira, u naħseb li għalkemm huwa minnu li l-ekonomija hija tajba, li l-figuri huma tajbin, li hemm iktar nies li qed jaħdmu, li hemm nies li daħlu part-time, dawn huma kollha tajbin bħala figuri però l-kwalità, is-sustanza tal-affarijiet mhumiex daqshekk tajbin. Naħseb li wieħed irid iqiegħed il-mod kif qegħdin illum f’perspettiva storika. Illum ix-xenarju ekonomiku huwa ferm aqwa milli kien fil-ħames snin ta’ qabel. L-opportunitajiet illum għal ċerti modifikazzjonijiet huma ferm aqwa milli kienu fi żmenijiet oħrajn. Sewwa jgħid  il-Ministru tal-Edukazzjoni li t-taħriġ huwa għodda importanti. Dan kien għodda importanti anke fil-25 sena ta’ amministrazzjoni Nazzjonalista.

L-Istat Malti bid-dħul li għandu mill-income tax, mill-VAT u minn kwalunkwe ħaġa oħra għandu ferm iktar likwidità, u dan apparti mill-fattur mill-iktar importanti li naqas il-prezz taż-żejt.  Illum il-Gvern għandu għad-dispożizzjoni tiegħu ħafna iktar flus u akllura jista’ jħares lejn diversi pockets li aħna għandna fil-pajjiż biex ikun jista’ jgħinhom.  Din l-idea li l-welfare state huwa ħażin, din l-idea li jekk tgħin lil ħaddieħor tkun qed iġibu indipendenti fuq l-istat jien ma naqbilx magħha. Issa hawnhekk jiena miniex qed ngħid għall-Ministru.(Interruzzjonijiet) Jekk irrid ngħid għalik kont ngħidlek li inti għedt hekk, Onor. Ministru, u li jien miniex qed naqbel miegħek. (Interruzzjonijiet) Jiena nieħu pjaċir nitkellem f’dan id-dibattitu.

Sur President, jiena nifhem il-preokuppazzjoni tal-Ministru fuq nies li qegħdin jiddistakkaw ruħhom mid-dinja politika. Jien nara l-istess affarijiet li hu jara, fosthom dak li ġabu Syriza fil-Greċja, il-Podemos u Cinque Stelle. Dawn huma kollha parti minn ċertu xenarju li aħna f’dan il-pajjiż, fil-mument partikolari għandna l-kapaċità li nibdlu. M’għandniex bżonn nibqgħu bl-istess tipi ta’ sistemi u għandna nidentifikawhom. Hawn naħseb li inti għandek cohort ta’ nies fl-ETC, jekk m’għandekx biżżejjed żid - ħalli forsi s-sena li ġejja nikkritikak fuq is-salarji – ħalli  wieħed ikun jista’ jista’ jieħu ħsieb dawn is-setturi nevralġiċi li qegħdin hemm u nafu bihom. Il-Caritas ġabithom għad-dawl tax-xemx però aħna lkoll nafu bihom. Jiena mhux qed nippretendi xi bakketta maġika, mhux qed nippretendi li tiġi s-soluzzjoni kompleta però nippretendi li ssir ċerta analiżi bi statistika korretta. Ippermettili li nikkritika, imma dan ir-rapport forsi kellu jkollu l-istatistika sal-aħħar tas-sena.  Din m’għadhiex iktar aċċettabbli. Mhuwiex aktar aċċettabbli li nagħmel domanda parlamentari u l-Ministru jgħidli li l-istatistika se tkun f’idejh f’Mejju tal-2016. Jekk kemm-il darba għaddejja analiżi interna, tant aħjar, però aħna nixtiequ nimxu ‘l quddiem.

Finalment l-Oppożizzjoni tirringrazzja lill-management li qiegħed jagħmel il-parti tiegħu u lill-ħaddiema kollha tal-ETC però nippretendu li hawn fid-diskussjoni u fid-dibattitu tagħna nkunu nistgħu nutilizzaw dawn l-estimi biex inġibu d-diskussjoni fuq id-dinja tax-xogħol u kif nistgħu ntejbu verament il-kwalità tax-xogħol għal diversi nies.

Sur President, finalment niskuża ruħi li ma obdejtikx wara d-diskors tiegħek tas-Sette Giugno però naħseb li d-dibattitu kien jimmerita li wieħed jagħmel ċertu ħin fuqu.  Huwa tajjeb li fuq ċerti suġġetti membru parlamentari jkollu l-opportunità li jispjega ċerti affarijiet u janalizza s-sitwazzjoni ovvjament mingħajr ma joqgħod jirrepeti ruħu.  Fuq ċerti affarijiet ma jkunx hemm dan il-bżonn però wieħed irid mhux kif nagħmlu aħna qisu garzella u kulħadd irid jidħol fuqha.  Jien nirribella li nidħol fil-garzelli li ħaddieħor jipprova jagħmilli.  Nirringrazzjak.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...