20.9.16

Mozzjoni Nru 325 - Estimi ta' Dħul u Nfiq tal‑Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għas‑Sena 2016.


 
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI:  Sur President, naħseb li dan huwa wieħed mill-aktar suġġetti importanti fis-settur tax-xogħol għax għall-klassi tal-ħaddiema huwa vitali għaliha li l-liġijiet jitħaddmu kif suppost sabiex is-saħħa tal-ħaddiem fuq il-post tax-xogħol tiġi salvagwardata u protetta.  L-Oppożizzjoni dejjem tappoġġja l-inizjattivi li jittieħdu mill-OHSA, iżda għalkemm kien hemm ċertu tnaqqis fil-korrimenti fuq il-post tax-xogħol, xorta waħda tħoss li hemm bżonn li ssir kampanja aktar b’saħħitha sabiex il-ħaddiema jkunu jafu aktar x’inhuma d-drittijiet tagħhom u kemm huwa importanti għalihom li jipproteġu lilhom infushom minn kwalunkwe oġġett li jista’ jagħmlilhom il-ħsara.  Naħseb li għad hemm lok li wieħed jassigura li s-saħħa tal-ħaddiem fuq il-post tax-xogħol tiġi verament salvagwardjata.  Forsi ntlifna f’numru ta’ setturi mingħajr ma rajna biżżejjed l-liġi kemm hija b’saħħitha. 

Ħadt pjaċir li ċ-Chairman tal-OHSA semma l-artikolu 6 tal-Att dwar l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għax dan l-artikolu jitfa’ piż kbir fuq min iħaddem sabiex jassigura li l-post tax-xogħol ikun post li fih il-ħaddiem m’għandux iweġġa’.  U fuq dak il-prinċipju rridu nimxu, ċjoè li ebda ħaddiem fuq il-post tax-xogħol m’għandu jweġġa’!  Veru li hemm possibbiltajiet li joħorġu min-nuqqas ta’ responsabbilità jew minn deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu ħażin, però dan huwa settur fejn il-liġi, apparti l-obbligu normali li kwalunkwe persuna fis-soċjetà trid tieħu ħsieb li ma tagħmilx atti ta’ ħsara lil ħaddieħor, tpoġġi wkoll l-obbligu li wieħed jaħseb bil-quddiem ħalli jassigura li ma ssirx ħsara fuq il-post tax-xogħol lill-ħaddiem. 

Jeżistu ċertu għodod u affarijiet li l-ħaddiema għandhom bżonn li jiġu mgħarrfa aktar bihom.  Insemmu ħafna s-settur tal-kostruzzjoni – il-Ministru ċċarat wieħed x’jifhem bis-settur tal-kostruzzjoni u s-settur tal-prekarjat - però għandna challenges ġodda li rridu nieħdu ħsieb għax għandna nies li ġejjin minn ġurisdizzjonijiet oħrajn u dawn ikollhom mentalitajiet kompletament differenti minn tagħna. Biżżejjed insemmi r-refuġjati li qed jidħlu fid-dinja tax-xogħol.  Għalhekk, l-OHSA trid tħares mhux biss is-saħħa tal-Maltin iżda trid tħares ukoll is-saħħa tal-European nationals u ta’ dawk li mhumiex European nationals. 

Naħseb li biex niffaċċjaw dawn l-isfidi għandna tliet affarijiet importanti.  L-ewwel nett hemm bżonn li nagħtu aktar informazzjoni lill-ħaddiem fuq l-għodod li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu. Għandna bżonn nfehmuh aktar li huwa importanti li jitkellem u li joqgħod għar-regoli tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol. 

It-tieni, għandna l-possibbiltà li ħaddiem iġib post tax-xogħol li mhux qiegħed jobdi r-regoli tas-saħħa biex jobdihom. Issa għandna l-Whistleblower’s Act u dan huwa għodda essenzjali għall-ħaddiem fuq il-post tax-xogħol għax jassigura li kull min iħaddem joqgħod għad-diversi avviżi legali li għandna fil-liġi.  Ħafna drabi jkun hawn l-impressjoni li l-liġi qiegħda hemm, però għandna diffikultà biex nimplimentawha u bħal donnu huwa l-obbligu tal-ftit ħaddiema li għandha l-OHSA biss li jġibu fis-seħħ id-diversi dispożizzjonijiet tal-liġi. 

It-tielet, għandna l-għarfien ta’ x’verament għandu jkollu post tax-xogħol.  Wieħed mill-obbligi li joħorġu mill-artikolu 6 huwa preċiżament li jkun hemm uffiċjal rappreżentant tal-ħaddiema li jkollu l-obbligu li jipproteġi lill-istess ħaddiema fuq il-lant tax-xogħol. Hemm ħafna postijiet tax-xogħol li għandhom dan l-uffiċjal imma hemm ħafna oħrajn li m’għandhomx. 

Sur President, ħadt pjaċir li l-OHSA għamlet rapport fuq iċ-childcare centres però f’dan ir-rapport hemm żewġ affarijiet li jokruli xi ftit għajni. L-ewwel nett minn 71 childcare centre l-policy tal-OHSA wieħed biss għamilha. L-istess fil-każ tar-rappreżentant appuntant skont il-provvedimenti tal-artiklu 6.  Minn minn 71 childcare centre wieħed biss appuntah. Imbagħad fil-‘copy of written risk assessment kept morna naqra aħjar għax kellna 30 li kkonformaw u 40 li ma kkonformawx.  Qed ngħid dan mhux biex nitkaża iżda għax huwa importanti li anke f’affarijiet żgħar nassiguraw li l-ħaddiem ikun protett, speċjalment meta għandu taħt idejh tfal verament żgħar u vulnerabbli. 

Hemm bżonn li nkomplu nimxu ʼl quddiem.  Jien ħadt pjaċir li qed isir studju aktar dettaljat fuq il-kwestjoni tal-occupational health iżda xi drabi fil-qasam tal-occupational health bħal donnu nkunu reattivi.  Jekk ikollok ħaddiema li jirrapportaw li mardu, il-konklużjoni tagħna tkun li hemm xi ħaġa ħażina fuq il-post tax-xogħol.  M’hemmx proattività biex naraw minn qabel sewwa sew x’għandu jsib ħaddiem fuq post tax-xogħol. Ħaddiem kif imur xi mkien għandu jkollu sett ta’ regoli dwar x’għandu jkollu u x’m’għandux ikollu fuq il-post tax-xogħol biex is-saħħa tiegħu tkun protetta u mhux meta s-sitwazzjoni tmur għall-agħar, nirreaġixxu għaliha.  

Hemm bżonn nagħtu empowerment aktar b’saħħtu lill-ħaddiem fid-dinja tal-lum.  Diversi industriji barra minn Malta għandhom ħafna rispett proprju għaliex il-ħaddiem jipparteċipa b’mod attiv fid-demokrazija industrijali.  U din hija l-fruntiera l-ġdida li l-ħaddiema u l-unions tagħhom għandhom jaħdmu fuqha.  Naf li sar xi xogħol mal-GWU fuq programm apposta biex wieħed jipprova jagħmel din il-forma ta’ empowerment u proġetti bħal dawn tajjeb li wieħed jimxi aktar fihom u jassigura li verament isiru. 

Ħaddiem kultant isib ruħu f’pożizzjonijiet ta’ inġustizzja u ta’ sfruttament minħabba l-ambjent tax-xogħol li jaħdem fih.  Kultant jiġi f’sitwazzjoni diffiċli għax jekk kemm-il darba jitkellem biex jinbidillu l-post tax-xogħol tiegħu jkollu ċans li jitlef xogħlu.  Ma rridx nixħet aktar obbligi fuq l-OHSA, però naħseb li hemm lok għal aktar kordinazzjoni ma’ dipartimenti oħrajn.  Hawn l-impressjoni li l-OHSA trid tagħmel dak li ħaddieħor ma jridx jagħmel u li trid tidħol għal sitwazzjonijiet li ħaddieħor ma jridx jidħol għalihom, imma dawn huwa żball.  Fil-fatt, l-OHSA din is-sena kellha tagħmel rapport fuq min għandu jieħu r-responsabbiltà għal ċerti postijiet pubbliċi. Huwa tajjeb li sar dan ir-rapport, però jindika li m’hemmx ħafna nies li qed jersqu ʼl quddiem biex jieħdu l-paternità ta’ xi ħaġa li għandu jkollna fis-soċjetà tagħna. Għalhekk għedt li hawn hemm bżonn ta’ ftit aktar kordinazzjoni.

Xi ħaġa li lili tweġġagħni ħafna hija li għandna kwantità kbira ta’ nies li jweġġgħu fuq il-post tax-xogħol u jkollhom ġrieħi permanenti u jdumu ħafna biex jiġu kkumpensati.  Mela persuna tweġġa’, ġieli jdumu ma jimlew il-formola, imbagħad iridu jittieħdu ċerti passi u jimxu skont ċerti proċeduri.  Barra minn hekk, meta niġu għall-kumpens li wieħed ikun irid jieħu mingħand il-Gvern talli jkun tilef xi partijiet minn ġismu, naħseb li għad għandna proċeduri antiki u hemm bżonn li jiġu aġġornati għaż-żmenijiet tal-lum.  Allura għamlet sewwa l-OHSA li daħlet fil-fond tal-fruntieri l-ġodda tal-postijiet tax-xogħol, b’mod partikolari fil-qasam tal-gaming u tal-assigurazzjoni.  Dawn huma fruntieri ġodda.
Sur President, x’qegħdin nagħmlu għan-nies li jsibu lilhom infushom fi stress biex jingħataw kumpens?  Biex xi ħadd jaċċetta li jimla formula lil xi ħadd li fuq il-post tax-xogħol qiegħed jistressja ruħu u allura ma jistax jaħdem tajjeb hija verament diffiċli.  Għaldaqstant naħseb li hawnhekk għandna bżonn nagħmlu pass ieħor ʼil quddiem u naraw li jsiru r-rapporti u li dawn ikunu pubbliċi għax jekk ikunu pubbliċi jgħinu lil diversi persuni.  Meta jiġri xi ħaġa f’fabbrika, pereżempju, l-ewwel li ma jagħmlu huwa li jagħlqu l-bibien biex ma toħroġx barra li xi ħadd weġġa’ u ssirilhom pubbliċità ħażina.  Mhux biex nagħmlu name and shame imma hemm bżonn li toħroġ hemm barra kemm dan is-settur qed tingħatalu attenzjoni u huwa meħud b’serjetà.

Għandna wkoll sitwazzjonijiet fejn ħaddiema tal-Gvern qegħdin jaħdmu f’ambjent li mhuwiex adegwat għaż-żmenijiet tal-lum. Hawnhekk l-OHSA ma tistax titħalla waħedha u nifhem li għandha ħafna obbligi legali, u kif qal il-kollega l-Onor. Clyde Puli, m’hemmx biżżejjed flus.  Fil-fatt ħadna pjaċir is-sena li għaddiet nisimgħu lill-Ministru tiftaħar, u kellha raġun, li għall-ewwel darba din l-Awtorità ngħatat €1 miljun.  L-isfortuna hija li din is-sena u s-sena li għaddiet dak il-€1 miljun ttiekel lura mill-Gvern.  Mhux biex nagħmlu issue fuqha, imma dan jindika li fil-prijoritajiet kollha tal-Gvern dan is-settur qiegħed ʼl isfel.  Għandna l-vantaġġ li għandna żewġ persuni li t-tnejn huma politiċi u allura għandhom aktar subgħajhom f’din is-sitwazzjoni, nistenna li wieħed jidħol għall-affarijiet aktar bir-ras! 

Jien nieħu pjaċir li t-tfal tal-iskola ngħallmuhom u nieħu pjaċir li nidħlu għall-proġetti tas-Seveso, però x’inhu l-aktar importanti?  X’inhuma l-prijoritajiet li għandu jkollna?  Il-prijoritajiet fundamentali huma li l-ħaddiem fuq il-post tax-xogħol ikun jaf li għandu l-poter u li għandu l-mekkaniżmi legali biex ikollu ambjent tax-xogħol tajjeb għalih.  Biss biss għandu l-Whistleblower’s Act li jassigura li dak li hu ħażin, jinbidel. Kif għedt, hemm bżonn ta’ kordinazzjoni bejn id-diversi dipartimenti konċernati, fosthom id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, il-Whistleblower, il-Korp tal-Pulizija u l-Protezzjoni Ċivili. Mill-inqas għandu jkun hemm platform ta’ diskussjoni għax, abbażi ta’ dik, wieħed jista’ jibda jidentifika l-problemi. 

Aħna l-politiċi dejjem naraw il-proġetti l-kbar iżda ħafna drabi huma l-proġetti ż-żgħar li jagħmlu d-differenza għall-ħaddiem fuq il-post tax-xogħol. Jien ċert li bħalma nweġġgħu meta nisimgħu li xi ħadd tilef ħajtu, inweġġgħu meta nisimgħu li xi ħadd weġġa’ fuq il-post tax-xogħol.  Veru li huwa pożittiv li kellna tnaqqis fir-rata ta’ nies li jweġġgħu fuq il-post tax-xogħol, però l-prijorità tagħna għandha tkun li ħadd m’għandu jweġġa’ fuq il-post tax-xogħol.  Irridu nirriduċu din ir-rata għall-inqas livell possibbli. 
Is-sena l-oħra smajt li se ssir riforma leġiżlattiva. Issa jien fhimt li konna se nduru ftit il-liġi biex nġibuha aktar aġġornata u naħseb li jagħmel ħafna sens li dan isir.  Fil-fatt hemm ħafna aktar xogħol xi jsir, biex ħadd ma jaħseb li qed nimminimizza, però hemm bżonn li ssir diskussjoni aktar b’saħħitha biex din ir-riforma fuq il-post tax-xogħol issir.  Għaliex?  Għax jekk kemm-il darba ma nagħmluhiex issa, ma nsibuhiex ʼil quddiem.  Biss biss diġà hawn din l-idea li l-ħaddiem għandu joqgħod pass lura, u naħseb dik hija żbaljata.  Il-ħaddiem għandu jingħata s-saħħa tiegħu inkella s-soċjetà tmur aktar ʼl isfel u dak ikun żball kbir f’settur daqshekk delikat u daqshekk importanti għad-demokrazija tagħna. 

Sur President, qed nieħu pjaċir li llum qegħdin niddiskutu dan is-suġġett u nittama li bid-diskors tagħna ngħinu biex tinbidel il-mentalità tan-nies – dan huwa l-għan prinċipali tiegħi.  Naturalment hawn ġew kulħadd huwa konvint minn dawn l-affarijiet u għalhekk huwa meħtieġ li nibdlu l-mentalità kemm ta’ min huwa self-employed, kemm ta’ min iħaddem kif ukoll ta’ min huwa impjegat, għax il-ħajja ta’ kull persuna hija importanti għalina.  Għalhekk huwa neċessarju li jkollna liġijiet b’saħħithom u li jaħdmu. U, jekk jogħġbok, m’hemmx bżonn li nibqgħu fis-sitwazzjoni li jekk jiġi l-inspector tal-OHSA l-affarijiet jitranġaw u jekk ma jiġix, ma jintranġawx!  Jien nieħu pjaċir li jingħataw il-multi amministrattivi, imma mhux pjaċir tiegħi li ngħidu li s-sena l-oħra tajna għaxra, din is-sena tajna 15 u s-sena li ġejja se nagħtu 20 għax dak ifisser li hemm barra hemm aktar nies li qegħdin jiksru l-liġi u li mhux qed jagħtu kas ta’ dak li qed isir! 

Finalment ningħaqad ma’ dak li qal l-Onor. Clyde Puli u ngħid li hemm bżonn isir xogħol tajjeb, anke fir-rigward tal-ħaddiema tal-Gvern.  Minn numru ta’ mistoqsijiet parlamentari ħarġu ċerti dettalji bħal, pereżempju, il-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema li jaħdmu fl-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni u anke l-mod ta’ kif għamilna l-affarijiet.  Dawn huma kollha tikkiet li fl-aħħar mill-aħħar, kif jgħidu t-Taljani, tanti pochi fanno assai! Grazzi, Sur President.

MR SPEAKER:  Grazzi. 

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...