20.9.16

ABBOZZ TA’ LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR IS-SERVIZZI TA’ IMPIEG U TAĦRIĠ – ABBOZZ NRU 149 .



ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI:  Sur President, illum qegħdin niddiskutu Abbozz ta’ Liġi li fih innifsu ma fiehx ħafna komplikazzjonijiet, anzi huwa wieħed sempliċi, u allura forsi din id-diskussjoni tista’ sservina bħala forma ta’ preludju qabel ma niġu biex niddiskutu l-Estimi tal-Korporazzjoni ta’ Xogħol u Taħriġ fejn hemmhekk wieħed ikun jista’ jidħol ferm aktar fid-dettall. 

Jien smajt dak li qal il-Ministru b’attenzjoni, u rrid ngħid li huwa qed jaqbad id-direzzjoni t-tajba biex permezz tagħha wieħed ikun jista’ jiddiskuti ftit aktar fil-fond dwar fiex tikkonsisti d-dinja tax-xogħol illum, x’tip ta’ xogħol qed jinħoloq fis-settur Malti u x’tip ta’ xogħol irridu li jiġi maħluq matul is-snin li ġejjin. Naqbel miegħu perfettament li l-edukazzjoni u x-xogħol jimxu id f’id, u hemm ħafna x’isir f’din id-direzzjoni. Però jien naħseb li l-konċett sħiħ tax-xogħol jimmerita li jkollna diskussjoni nazzjonali għalih ħalli mbagħad il-Parlament ikun jista’ jilleġiżla kif għandna nħarsu lejn ix-xogħol, x’xogħol għandna u lejn liema direzzjonijiet irridu nieħdu lin-nies li qed jaħdmu f’pajjiżna matul is-snin li ġejjin.

Dan l-Abbozz ta’ Liġi fih żewġ aspetti, li l-ewwel wieħed huwa kożmetiku.  Huwa veru li l-Korporazzjoni ta’ Xogħol u Taħriġ ilha teżisti u forsi allura għandha bżonn facelift - bħalma wara kollox ikollhom bżonn nies ta’ ċerta età, speċjalment dawk li jkunu involuti fil-politika u jkunu jridu jibqgħu jidhru li għadhom ta’ ċerta età jew jaħarbu l-età li jkollhom - u allura l-isem “Korporazzjoni ta’ Xogħol u Taħriġ” qed jinbidel għal isem li huwa simili ta’ diversi istituzzjonijiet simili barra minn Malta.  Aħna m’aħniex se nqattgħu xagħarna fuq jekk isem il-Korporazzjoni għandux jinbidel. Però mbagħad hemm l-aspett tas-sustanza, u l-aspett tas-sustanza ta’ Jobsplus jitwieled minn dokument li sar mill-UĦM, liema dokument ġie kkummissjonat lil żewġ persuni, lil Clyde Caruana, li llum imexxi l-Korporazzjoni ta’ Xogħol u Taħriġ, u lill-ekonomista Mark Theuma.  Fil-fatt wieħed jista’ jgħid li permezz ta’ dak li kienu ħarġu bih il-UĦM saret diskussjoni politika importanti sabiex wieħed iħares ‘il quddiem bil-għan li jibni an active labour market policy. 

L-active labour market policy huwa pass importanti, però, bħala kritika - u mhux bħala nuqqas ta’ adeżjoni - ikolli nirrimarka li kont nistenna li forsi wieħed kien se jieħu l-opportunità li jlaħħam dak li għandna fil-liġi tal-Korporazzjoni ta’ Xogħol u Taħriġ. Jien infomat li l-kumitat konċernat diġà qed jiltaqa’ u qed jiċċaqlaq ‘il quddiem, u din hija xi ħaġa tajba li wieħed irid jagħtiha importanza. Però naħseb li l-fatt li qegħdin inbiddlu biss l-isem tal-Korporazzjoni għal Jobsplus jista’ jkun li qed iwassal biex nitilfu l-opportunità li nlaħħmu l-liġi ftit aktar sabiex dak li qed isir taħt l-active labour market policy ikollu ftit aktar direzzjoni ċara dwar dak li aħna rridu li l-Korporazzjoni tagħmel matul is-snin li ġejjin. 

Sur President, is-sena li għaddiet jien diġà kelli l-opportunità nqajjem dan il-punt u nistaqsi fejn se nieħdu lill-Korporazzjoni ta’ Xogħol u Taħriġ, li llum għandha esperjenza twila u hija mimlija b’ħafna nies li għandhom esperjenza kbira.  Hemm bżonn li din il-Korporazzjoni tittieħed lejn territorju ġdid, lejn dak it-territorju li verament għandna bżonn fid-dinja tax-xogħol f’pajjiżna.  Madankollu, minn dak li rajt fl-Abbozz ta’ Liġi li għandna quddiemna kulma qed nagħmlu hawnhekk huwa li qegħdin sempliċement nibdlu l-isem għal Jobsplus, jiġifieri s-sustanza tal-liġi se tibqa’ l-istess.

Meta wieħed jaqra d-dokument li kien tfassal mill-UĦM, li kif qal sewwa l-Ministru, kien hemm qbil dwaru mill-partijiet kollha, liema qbil sar proprju lejlet l-elezzjoni fejn kien hemm pożizzjoni ċara minn kulħadd, kien hemm numru ta’ affarijiet li kienu qegħdin jirriżultaw mid-dokument li għamlu ż-żewġ persuni li kitbuh, u naħseb huwa tajjeb li wieħed jipprova jħares ftit aktar ‘il quddiem lejn dak li aħna rridu biex nimxu ‘l quddiem f’dan is-settur.  Fatt interessanti huwa li dan id-dokuemnt jgħid affarijiet li forsi xi kultant wieħed ma jkunx qed jagħtihom importanza. Pereżempju, fost affarijiet oħra dan id-dokument jgħid, u hawn se nikkwota bl-Ingliż, li: 

Over the years the employment rate of males in Malta has endured an extensive setback due to a number of early retirement schemes and extensive restructuring measures.  Consequently in 2008 the male employment ratio of EU27 nearly caught up with Malta’s. However, since 2010 the male employment ratio in Malta started to recover. In contrast, the female participation rate of Malta experienced a rapid surge over the past decade following the introduction of family friendly measures and government tax credit incentives to females returning back to work. These optimistic developments are expected to persist in the coming years.”. 

Ikkwotajt silta proprju mill-ewwel parti ta’ dan id-dokument għax naħseb li din il-parti turi li fil-passat diġà kien tpoġġa ċertu pedament u kienu diġà ttieħdu ċerti miżuri, u llum qegħdin naraw li l-iżvilupp li qed isir fis-settur tax-xogħol għandu l-mertu tal-pedament li sar preċedentement. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi hemm bżonn neżaminaw in-natura tax-xogħol li qed noħolqu kemm għas-settur maskili kif ukoll għas-settur femminili b’lenti akbar.

Jien naħseb li l-ewwel kwestjoni hija dik tan-natura tax-xogħol, it-tieni kwestjoni hija tal-persuni li jaħdmu fid-dinja tax-xogħol, u t-tielet kwestjoni tirrigwarda l-kwalità tax-xogħol kif ukoll id-dinjità sħiħa marbuta mal-postijiet tax-xogħol li aħna qegħdin noħolqu.  Minn dak li rajt mill-mistoqsijiet parlamentari li għamilt lill-Ministru jirriżulta li l-parti l-kbira tax-xogħlijiet li qed jinħolqu għan-nisa mhumiex qed jinħolqu fis-setturi li aħna l-Membri ta’ din il-Kamra nixtiequ li jkollna.  Biżżejjed ngħid li aktar minn 70% tan-nisa part-time li qed jidħlu fid-dinja tax-xogħol qed isibu lilhom infushom jaħdmu fl-anqas livell tas-settur tal-impjiegi, u dan jgħodd ukoll għal kważi 50% tan-nisa li huma mpjegati full-time. 

Għalhekk permezz ta’ dawn id-dibattiti wieħed irid iqajjem kuxjenza nazzjonali dwar it-tip ta’ xogħol li aħna qegħdin noħolqu f’pajjiżna, u wieħed jinduna kemm dan huwa importanti aktar u aktar meta jaqra dan id-dokument verament interessanti li sar mill-UĦM, għax dan id-dokument jispirana biex inħarsu ‘l quddiem ħalli nkunu nistgħu nimxu aktar.  Ovvjament il-kwestjoni tat-taħriġ u tas-snajja’ li wieħed għandu jkollu hija vitali.  Dan id-dokument ikompli jgħid hekk:

Over the past decade economic growth in Malta has been triggered by a growing workforce rather than through productivity gains. As highlighted earlier, if employment growth over the past seven years were to persist until 2020, then Malta would reach an employment ratio of 69.0%.  The increase in labour supply will to an extent generate additional wealth and economic growth.  Nevertheless, this will not put the standard of living of Malta on a par with EU 27 average.  As discussed, the discrepancy between living standards arising due to the gap in the quality of human capital as the European workforce is much more skilled compared to Malta’s.  Based on the current trend of skilled development, Malta will not converge with EU 27 average before another 33 years.”.

Jien naħseb li dan huwa l-ewwel punt minn diversi punti fundamentali.  Jiġifieri f’dan il-pajjiż il-produttività tagħna minn xiex qed tkun iġġenerata?  X’inhi l-kwalità tax-xogħol tagħna?  U x’inhu dak li qed iċaqlaq lis-soċjetà u lill-ekonomija ‘l quddiem?  Dak li ntqal fid-dokument, jiġifieri li “the increase in labour supply will to an extent generate additional wealth and economic growth” naħseb li qegħdin nesperjenzawh illum, għax għalkemm illum hawn aktar nies jaħdmu minħabba li n-numru ta’ nisa jaħdmu żdied, kif żdiedu wkoll in-nies li minbarra li għandhom full-time job għandhom part-time job, komplessivament irridu nqisu sew x’inhu l-valur ekonomiku li dawn il-persuni qegħdin jieħdu lura d-dar.

Il-punt tal-Ministru jien fhimtu meta qal li meta wieħed jitrabba f’familja fejn il-ġenituri ma jaħdmux jista‘ jkun li dan ikun qed jitrabba f’mentalità ta’ dipendenza. Però naħseb li llum il-ġurnata fis-soċjetà tagħna għandna forma ta’ klassi ġdida li b’xi mod jew ieħor irridu niddiskutu u niddibattu, dik li wieħed jista’ jsejħilha bħala “underclass” ta’ nies li qegħdin imwaħħlin hemm isfel u ma jistgħux jitilgħu ‘l fuq.  Il-Ministru żgur li huwa konxju ta’ dan.  Issa kemm il-Ministru għandu ħin għal dan hija kwestjoni oħra, anke għax din hija issue li titlob ħafna u ħafna aktar attenzjoni minn ministeri differenti minbarra mill-Ministeru tiegħu. 

Kif nafu, minkejja li l-Ministeru tal-Ministru Bartolo huwa l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, parti mir-responsabbiltà tal-qasam tax-xogħol ma taqax taħt il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol imma taqa’ taħt ministeri oħrajn. Jien għamilt din il-kritika drabi oħrajn ukoll għax kont nippreferi li kieku l-qasam tax-xogħol kien jaqa’ kollu taħt ministeru wieħed, u għamilt din il-kritika proprju għax lid-dinja tax-xogħol irridilha l-ġid u allura nħoss li din il-ħaġa għandha ssir, però f’dan il-mument m’iniex se nidħol fiha.  Li rridu niddibattu f’dan il-mument huwa x’konċett ta’ xogħol għandna.  Jiġifieri aħna qed inħarsu lejn ix-xogħol sempliċement mit-termini tas-suq, fejn allura qed naraw x’qed joffri s-suq u mbagħad naraw fejn bniedem jista’ jaħdem, jew inkella qegħdin inħarsu ‘l quddiem biex nagħmlu miri ġodda għan-nies?

Ngħarraf lill-Ministru li aħna ħadna nota ta’ dak li qal fid-diskors tiegħu u nieħdu pjaċir li dak li semma jimxi ‘l quddiem.  Però l-Ministru jaqbel miegħi meta ngħid li hemm bżonn jittieħdu miżuri oħra, u l-aktar li hemm bżonn hu li wieħed jaħseb sew fejn irridu mmorru aħna bħala soċjetà.  Bħalissa aħna ħloqna kategoriji varji ta’ xogħol, imma rridu naċċettaw li fid-dinja tax-xogħol għandna żewġ strati, dawk li huma marbuta ma’ min jaqla’ salarju tajjeb, ma’ min jaħdem fid-dinja finanzjarja u ma’ min jaħdem fid-dinja tal-iGaming, u mbagħad għandna kwantità kbira ta’ mpjiegi - aħna nikkalkolaw li hemm nofs il-workforce Maltija - li qegħdin l-aktar ‘l isfel, u forsi hemmhekk il-miżuri li qed isiru llum mhumiex tajbin biżżejjed għal dak li rridu naslu għalih aktar ‘il quddiem.

Sur President, jien semmejt u faħħart il-fatt li dan l-Active Labour Market Policy Counselling and Action Committee diġà beda jiltaqa’, però naħseb li hemm bżonn li dan il-kumitat jistabbilixxi l-miri tiegħu għas-sena 2020 filwaqt li wieħed jagħfas biex ikollna politika nazzjonali li fiha aħna nkunu ċari. Hawnhekk forsi wieħed jista’ jistaqsini:  Il-politika nazzjonali tagħna mhijiex li noħolqu x-xogħol?  Iva, li noħolqu x-xogħol, però naħseb hemm bżonn nagħmlu diskussjoni aktar qawwija dwar fejn irridu li s-soċjetà u d-dinja tax-xogħol jiċċaqilqu ‘l quddiem, speċjalment dawk li jinsabu fil-parti t’isfel tas-soċjetà. 

Riċentement jien erġajt qrajt dak li kien kiteb Galbraith fil-ktieb tiegħu fuq il-kultura, The Culture of Contentment, u naħseb li l-Ministru huwa well aware minn dan.  Jiena li nibża’ hu li kemm mill-aspett soċjali u kemm mid-dimensjoni politika li tħaddan, is-soċjetà tagħna qed timplimenta din il-forma ta’ politika fuq bażi nazzjonali fejn, kif jgħid Galbraith stess, il-kwestjoni tal-faqar u ta’ dawk li qegħdin in-naħa t’isfel nett huma ta’ theddida għas-soċjetà affluwenti li hija kuntenta fil-pożizzjoni tagħha.  Għalhekk wieħed irid jara t-tip ta’ xogħol li aħna għandna, jiddiskuti jekk ix-xogħol fis-soċjetà tagħna huwiex sempliċement qed jinħoloq u jiġi konċepit biss bħala bażi ta’ ideat neoliberalisti jew kapitalisti li fihom il-bniedem .... 

Għax anke jekk aħna hawn ġew ngħidu li l-bniedem mhuwiex għas-servizz tal-ekonomija, fir-realtà hemm ir-realpolitik li, permezz tagħha, il-bniedem fis-soċjetà Maltija – hemm parti sew minnhom - qed isib lilu nnifsu billi qed joħloq ix-xogħol għal strata aktar ‘il fuq mingħajr ma qed jieħu xejn lura.  Din l-idea li meta jkun hemm xi ħadd hemm fuq tant jagħmel flus li jibda jwaqqa’ l-loqom tal-ikel minn idejh biex jeħodhom min qiegħed taħtu, f’ħajti rari ħafna rajtha ssir!  Fil-maġġoranza tal-każi, jekk il-gvern ma jaġixxix fid-dimensjoni tal-ġustizzja soċjali sabiex lil min hu minn taħt itellgħu ‘l fuq - u għandna realtà ta’ nies li huma minn taħt - jew inkella jgħinhom to make ends meet, ikun qed jiżbalja.

Fil-fatt, dan id-dokument li kien sar mill-UĦM jgħid proprjament dan li ġej:

The potential benefits stemming from the active labour market are not limited to the labour market.  Indeed this could be considered as a means to an end for other social and economic issues in Malta. Due to the ageing factor, the Maltese potential working age population will continue to shrink in coming years.  As a result, labour hourly productivity must increase in order to counter both the drop in the labour force and to sustain higher economic growth. One of the major functions of this committee is to upgrade the skills of the workforce and ask to contribute to higher productivity.  The development of human capital is a very effective way of curbing down precarious jobs as well.”.

Jien qed niċċita siltiet minn dan id-dokument interessanti mhux għax nemmen li wieħed ma jistax jiċċaqlaq minn dak li hemm miktub, imma għax inħoss li huwa dokument li jqanqal stimolu u diskussjoni.

Sur President, mill-2013 sal-lum wieħed ikun jixtieq jara ftit aktar laħam mad-direzzjoni ta’ dak li qed nagħmlu, u jien wisq nibża’ li għalkemm hemm concerted effort u rrid infaħħar il-fatt li se tinġieb din sistema elettronika minn barra li se tgħin il-proċess ta’ kif isiru l-placings ....  Għalkemm biex inkun onest miegħek, Ministru, wieħed għad irid jara sewwasew x’se tipproduċi din is-sistema għax ġieli jkun hemm xi ftit differenza bejn dak li jidher u bejn dak li jitħaddem!  Jien persważ li dan huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, imma hemm bżonn kwalità aħjar ta’ xogħol, kif hemm bżonn ukoll li aħna naġixxu għal din il-kwalità aħjar ta’ xogħol.  Ftit taż-żmien ilu jien kont tkellimt fuq is-27,000 persuna li għandna jaħdmu fis-settur tagħna minn pajjiżi oħrajn. Jien m’għandi xejn kontra li dawn il-persuni jiġu jaħdmu f’pajjiżna biex l-abbiltajiet tagħhom jitħalltu u jiżdiedu mal-abbiltajiet tagħna jew inkella biex jimlew xi settur li aħna m’għandniex biżżejjed abbiltajiet fih.

Però nħoss li għandna naraw jekk hemmx xi forma ta’ verità f’dak li qed jingħad mill-ħaddiema tagħna, jiġifieri jekk dawn il-persuni, li ħafna drabi jiġu jaħdmu f’pajjiżna minħabba li ma jkunux sabu xogħol f’pajjiżhom u għal xi raġuni jew oħra jkunu komdi bis-salarji li qed jiġu offruti għalihom hawnhekk, humiex qegħdin iniżżlu l-kwalità tax-xogħol tagħna indirettament.  Din hija xi ħaġa li jien inħoss li hija tassew importanti li niżnuha, għax jien ninkwieta ruħi meta niltaqa’ man-nies u dawn jgħiduli li fuq naħa waħda aħna l-politiċi dejjem jgħidu kemm l-ekonomija sejra tajjeb u kemm qed niksbu riżultati tajbin - u hekk jidher skont l-istatistika - u min-naħa l-oħra huma, li ta’ kuljum qed imorru jaħdmu, qed isibu diffikultà kbira biex jgħixu huma u jgħajxu lill-familji tagħhom.

Dan id-dokument isemmi wkoll is-settur tal-prekarjat.  Dwar dan is-settur diġà ttieħdu ċerti miżuri, però apparti mill-fatt li wieħed ma jistax jgħid li l-problemi li jeżistu fis-settur tal-prekarjat se jiġu solvuti kollha kemm huma permezz ta’ xi miżura waħda partikolari, naħseb li hemm diversi punti oħrajn li wieħed irid jindirizza, għax jien wisq nibża’ li minflok ma dan is-suq qed joħloq impjiegi full-time, minflok ma dan is-suq qed joħloq impjiegi fejn il-ħaddiema jkollhom salarji ogħla mill-minimum wage u minflok ma dan is-suq qed joħloq impjiegi li jkollhom ukoll l-overtime, dan is-suq qed jibqa’ komdu jara n-nies jiġu mpjegati f’dan is-settur tas-self-employed on a part-time basis bil-konsegwenza li l-ħaddiema ta’ dan is-settur minflok mhu qed jaraw ċaqliq ‘il quddiem fil-ħajja tagħhom, qegħdin isibu lilhom infushom imwaħħlin fil-pożizzjoni partikolari tagħhom. 

Din hija sfida kbira, però naħseb li meta ġie varat l-Active Labour Market Policy Counselling and Action Committee taħt il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol mis-Sur Clyde Caruana, kien hemm numru ta’ punti li wieħed seta’ jlaħħamhom faċilment.  Pereżempju, punt minnhom hu “long-term needs of the labour market”.  Dan il-punt fih innifsu huwa tajjeb, imma x’qegħdin nifhmu b’“long-term needs of the labour market?!  Qed isir studju fuq dak li hemm bżonn isir fiż-żmien li ġej?  Għax imbagħad min-naħa l-oħra jien ninkwieta ruħi meta nara d-dokument li ġie ppreparat mill-MEA fejn fih qed naraw talbiet ġodda biex persuni li mhumiex Maltin jiġu jaħdmu fis-settur tax-xogħol tagħna mill-aktar fis. 

Jien naħseb li rridu naraw jekk aħna rridux nibqgħu fil-linja politika tal-lum, jiġifieri dik li nkomplu nżidu ħaddiema li ġejjin minn barra minn xtutna, li mhux neċessarjament ġejjin biex l-abbiltajiet tagħhom jitħalltu u jiżdiedu mal-abbiltajiet ġodda tagħna jew inkella biex jimlew xi settur li aħna m’għandniex biżżejjed abbiltajiet fih. Forsi l-ewwel ħaġa li wieħed għandu jagħmel fis-settur tal-prekarjat jew tax-xogħol part-time hu li jifred biex almenu l-Maltin li qed jaħdmu f’dan is-settur ikollhom kondizzjonijiet aħjar u mhux il-barranin jingħataw kondizzjonijiet aħjar minn dawk li għandhom il-Maltin. 

Jien informat ukoll li f’ċerti postijiet, bħal Heritage Malta, is-security guards barranin jingħataw aktar overtime milli jingħataw il-Maltin, u għalhekk wieħed irid joqgħod ftit aktar attent biex jara x’inhu jiġri sewwasew on the ground fid-dinja tax-xogħol. Xtaqt inkun naf ukoll xi affarijiet żgħar bħal, pereżempju, jekk il-Korporazzjoni hijiex se tiċċaqlaq minn fejn hi, kif kien intqal, jiġifieri jekk hijiex se tmur fejn illum hemm is-Science Centre jew inkella hijiex se tibqa’ Ħal Far għax hemm diversi ħaddiema li jixtiequ jkunu jafu dan.

Nixtieq nifhem ukoll x’inhu jiġri fl-istess Korporazzjoni, għalkemm dan huwa suġġett li nistgħu niddiskutuh ukoll aktar ‘il quddiem meta niġu biex niddiskutu l-Estimi tal-istess Korporazzjoni, għax ninnota - u ninsab ċert li l-Ministru lanqas biss jaf b’din il-ħaġa jew mhuwiex konxju minnha - li hemmhekk ġew impjegati nies on a position of trust biex jagħmlu xogħol ta’ messaġġiera jew ta’ security officers, u dan meta fl-istess Korporazzjoni għandek nies li ilhom impjegati hemmhekk, jafu x-xogħol tagħhom tajjeb u kienu qed jittamaw li jingħataw sena jew sentejn ta’ estensjoni wara l-età tal-pensjoni.  Madankollu jidher li issa ntilfet l-esperjenza u l-abbiltà ta’ dawn il-ħaddiema, u din hija xi ħaġa li wieħed żgur irid jaraha aktar ‘il quddiem.

Wieħed ma jistax ma jfaħħarx il-konċett ta’ Jobsplus kif elenkat fid-dokument li għamlet il-UĦM u ma jabbraċċjahx biex jiddiskutih aktar ‘il quddiem.  Però jien naħseb li l-Korporazzjoni tkun qed tiżbalja jekk se tibdel sempliċement isimha biss u mhjiex se tlaħħam aktar l-affarijiet.  Nittama wkoll li minbarra dan l-Abbozz ta’ Liġi li għandna quddiemna, aktar ‘il quddiem ikollna abbozz ta’ liġi li fih naraw ferm aktar proposti għall-futur, speċjalment għan-nies li llum qed jaħdmu part-time, għan-nies li kienu u għadhom jaħdmu part-time u għal dawk in-nisa li ħarġu jaħdmu biex jgħinu lill-irġiel tagħhom jgħajxu lill-familja.

Huwa tajjeb li t-tfal jaraw lill-ġenituri tagħhom jaħdmu, però qed niltaqgħu wkoll ma’ sitwazzjonijiet fejn it-tfal mhumiex jaraw lill-ġenituri tagħhom! Jien ċert li l-Ministru ltaqa’ ma’ każijiet fil-kostitwenza tiegħu fejn il-membri tal-familja jinġabru kollha d-dar fit-8.00pm jew fid-9.00pm għax wara li r-raġel jispiċċa mill-full-time job tiegħu, imur jaħdem part-time u jkollu l-mara tagħmel part-time job ukoll, jiġifieri dawn jispiċċaw ma jiltaqgħux matul il-ġurnata u jiltaqgħu biss tard filgħaxija bil-konsegwenza li t-tfal qegħdin ibatu min-nuqqas tal-preżenza tal-ġenituri tagħhom. Għalhekk, għalkemm huwa veru li t-tfal f’familja fejn il-ġenituri tagħhom ma jaħdmux jitilgħu b’anqas żelu għax-xogħol, min-naħa l-oħra llum qed tibda tinbet ċerta rabja wkoll għax hemm familji li ma jistgħux isibu xogħol li jagħtihom stabbilità u saħħa f’dak li jagħmlu, speċjalment meta, kif semma tajjeb il-Ministru, ikollok nies li jkunu qed jaħdmu f’linja partikolari u jitilfu x-xogħol tagħhom.

Pereżempju, Ministru, ippermettili ngħidlek li jien ninsab inkwetat fuq il-ħaddiema ta’ De La Rue.  Fil-fatt għamilt numru ta’ mistoqsijiet parlamentari f’dan ir-rigward u fir-risposta li ngħatajt qaluli biex inżomm il-prudenza.  Jien żammejt ħafna prudenza f’din il-kwestjoni, però f’De La Rue għandek ukoll realtà ta’ ħaddiema li ħadmu hemm għal perjodu twil ta’ żmien, li għandhom ukoll skills partikolari u fi żmien sena jew sentejn oħra se jsibu lilhom infushom barra t-triq b’diffikultà kbira biex jidħlu lura fid-dinja tax-xogħol.  Wieħed ma jistax jgħid lil dawn in-nies sempliċement li l-gvern Malti ikkrea ħafna xogħol u allura huma jistgħu jiksbu x-xogħol li jridu. 

Issa anke hawnhekk, jien m’iniex konvint mija fil-mija li kull min qed ibiddel ix-xogħol tiegħu qed jagħmel dan għax qed isib xogħol aħjar ta’ kwalità aqwa u bi dħul akbar.  Kull bniedem għandu d-dritt li jaħdem kif ukoll li jesprimi l-bżonn li x-xogħol tiegħu jkun aqwa.  Ovvjament hemm min jaħseb li meta n-nies jirrifjutaw ix-xogħol, dak ifisser sempliċement li huma nies għażżenin, imma dan mhuwiex neċessarjament il-każ.  Hemm nies li jħossu li huma għandhom iżommu d-dinjità personali tagħhom u li jekk huma kienu jagħmlu ċertu tip ta’ xogħol li għalih kienu jaqilgħu ċerti flus, allura x-xogħol alternattiv li jiġi offrut lilhom għandu jkun wieħed fejn min iħaddimhom ikun jista’ jżidilhom id-dħul tagħhom u fl-istess ħin jirrispettalhom id-dinjità tagħhom. 

Din hija parti mill-isfida li lkoll għandna f’dan il-pajjiż, però ovvjament bħalissa l-piż qiegħed fuqek, Ministru! Issa jien nifhem li s-sitwazzjoni preżenti ntirtet mill-ħames snin ta’ qabel meta kien hemm ċerti ċirkostanzi ekonomiċi, però llum iċ-ċirkostanzi ekonomiċi tal-pajjiż inbidlu b’mod li wieħed għandu jipprova jaġevola aktar lin-nies li qegħdin fil-faxex t’isfel.  Jien mort għand nies li mhumiex segwaċi tal-Partit li jien niġi elett taħt ismu, u dawn ukoll esprimew ir-rabja tagħhom għal ċerti konsulenzi li jingħataw lil ċerti nies. Dan huwa punt li jżid ir-rabja li hemm fil-parti t’isfel tas-soċjetà tagħna.

Sur President, lill-Ministru għamiltlu xi ftit battuti matul dan id-diskors, però aħna naqblu ma’ dan l-Abbozz ta’ Liġi. Peress li, kif taf is-Sedja, illum jaħbat it-38 anniversarju mill-mewt ta’ Aldo Moro, li għandu jkun dejjem ta’ ispirazzjoni għalina, xtaqt nikkonkludi dan l-intervent billi sempliċement niċċita xi ħaġa żgħira bit-Taljan, li kienet il-lingwa tiegħu.  Fil-fatt huwa kien qal hekk:

Il lavoro è l’operosa richiesta di vivere della persona umana, questa personalità del lavoro che serve l’uomo, che fa l’uomo libero è indissolubile dal suo concetto.  La persona nel lavoro rivendica il diritto e afferma il dovere di vivere.”.

Grazzi.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...