20.9.16

ABBOZZ TA’ LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR L-IMPIEGI U R-RELAZZJONIJIET INDUSTRIJALI – ABBOZZ NRU 143 Part2




ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI:  Sur President, nixtieq nirringrazzjak tal-fakultà li inti kellem dalgħodu.  Mhux soltu fil-Parlament nagħmlu diskorsi filgħodu salv meta niġu għal kwestjoni tal-baġit.

Però, xtaqt fil-qosor infakkar din il-Kamra dwar xiex qed nitkellmu.  Qed nitkellmu dwar suġġett ta’ importanza kbira, li hija marbuta mat-Tribunal Industriali.  It-Tribunal Industriali reċentament ġie ddikjarat li huwa anti-kostituzzjonali bil-mod ta’ kif inhima iffurmat.  L-ewwel li ġie dikjarat anti-kostituzzjonali b’sentenza tal-Prim’ Awla.  Imbagħad din is-sentenza tal-Prim’ Awla ġiet sussegwentament ikkonfermata fil-Qorti tal-Appell.

Illum qegħdin hawnhekk sabiex nippruvaw nagħmlu emendi li permezz tagħhom wieħed ikun jista’ jassigura li l-Liġi tagħna tiġi in line, tiġi fl-istess linji u fl-istess parametri li l-Qorti Kostituzzjonali stabilit għalina.  Għal min forsi ma jafx biżżejjed, it-Tribunal Industriali huwa l-post fejn il-ħaddiem imur, speċjalment meta jitkeċċa mill-post tax-xogħol, meta jkun hemm kwestjonijiet ta’ desputi industriali, fuq collective agreements, fuq interpretazzjonijiet tagħhom, wieħed imur f’dan it-Tribunal Industriali, biex il-kwestjonijiet jiġu maqtugħa minn xi ħadd li huwa indipendenti u imparzjali fl-affarijiet tiegħu. 

Dan it-Tribunal jirċievi kwantità kbira ta’ każijiet.  Preżentament jien infurmat mill-Ministru li hemm madwar 600 kawża pendenti quddiem dan it-Tribunal.  Huwa interessanti li hemm madwar 313-il kawża li ilhom pendenti mis-16 ta’ Diċembru 2003; u l-ixjeħ kas li hemm pendenti quddiem dan it-Tribunal huwa wieħed mibdi fl-4 ta’ Lujlu 2013, 13-il sena ilu!  It-Tribunal Industriali kien frott ta’ xogħol li sar fl-1976, meta s-sistema industriali tagħna ngħatat spinta ‘l quddiem, mertu tal-amministrazzjoni Laburista ta’ dak iż-żmien, li permezz tagħha biddlet ħafna, biex tagħti drittijiet ikbar u tagħti struttura differenti għall-mod ta’ kif wieħed jipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiema.  Kien hemm dejjem il-kwestjoni ta’ jekk kemm-il darba dawn il-każijiet għandhomx jiġu deċiżi mill-Qorti jew inkella għandhomx jiġu deċiżi minn tribunal differenti, tribunal amministrattiv. 

Il-Gvern ta’ dik il-ġurnata kien iddeċieda li jiħloq tribunal amminstrattiv differenti minn tas-soltu.  Fost l-argumenti kien ġieb li dan it-tribunal jieħu din il-forma, m’għandux imur il-qorti; biex kemm jista’ jkun il-kawżi quddiem it-Tribunal Industriali jinqatgħu malajr!  Però, dan il-format, fl-1976 reġa’ ġie mġedded fis-sena 2000, meta reġgħet saret riforma kbira oħra, din id-darba taħt amministrazzjoni Nazzjonalista, li fih, it-Tribunal Industriali, bi qbil mal-partijiet kollha involuti involuti, mas-social partners kollha: mal-unions u ma’ min iħaddem; tħalla kif inhuwa.  Però, illum il-ġurnata għandek diversi komplikazzjonijiet li jitolbu li dan it-Tribunal Industriali jiġi mibdul, u jiċċaqlaq ‘l quddiem.  Fil-fatt wieħed irid jgħid li d-dinja tax-xogħol illum għandha kumplikazzjonijiet ferm iktar kbar u ferm iktar speċjalizzazzjoni milli kellna fi żminijiet oħrajn.  Allura, wieħed irid jara x’expertese, x’formazzjoni, x’bini għandna nagħmlu got-Tribunal Industriali, biex permezz tiegħu wieħed ikun qiegħed iwieġeb għas-sejħa tad-diffikultà tas-sejħiet għall-inġustizzji u għall-isfruttament, li diversi ħaddiema fis-settur tax-xogħol jistgħu jsibu lilhom infushom fih. 

Forsi li hemm bżonn ukoll naħsbu fi proċeduri iktar aħjar; forsi l-proċess tal-medjazzjoni u rikonċiljazzjoni forsi nistgħu nestenduh iktar; forsi jista’ jkollna wkoll nieħdu l-frott li ċ-ċentru tal-medjazzjoni llum għandu, wieħed mill-affarijiet li saret fis-sena 2013.  Permezz tagħha wieħed ikun jista’ jipprova jsib soluzzjonijet aħjar għal din is-sistema.  Allura, llum qiegħdin nitkellmu fuq settur importanti; fuq settur li huwa ta’ vitalità għas-settur tax-xogħol f’Malta.  Ma jistax ikollok garanzija ta’ settur tax-xogħol li fih ma tagħtix protezzjoni lill-ħaddiem li jsib lilu nnifsu sfruttat jew f’ sitwazzjoni fejn id-drittijiet tiegħu qegħdin jiġu miksura jew fejn id-dinjità tiegħu qiegħda titkisser. 

Naħseb li dan ifisser li rridu nassiguraw li hawn ġew għandnd dmir, speċjalment illum wara s-setenza kostituzzjonali li ingħatat, li nassiguaw li nagħmlu proċedura li kemm jista’ jkun twieġeb għas-sejħiet, tifhem x’inhuma l-kwestjonijiet; u barra milli tifhem il-kwestjonijiet, kemm jista’ jkun taqta’ l-kwestjonijiet malajr!  Allura, f’dan wieħed irid jgħid: il-Qorti Kostituzzjonali mmarkat ċertu punti li hemm bżonn li aħna nindirizzaw, jew li aħna, min-naħa tal-Oppożizzjoni qed naraw li hemm jiġu indirizzati. 

F’dan aħna rajna erba’ punti importanti: l-ewwel, il-mod ta’ kif jinħatru l-membru ġewwa t-Tribunal, kif jinħatar iċ-chairman, u anke meta jkun hemm il-każijiet fejn iċ-chairman ikollu l-bżonn ta’ għajnuna teknika miegħu jew ta’ xi ħadd mill-unions jew xi ħadd mis-setturi varji tal-ekonomija.  It-tieni punt huwa dak marbut maż-żmien, mal-perijodu ta’ ħatra li bniedem ikun qiegħed jokkupaha.  It-tielet: il-garanzija minn pressjoni esterna.  Ir-raba’: il-perċezzjoni ta’ indipendenza tat-Tribunal Industriali.  Bażikament dawn kienu l-erba’ punti nevralġiċi li fuqhom il-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet u ddikjarat li tgħid li t-Tribunal Industriali, li ilu magħna mill-1976 – 1977 jaħdem f’Malta, m’għadux ikkonsidrat bħala li huwa konformi mas-sistema ġudizzjarja tagħna f’dak li huwa s-settur kostituzzjonali.  Allura, dan jitlob li jsiru l-emendi, però, l-emendi li jridu jsiru naħseb li lkoll għandna naqblu li għandhom ikunu opportunità fid-dibattitu parlamentari sabiex wieħed jagħmel mit-Tribunal Industriali korp li huwa kostituzzjonali u jaħrab id-diffikultà partikolari li għandna llum, fejn ġol-qrati tagħna, t-Tribunal Industriali mhux qiegħed jaħdem, mhux qiegħed jitlaqqa’, propju minħabba s-sentenza kostituzzjonali, u propju minħabba l-fatt fejn id-diversi kawżi li hemm pendenti, dawn is-600 kawża li hemm pendenti l-Qorti, qegħdin jistennew li aħna, ġol-Parlament naslu għal soluzzjoni tajba!  Bażikament, il-Gvern u l-Oppożizzjoni mhumiex qegħdin jaqblu fuq kif jiġi strutturat dan it-Tribunal Industriali; aħna qegħdin immorru għal sistema li fiha wieħed jappunta maġistrat.  Maġistrat diġà jista’ jisma’ każijiet quddiem it-Tribunal Industriali, u jkollu assistenza ta’ żewġ membri tekniċi: wieħed min-naħa tal-unions u wieħed mis-settur ta’ nies li jħaddmu. 

Din hija struttura xejn ġdida, hija struttura li għandna bħalissa l-qorti, li qiegħda taħdem f’setturi kompletament differenti!  Dan kien wieħed mill-passi li fl-għaxar leġiżlatura, li permezz tagħha, d-diversi tribunali amministrattivi li aħna wiritna u li kellna parti mis-sistema legali tagħna li ġejja minn dik li kienet d-duttrina Ingliża nqalbet kompletament biex permezz tagħha jkollna sistema iktar aħjar f’dak li għandu x’jaqsam l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikant fil-pubbliċità tax-xogħol li jsir fil-qorti kif ukoll li wieħed jibni każistika u jibni linja li ma jkollokx kawża li tiġi deċiża mod u kawża tiġi deċiża kompletament il-kontra fuq l-istgess suġġett partikolari. 

Dak l-esperiment diġà ħadem, qed jaħdem u allura l-Oppożizzjoni qed tgħid li meta tikkonsidra dak li qalet il-Qorti Kostituzzjonali għax illum ma nistgħux ninjoraw is-sentenza tal-Qorti Kostituszzjonali l-aħjar soluzzjoni hija din.  Il-Gvern, min-naħa tiegħu, qed jgħid ejja naraw kif nistgħu nżommu s-sistema kemm jista’ jkun kif inhi llum u kemm jista’ jkun nipprovaw nagħmlu tibdiliet fis-sistema li għandna llum però nħallu l-proċedura tal-lum li fiha ċ-chairman tat-tribunal jiġi magħżul mill-Gvern u ċ-chairman tatt-ribunal ikun waħdu u jippresiedi waħdu fil-każijiet. 

Irrid ngħid li tul iż-żmien minn meta bdejna niddibattu din il-liġi u llum rajt ċertu ċaqliq.  Nagħti rikonoxximent lill-Ministru Helena Dalli li tul dawn ix-xhur ħadet ħsieb li tara l-Abbozz ta’ Liġi li għadnna llum u tressaq diskussjoni bejn il-Gvern u l-Oppożizjzoni numru ta’ emendi li permezz tagħhom qed tipprova twieġeb għal dak li tkellimna dwaru fl-ewwel seduta parlamentari rigward din il-liġi però għdna m’aħniex qegħdin naqblu dwar din is-sistema imma se ngħid x’inhuma l-emendi li qed tipproponi l-Ministru.  Nittama li fl-istadju ta’ Kumitat in-nuqqas ta’ qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni nersqu iktar viċin u nittama wkoll li jirnexxilna nipperswadu lill-Gvern sabiex jiċċaqlaq u jagħmel sistema li permezz tagħha jkollna moħħna mistrieħ li fil-futur ma jkollniex sentenzi kostituzzjonali oħrajn li jerġgħu jkissru s-sistema. 

Ladarba l-qorti titkellem, il-qorti trid tiġi rispettata u mhux biss, jekk il-qorti ma tiġix rispettata wieħed ikun qed jiftaħ il-bieb sabiex għada pitgħada jkun hemm l-istess repetizzjoni ta’ dak li rajna f’dawn l-aħħar xhur fejn xi ħadd jerġa’ jippreżenta kawża kostituzzjonali biex jerġa’ jattakka dak li aħna nkunu għamilna hawnhekk u li hemm barra jinħass li mhuwiex adegwat u nerġgħu nwaqqfu l-proċedura kompletament. 

L-iktar punt importanti li l-emendi li qegħdin isiru forsi mhumiex qegħdin japprezzaw biżżejjed huwa li l-Qorti Kostituzzjonali qed titkellem fuq il-pressjoni esterna li tista’ ssir fuq it-tribunal industirjali.   Fil-fatt, is-sentenza li ngħatat fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kif ukoll is-sentenza fl-appell tgħid espressament hekk: 

“Mhux talli l-liġi f’dan il-kontest ma tiggarantixxix kontra outside pressures kif timponi kontinwament il-Qorti Ewropea talli hija l-istess liġi li timponi outside pressures”. 

Naħseb li t-turning point fid-diskussjoni bejnietna – u rrid ngħid li l-Ministru kienet disponibbli li l-Ġimgħa tal-ġimgħa li għaddiet kelli l-opportunità li nitkellmu fit-ttul fuq dawn l-emendi – li wieħed jiċċaqlaq ‘il quddiem sabiex jassigura li jkollna sistema ta’ xogħol li tkun aħjar milli hija llum.  Dak li qegħdin nagħmlu rridu narawh mhux mill-aspett soġġettiv, mhux mill-aspett ta’ naħa jew oħra tal-Kamra imma mill-aspett oġġettiv.  Naħseb li mill-aspett oġġettiv għad hemm difetti li diġà ġew identifikati mill-aspett kostituzzjonali imma hemm numru ta’ diffikultajiet li joħorġu mit-tħaddiem attwali tas-sistema, pereżempju, in-nuqqas ta’ konoxxenza tal-liġi minn ċerti chairmen li jiġu appunti jew inkella n-nuqqas ta’ konoxxenza tad-dinja partikolari tax-xogħol li fih ikun hemm din il-kwestjoni industrijali li fiha chairman jew ieħor ma jkunx qed jagħraf biżżejjed l-affarijiet.  Naħseb li s-sistema li għandna l-qorti tat-tribunal amministrattiv twieġeb għal żewġ affarijiet. 

Wieħed mill-argumenti li nġieb dejjem kontra li jkun hemm membru tal-ġudikatura, sfortunatament, kien il-kwestjoni tad-dewmien tal-kawżi imma meta wieħed jikkonsidra li għad għandna kawżi li ilhom 13-il sena pendneti qudiem it-tribunal industrijali naħseb li l-argument kollu li seta’ jinġieb qabel jew seta’ jitressaq qabel li permezz tiegħu wieħed jgħid li l-kwestjonijiet fit-tribunal industrijali jekk ikunu għand chairman ma jdumux mentri jekk imorru għand il-qorti jdumu jisfuma kompletament fix-xejn. 

Il-kwestjoni wkoll tal-ispejjeż jew tad-drittijiet.  L-ispejjeż u drittijiet fit-tribunal amministrattiv huma baxxi, jistgħu jsiru regoli sabiex wieħed jassigura li dawn jinżammu kemm jista’ jkun baxxi però, kif għedt qabel, dan il-perijodu mis-sentenza sal-lum żamm il-pożizzjoni wieqfa imma nbeda proċess li naħseb huwa neċessarju li fih inġibu lil kulħadd f’daqqa, is-soċjetà ċivili u aħna hawnhekk biex  nagħmlu prodott, biex nagħmlu liġi li finalment inwieġbu għas-sejħiet kbar li hemm hemm barra biex wieħed jagħti rimedju lid-diversi nies li għandhom problemi kbar marbuta mas-settur tax-xogħol.  Naħseb li aħna għandna dmir lejn il-ħaddiem Malti jew il-ħaddiem barrani li jaħdem hawn Malta li permezz tiegħu wieħed jassigura li jkollna affarijiet aħjar, li jkollna sistema aħjar. 

Semmejt li l-Ministru resqet numru ta’ emendi għal konsiderazzjoni tagħna li naħseb fihom ċaqliq, fihom żgur rikonoxximent li l-Abbozz ta’ Liġi mhuwiex adegwat biżżejjed u dan diġà twieġeb b’dak li konna qegħdin ngħidu fl-ewwel stgadju u rrid nagħti mertu lill-Ministru li qed tipprova tasal mal-Oppożizzjoni li fih qegħdin naraw ċerti tibdiliet.  Qed naraw li l-ħatra taċ-chairman mifnlok tkun ta’ erba’ snin tkun ta’ ħames snin, il-ħatra ssir mill-Prim Ministru kfi ukoll qegħdin naraw li l-ħatriet jew it-tneħħija ta’ dawn in-nies minflok isir mill-MEUSAC isir mill-bord dwar ir-relazzjonijiet tal-impjiegi u naħseb li din hija xi ħaġa pożittiva.  Daħlet makkinarju differenti fuq il-ħatra mill-ġdid taċ-chairpersons forsi hija ftit ingombranti però daħlet din is-sistema ġdida u daħlet ukoll sistema ta’ kif wieħed iħallas liċ-chairman partikolari. 

Hemm ċaqliq però hemm żewġ punti li naħseb wieħed ma jistax jaqbel magħhom.  Pereżempju l-liġi terġa’ tirrepeti l-kwestjoni tal-indipendenza u l-imparzjalità għax għall-argument tal-Qorti Kostituzzjonali li t-tribunal mhux biżżejjed indipendneti u imparzjali, ir-risposta tal-Gvern hija li tagħmel artiklu fil-liġi li jgħid jew jiddikjara li huwa indipendenti u imparzjali.  Dan mhuwiex biżżejjed għax il-qorti dejjem tħares lejn skrutinju oġġettiv tal-affarijiet u tiddikjara jekk kemm-il darba l-indipendenza jew l-imparzjalità ta’ xi ħadd hijiex attwali jew hijiex sempliċiment miktuba fuq il-karta. 

Hemm ukoll il-kwestjoni tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku jiġifieri ta’ kif tassigura li t-tribunal industrijali ma jidħolx f’kwestjonijiet tas-servizz pubbliku u forsi dak l-artiklu jista’ jiġi miktub aħjar però dan l-Abbozz jerġa’ jdaħħal il-kwestjoni tal-pariri legali.  Is-sentenza kostituzzjonali ħarġet barra li diversi chairmen kienu qegħdini jitolbu pariri legali esterni u dawn il-pariri legali esterni kienu qegħdin jsiru b’mod li ċ-chairman jitlob parir lil xi ħadd li huwa avukat u m’hemmx l-iskrutinju tan-nies partikolari fih. 

Hawnhekk qed tidħol emenda li permezz tagħha min se jkun chairman li ma jafx il-liġi jappunta lil xi ħadd u dak ix-xi ħadd jiġi jagħti xhieda tiegħu f’kawża quddiem it-tribunal industrijali fuq l-aspett legali tagħha.  Naħseb li din l-istruttura mhijeix struttura tajba, qed tersaq viċin ħafna li nressqu dak li aħna fil-qorti kemm jista’ jkun nipprovaw naħarbu jiġifieri li tqabbad dak li ngħidulu perit legali li jagħti opinjoni legali lill-qorti fuq il-kwestjoni partikolari u naħseb li jekk immorru lejn sistema ta’ tribunal amministrattiv fejn ikollna ħatra ta’ ġudikant inkunu nistgħu nneħħu l-kwestjoni tal-pariri legali għax min jagħti l-parir legali għandu opinjoni, imbagħad iż-żewġ naħat iżidu iktar fis-suspetti tagħhom li dak ta parir mod għax hekk u ta parir mod għax affarijiet oħrajn u naħseb li l-perċezzjoni li t-tribunal industrijali ma jkunx qiegħed jagħmel ġustizzja, ma jkunx qed diwieġeb għas-sistema ġudizzjarja tajba naħseb irridu naħarbuh. 

Dawn l-emendi huam żgur improvement fuq l-Abbozz li kellna però fl-opinjoni tagħna l-emendi li ġew preżentati ma jwieġbux biżżejjed għal bżonn tar-riforma kostituzzjonali u ta’ kif qed jitħaddem preżentement it-tribunal industirjali.  Għalhekk, biex naħarbu l-kritika u biex naħarbu l-possibilità li nibqgħu fis-sitwazzjoni partikolari tal-lum fejn għandek numrut a’ kawżi li huwa waqfien u pendenti allura rridu nindirizzaw is-sitwazzjoni ferm aħjar milli qegħdin nindirizzawha billi nobdu dak li l-Qorti Kostituzzjonali qed tgħidilna biex nagħmlu. 

Iltqajt ma’ diversi avukati u ltqajt ma’ diversi unions fuq din u hemm opinjoni ġenerali hemm barra li l-aħjar sistema meta tikkonsidra kollox, meta tikkonsidra l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tas-sistema li nitilqu mis-ssitema kif inhi llum jiġifeiri li ċ-chairpersons jiġu maħtura mill-Prim Ministru jew il-Ministru tax-xogħol u mmorru għas-sistema fejn ikun hemm maġistrat u l-maġistrat jiddeċiedi l-affarijiet.  Taħrab il-kwestjoni tal-perċezzjoni, taħrab il-kwestjoni ta’ jekk kemm-il darba bniedem huwiex ġej minn xi union partikolari, taħrab ukoll il-kwestjoni tas-suspetti fix-xejn fl-affarijiet, taħrab il-kwestjoni taċ-chairmen li ma jkunux jafu biżżejjed il-proċedura leglai involuta ta’ kif isir il-ġbir tal-prova, kif wieħed jagħmel id-domandi, ta’ x’tip ta’ domandi jista’ jagħmel, tal-kontroeżamijiet u jkollok in-nies li huma verament professjonisti fis-sitwazzjoni partikolari. 

Dan it-tribunal tal-lum li, sal-lum, rajna ġabra ta’ esperjenza li ġeneralment hija esperjenza li hija tajba però titlob li wieħed jimxi ʼl quddiem fuqha u magħha tista’ tgħaqqad l-esperjenza pożittiva li diġà kellna fil-qorti fejn ikollok maġistrat b’żewġ persuni, wieħed ġej mis-settur tax-xogħol u l-ieħor mis-settur ta’ dawk li jħaddmu n-nies, li permezz tagħhom il-kwestjonijiet li jiġu quddiem il-qorti wieħed ikun jista’ jiddeċidihom b’iktar ġustizzja, b’iktar imparzjalità, b’iktar indipendenza u l-iktar importanti li min deher quddiem it-tribunal joħroġ barra mill-qorti anke jekk tilef fil-qorti bl-għarfien li saret ġustizzja fil-kawża partikolari li kellu quddiemu. 
Naħseb illum għandna quddiemna dmir li nassiguraw sistema aħjar għal ħaddiem għax il-ħaddiem jixraqlu li jkollu dan l-istrument imparzjali.  Il-ħaddiem jixraqlu li jkollu sistema li permezz tagħha min qiegħed fuq il-post tax-xogħol jaf li jekk idd-rittijiet tiegħu qed jiġu miksura, jekk ġie mkeċċi mill-post tax-xogħol għandu rimedju effettiv u rimedju li fiċ-ċirkostanzi tal-ġustizzja umana u mhxu tal-ġustizzja divina kemm jista’ jkun malajr biex twieġeb għas-sitwazzjoni.  Din hija importanti għas-settur ekonomiku.  Jekk ikollna settur ekonomiku li jieħu pjaċir li jkollna tribunal industrijali li mhux qed jaħdem naħseb li ma jkollniex settur ekonomiku tajjeb, ma jkollniex settur kif għandu jkollna f’soċjetà demokratika, moderna bħal tagħna u naħseb l-ekonomija titlob din il-ħaġa u allura din ir-responsabilità li għandna rridu nieħdu ħsiebha għal diversi setturi partikolari fil-klassi tla-ħaddiem.  Għandek nies li huma f’union però għandek ħafna nies li mhumiex f’union. 

Niftakar li wieħed mid-dibattiti li kellna fl-1976/1977 kien li alavolja kienet qed issir il-liġi industrijali, il-kwantità ta’ nies li kienu unionised, issa dak iż-żmien il-unions kieu ferm iktar b’saħħithom milli huma llum, kien biss ta’ 44% tas-settur komplet tax-xogħol, jiġifieri 44% tan-nies li keinu jaħdmu dak iż-żmien kienu attivi f’union mentri llum il-ġurnata dan naqas u allrua għandek kwantità kbira ta’ nies li mhumiex qegħdin f’wieħed mill-unions il-kbar jew f’unions li huma rappreżentati fi-Kunsill Malti u allura għadnek dawn in-nies li jħossuhom waħedhom, għadnek in-nies li qegħdin fis-settur tal-prekarjat jw dak li nsejħulu prekarjat ta’ nies li qegħdin f’setturi fejn għadnek kuntratti mil-lum għal-lum jew kull xahar, kull xahrejn, kull tliet xhur jew kull sitt xhur jew kull sena u naħseb li dawn in-nies jimmeritaw li nagħtuhom protezzjoni effettiva. 

Għalhekk, wieħed irid jgħid li jekk kemm-il darba se nimxu ʼl quddiem fis-soċjetà u nwieġbu għar-realtajiet irridu nwieġbu għar-realtà tan-nies li ġew jaħdmu minn barra minn Malta.  Dawn huma setturi ta’ nies, dalgħodu kien hemm risposta għal mistoqsija parlamentari 19515 fejn ġiet esposta lista tax-xogħol li ġie maħluq f’pajjżina għal persuni li huma nazzjonali ta’ pajjiżna u dawk li m’għandhomx nazzjonalità Maltija.  Fiha wieħed jinnota li hemm żieda kbira fil-ħaddiema li mhumiex tan-nazzjonalità Maltija, jiġifieri dawk li ġejjin minn pajjiżi tal-EU però mhumiex Maltese nationals u dawk li ġejjin min-non EU countries.  Hawnhekk jirriżulta li minn Diċembru tal-2013 minn 15,500 ruħ li huma tan-nazzjonalità  barranija tlajna għal 23,500 persuna li hija żieda interessanti, imbagħad hija żieda iktar interessanti meta wieħed jara x’kienu l-figuri fl-2012 u x’kienu l-figuri fl-2011.  Hemmhekk għandek kwantità kbira ta’ ħaddiema li qed jidħlu jaħdmu f’setturi varji tas-soċjetà Maltija. 

L-Oppożizzjoni diġà tkellmet fuq din il-ħaġa u smajt lill-Ministru tax-Xogħol, l-Onor. Evarist Bartolo, jitkellem l-aħħar darba li ddiskutejna liġi marbuta mal-Employment Training Corporation jew dak li llum se jsir il-Jobs+ fejn hu rrifletta li wasal iż-żmien li wieħed jipprova jara sewwasew fid-dettall liema setturi jimmeritaw li jiġu persuni minn barra pajjiżna biex jaħdmu fih u liema huma l-oħrajn li wieħed jipprova ma jkollux.  M’hemmx dubju li fejn qed jidħol expertise ġdid, fejn wieħed għandu bżonn partikolari wieħed jifhem imma kemm jista’ jkun wieħed irid jipproteġi s-settur tas-suq Malti.  F’din il-ħaġa tista’ tinħolqo inġustizzja, sfruttament lejn il-ħaddiema li jiġu minn barra u lejn il-ħaddiem Malti. 

Dan il-punt ġie dibattut diversi drabi però hemm bżonn ikollna mekkaniżmu legali effettiv li permezz tiegħu nassiguraw li l-ħaddiem ikollu rimedju effettiv u malajr.  Aħna min-naħa tal-Oppożizzjoni rridu ngħidu li konna kosruttivi, pożittivi, ikkritikajna l-liġi, bqajna nikkritikaw il-liġi biex nagħmlu l-liġi aħjar milli hija llum.  Ma jkunx pjaċir tagħna li ngħaddu l-liġi li l-Qorti Kostituzzjonali fuq talba ta’ xi ħaddieħor terġa’ tiġi dikjarata li hija antikostituzzjonali.  Aħna qed naraw l-effetti negattivi tagħha li huma, l-ewwel, li l-proċeduri waqfu u, it-tieni, qed tqum il-kwestjoni dwar il-validità tas-sentenzi li jingħataw mit-tribunal industrijali.  Naħseb li l-pajjiż jimmerita li aħna nieħdu ħsieb li nagħmlu l-affarijiet sewwa. 

Il-liġi titkellem fuq policy ta’ ġustizzja soċjali, titkellem fuq li wieħed jassigura protezzjoni aqwa għal ħaddiem Malti u għat-tħaddim kollu fis-settur partikolari.  Rajt inizjattivi tajbin apposta biex tipprova tipproteġi l-kwantità kbira ta’ nies li ġew jaħdmu f’pajjiżna minn barra minn xtutna.  Naħseb li għandna dmir li nuru li f’dan il-pajjiż jirrenja is-saltna tad-dritt u m’hemmx differenza fil-liġi bejn dawk li huma Maltin u dawk li mhumiex Maltin kif ukoll tassigura li jkun ehmm veloċità fid-deċiżjonijiet. 

Naħseb it-tribunal industrijali, anke jekk ma rridux, irridu bilfors naċċettaw li ż-żmien tiegħu spiċċa fis-sens li l-mod ta’ kif ġie fformat fil-passat m’għadux iktar possibbli li nerġgħu nħalluh għaddej u allura dan ifisser li li bilfors irridu nimxu għal sistema kompletament differenti minn dak li kellna qabel.  Il-Qorti Kostituzzjonali kienet ċara daqs il-kristall. 

Nistieden liż-żewġ naħat tal-Kamra biex ikollhom l-opportunità li jerġgħu jaqraw is-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali fejn hija ċara daqs il-kristall fuq x’inhuma l-punti partikolari speċjalment il-kwestjoni tal-ħatra tan-nies, speċjalment il-kwestjoni tal-indipendenza u l-imparzjalità vera u mhux apparenti tagħhom.  Tista’ tiddikjara li xi ħaġa f’liġi hija imparzjali u indipendneti imma mbagħad fid-day to day work, fil-mod ta’ kif tiffunzjona jkun hemm il-ġudizzju tal-Qorti Kostituzzjonali oħra li tiddeċiedi li dan mhuwiex minnu. 

Għandna dmir lejn il-ħaddiem u għandna dmir ukoll mhux biss lejn il-klassi tal-ħaddiem li ħafna drabi ssib lilha nnifisha fil-parti ta’ taħt u ħafna drabi huma dawk il-ħaddiema li qegħdin fil-livelli l-iktar baxxi fl-iskala tax-xogħol, dawk li qegħdin kemm fil-prekarajt kif ukoll dawk li għandhom il-paga minima jew ftit iktar mill-paga minima u dawk l-ewwel li jiġu milquta minn kwestjonijiet ta’ inġustizzja imma mbagħad illum għandek sitwazzjonijiet ikatar komplikati, iktar interessanti mill-aspett legali, ta’ dawk in-nies li qegħdin f’livelli ogħla ta’ dħul speċjalment fis-settur finanzjarju, fis-settur tal-gaming li jsibu lilhom infushom f’kwestjonijiet industrijali li jiddeċiedu li ma jibqgħux sejrin bihom minħabba li jafu li fit-tribunal industrijali  m’hemmx l-expertise, m’hemmx in-nies li jafu is-settur u allrua jaqtgħu qalbhom mill-bidu li jirrikorru lejn it-tribunal industirjali, li hij aħaġa żbaljata, gaħx jgħidu li m’hemm ħadd li jifhem verament fis-settur partikolari tagħna.  Naħseb li hemmhekk għandna numru kbir ta’ ħaddiema fis-settur Malti li, l-ewwel, qed jiġu mċaħda mid-drittijiet tagħhom u, it-tieni, qegħdin jirrinunzjaw għad-drittijiet tagħhom għax aħna f’dan il-Parlament għadna ma ħloqniex struttura tajba biżżejjed għal bżonnijiet tas-soċjetà tal-lum.  Il-bżonnijiet tas-soċjetà tal-lum irridu nwieġbu għalihom. 

Veru li l-Ministru tkellmet li tixtieq tagħmel l-affarijiet f’sitwazzjoni iktar mifruxa, li jsiru emendi ferm iktar fuq affarijiet oħrajn però llum għandna din is-sitwazzjoni  li hija sitwazzjoni ta’ neċessità kbira, hija sitwazzjoni li titlob li jkollha rimedju kemm jista’ jkun malajr li għandha taqbeż kwalunkwe kwestjonijiet oħrajn li jista’ jkun hemm fis-settur tax-xogħol u timmerita li wieħed ladarba se jilleġiżla fuqha jilleġiżla tajjeb u b’mod li kemm jista’ jkun qed jagħlaq id-diffikultajiet kollha marbuta mal-kostituzzjonalità o meno ta’ din is-sitwazzjoni.  Naħseb li ż-żewġ naħat tal-Kamra, alavolja nara ċerti miżuri li mhumiex miżuri li huma favur il-ħaddiem imma huma kontra l-ħaddiem, hawn il-maġġornaza tan-nies li qalbhom tħabbat mal-ħaddiem u jixtgiequ jaraw li fil-qorti, fis-sistema legali tagħna, fis-sistema ġudizzjarja tagħna jkun hemm rimedju malajr. 

Nerġa’ nirrepeti, illum għandna l-vantaġġ pożittiv li konna ħadna d-deċiżjoni li nikkreaw tribunal amministrattiv, aħna li f’25 sena m’għamilna xejn konna għamilna dan it-tribunal amministrattiv li permezz tiegħu …  (Interruzzjonijiet)  Nista’ nagħmillek elenku twil ta’ affarijiet però l-propaganda politika …  Naħseb li llum għandna din is-sistema pożittiva li ħloqna u ħadmet fuq kwestjonijiet komplikati tal-income tax, ħadmet fuq kwestjonijiet komplikati tal-VAT, fuq kwestjonijiet marbutin mas-settur tat-trasport, imxiet il quddiem. 

Illum għandna kwantità kbira ta’ deċiżjonijiet li ġew meħuda mill-maġistrati bl-assistenza ta’ persuni tekniċi li jifhmu mill-aspett tekniku tas-suġġett li mexxew l-affarijiet kemm jista’ jkun malajr u kemm jista’ jkun tajjeb.  Inħoss li filwaqt li m’iniex se nwebbes rasi jew inkun riġidu fuq dak li qegħdin niddiskutu bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra, inħoss li għandi dmir quddiem il-poplu Malti li nassigura li hawn ġew kemm jista’ jkun issir liġi tajba u ssir liġi li verament twieġeb għall-affarijiet u aħna għandna nibqgħu viġilanti beix dan is-settur partikolari jkun hemm l-affarijiet isiru b’veloċità u b’effiċjenza u l-iktar importanti ġustizzja għal ħaddiem Malti. 

Aħna, f’dan l-istadju, fuq dan l-Abbozz għax l-Abbozz żgur li mhuwiex sodisfaċenti għaż-żewġ naħat tal-Kamra, se nivvotaw kontra tiegħu però nittamaw li fl-istadju ta’ kumitat isir pass ieħor ‘il quddiem mill-Ministru, jekk hemm bżonn anke min-naħa tagħna, sabiex naslu għal pożizzjoni li fih naqblu fuqu t-tnejn li aħna u li permezz tiegħu nagħtu verament tribunal industrijali li jħares ‘il quddiem mhux iħares lura għax bħalissa għandna ħafna nies li qishom qed iħarrsu b’nostalġija lejn dak li kein fil-passat biex iżommu dak li kien hemm fil-passat.  Il-passat issa bil-Qorti Kostituzzjonali għandna ninsewh kompletament u rridu bilfors nimxu ‘l quddiem u allura ladarba rridu nimxu bilfors ‘il quddiem ejjew nagħmluha tajba.  Aħna, min-naħa tal-Oppożizzjoni, kif konna f’diversi affarijiet ressaqna proposti pożittivi, hemm realtà u dik ir-realtà rridu naċċettawha u allrua l-Oppożizzjoni mhux qed twebbes rasha imma qed tgħid lill-Gvern biex joqgħod attent għax se jagħmel sistema li permezz tagħha se jkollu lil ħaddieħor li jerġa’ jattakkahielu kostituzzjonalment u dan ifisser li s-sistema terġa’ tieqaf, jerġa’ jieqaf kollox u d-drittijiet tal-ħaddiema li ilhom bit-tribunal wieqaf mis-sena l-oħra, sitt xhur jew seba’ xhur, allura s-sitwazzjoni tmur il-baħar. 

Nittama li b’rieda tajba fl-istadju tal-Kumitat nimxu pass ieħor ʼil quddiem sabiex din il-liġi tkun liġi li twieġeb għas-sejħa kostituzzjonali li l-Qorti kostituzzjonali qaltilna li għandha twieġeb.  Grazzi.  Sur President. 

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...