9.5.16

Baqgħet gravi



1.    Wara dawn ix-xhur twal, il-pożizzjoni baqgħet fejn kienet.  Verament fin-nofs hemm argumenti ġodda li ma kinux preżenti fil-bidu.  Iktar ma għaddew il-jiem fil-fatt, proprju għal min irid iħares minn barra, l-affarijiet ikkomplikaw ruħhom.  Forsi fil-ħamsa u għoxrin sena ta’ Gvern Nazzjonalista s-soċjetà tagħna żviluppat u mxiet il-quddiem.  Hemm iktar għarfien fil-bżonn, fil-vantaġġi u fit-tħaddim tad-demokrazija.  Il-vuċi popolari f’dan hija ferm iktar b’saħħitha milli kienet qabel.  Kemm dan qiegħed jingħata attenzjoni mill-Gvern hija oħra.

Il-vuċi popolari injorata?

2.    Dak li fil-bidu kien marbut ma’ aġir ta’ tlett persuni, illum f’għajnejn il-pajjiż huwa differenti.  Il-vuċi elettorali qegħda iktar minn qabel tħoss li min għandu t-tmexxija tal-pajjiż qiegħed jinjora x’taħseb jew ma taħsibx.  Kull domanda li saret lil dawk li riedu jwieġbu kienet f’direzzjoni ċara.  Ma kinitx gazzetta waħda.  Anqas ftit persuni iżda l-maġġoranza kostanti ta’ persuni b’opinjonijiet politiċi varji.  Tħallas prezz fil-popolarità, ma hemmx dubju.  Biss, it-telf mhuwiex ta’ darba imma minn dak li qed naraw huwa kostanti u rikorrenti. 

Il-kumplikazzjonijiet żdiedu

3.    Meta tikkunsidra dak li seħħ fi sfond għal dan, daqqa bħala aljenazzjoni u oħra bħala atti ta’ normalità iktar tista’ tidentifika atti ta’ kumplikazzjoni.  Waqt li għaddej dan kollu, b’soċjetà li tqum u torqod bumbardata bi kwistjoni waħda, kellna żewġ mossi.  L-ewwel kellna dik tal-ħatra tad-deputat kap tal-Partit Laburista.  Dan huwa suġġett interessanti aktar meta wieħed jiftakar x’ġara preċiż qabel l-elezzjoni ġenerali.  Proprju għax kien hemm min ħaseb li dik kienet karta ta’ suċċess daħal għal din il-bidla għal darb’oħra.

Il-maltempata barra tikber

4.    Rajna lill-avukat jitneħħa biex jitqiegħed ministru.  Issa ministru reġa’ tneħħa biex jinħatar ministru ieħor.  Proprju waqt li barra kienet għaddejja l-maltempata politika attwali daħlu sabiex jikkalmaw l-ilmijiet billi jinħatar deputat mexxej ġdid b’maġġoranza viċin il-memorja Sovjetika.  Issa l-istess karta li ma ħadmitx qed terġa’ titqiegħed lura fuq il-mejda.  Infetaħ bieb għal riħ qawwi proprju f’kamra fejn il-klima hija aġitata għall-aħħar.  Bix-xenarju ta’ iktar ministri u oħrajn li jissieltu għas-siġġu li jiggarantixxi futuri politiċi l-maltemp ma spiċċax, u l-bnazzi la ġie u wisq inqas qed jidher li ser jiġi.

Bidliet fil-kabinett

5.    It-tieni kellna l-bidliet fil-kabinett, f’passi maqsuma bejn dak li għandu valur u dak li ġie kkunsidrat bħala żbaljat mill-poplu.  Il-poter u d-dritt tal-Prim Ministru li jżid u jneħħi għal diversi fit-triq ma kinux konvinti li ġie eżerċitat tajjeb.  Anqas fil-kamp l-iktar intern tal-istess Partit Laburista ma kien hemm din il-persważjoni.  Smajt ħafna teoriji fuq strateġiji veri, apparenti u foloz li jindikaw li dik il-mossa ma biddlitx il-fehma.  Dak li pprova jaħrab minnha għalhekk tinsab lura f’ħoġru.  Flok solva reġa’ kkomplika.

Il-linja trid tkun differenti

6.    Il-pajjiż issa m’għadux jara x’ġara imma huwa interessat f’x’sejjer isir.  L-opinjoni pubblika llum hija ċara.  Il-Gvern qiegħed juri u jindika b’kull pass tiegħu li jrid jimxi fi triqtu w mhux f’dik li l-pajjiż huwa issa konvint li kellu jieħu.  U proprju għalhekk li l-kwistjoni ser tibqa’ ddur mas-saqajn.  Il-pajjiż iħaddan id-demokrazija u din hija l-istrument mhux ta’ min għandu rasu iebsa imma tiegħu.  Min jinjoraha jkun qiegħed jissogra.  Inaqqas fil-fiduċja f’min imexxih.  Jitlef mill-ħsieb li min ġie elett għad għandu l-affarijiet f’idejh.

Tlett xhur għaddew

7.    Diġà għaddew tlett xhur u ħafna xebgħu mhux biss jisimgħu, imma li ma jarawx soluzzjoni li jħossu li għandu jkun hemm għall-problema.  Hawn skuntentizza li qegħda tikber għax dak li għandu jsir mhuwiex iseħħ.  Il-vuċi popolari li tat il-maġġoranza qawwija lil dan il-Gvern qegħda ġustament tippretendi li min għandu tant numri favur tiegħu jiddeċiedi favur tagħha.  Iktar ma jgħaddu l-ġranet iktar ser tmur għall-agħar.  B’kull sforz li jista’ jsir, dak li huwa ċar f’għajnejn il-pajjiż li mhuwiex f’postu hekk jibqa’ u ma jinbidilx.  Il-Gvern jista’ jaffrontaha u jista’ jkompli jaħrab minnha.  Biss, fl-aħħar tal-ġurnata hemm jerġa’ jsib ruħu għax, kif jgħidu f’dawn is-sitwazzjonijiet: “Tardare si, scappare no.”






No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...