26.5.16

Fi tlett snin biddel il-Knisja




1.      Tul ix-xahar li għadda ċċelebrajna t-tielet anniversarju mill-ħatra tal-Papa preżenti Franġisku.  Għax kien proprju fit-13 ta’ Marzu 2013 li huwa ġie elett minn fost ħutu l-kardinali u fl-aħar tal-Ġimgħa, d-19 ta’ Marzu, jum San Ġużepp rajnih jiċċelebra għall-ewwel darba bħala kap tal-kattoliċi fid-dinja.  Siġġu xejn faċli.  Mhux biss minħabba dak li għaddej fid-dinja llum, imma wkoll għax kellu qablu kien hemm żewġ papiet partikolari.  L-ewwel Ġwanni Pawlu II, li llum qaddis.  It-tieni Benedittu XVI, mimli għerf u gwida.


Rajna bidliet ġodda



2.      F’dawn it-tliet snin rajna bidliet ġodda.  Passi li dawwru d-direzzjoni u fl-istess ħin żiedu fl-enfasi ta’ diversi punti li l-istess istituzzjoni hija marbuta magħhom.  Bniedem li, indipendentement mill-importanza li aħna l-kattoliċi nagħtuh, irnexxilu jkun protagonista u vuċi għad-diversi li m’humiex.  Dak li jgħid qiegħed jiġbed nies ġodda lura lejn il-Knisja Kattolika, l-għerf u l-gwida tagħha.


Għas-servizz tal-oħrajn.

3.      Ftit forsi jafu li ħajtu ma kinetx ward u żahar.  Twieled fl-Arġentina, f’familja ta’ immigranti taljani li ħarbu r-repressjoni faxxista, il-post fejn għex ma’ dawk li għandhom l-inqas, fejn anki fit-triq tiegħu fi ħdan is-Soċjetà ta’ Ġesù sab ukoll min ma fehmux u pprova jżommu lura.  Bniedem li baqa’ marbut u impenjat ma’ dawk li huma l-iktar ‘l isfel fis-soċjetà, ma’ dawk ikkundannati fil-ħabsijiet, ma’ dawk fl-isptarijiet, mal-anzjani fid-djar tagħhom u mal-ifqar tal-ifqar.  Persuna umana li verament iddedika ħajtu għas-servizz tal-oħrajn.


Hemm x’tikteb.

4.      Għax huwa, biex ngħidu l-inqas interessanti, kien dak li fl-2011 offra r-riżenja tiegħu minn Isqof ta’ Buenos Aires għax għalaq il-ħamsa u sebgħin sena u sab ruħu Papa sentejn wara.  Triq li ħafna rawha diġà mmarkata għalih għax l-ewwel ġie mbaskat sew; u t-tieni jingħad li fl-2005 kien hemm diġà l-għidut li wara l-mewt ta’ Papa Ġwanni Pawlu II l-kardinali kienu diġà qed juru preferenza għalih u li kien hu li talab biex ma jiġix magħżul.  Ma hemmx dubju li fuq ħajjet Papa Bergoglio hemm x’tikteb.  Biss għandna nimmarkaw x’ġieb lura għad-dibattitu dan il-bniedem bi kliemu u b’ħidmietu.


L-importanza tad-djalogu.

5.      Ġieb lura l-importanza tad-djalogu bħala strument, għodda essenzjali f’din u fi kwalunkwe soċjetà.  Il-kliem tiegħu fil-Kungress tal-Istati Uniti tal-Amerika, f’dak li huwa sejjaħ “l-Art tal-liberi u kuraġġjużi” kien ippernjat fuq dan.  Għax għalih: “Dialogue is born from an attitude of respect for the other person, from a conviction that the other has something good to say.  It assumes that there is room in the heart for the person’s point of view, opinion and proposal.  Dialogue entails a cordial reception, not a prior condemnation”.


L-valur tal-faqar.

6.      Ġieb lura fiċ-ċentru tal-attività umana l-valur tal-faqar fi ħdan il-Knisja u s-soċjetà.  Għarfien ta’ din ir-realtà u, fl-istess ħin, tal-bżonn ta’ iktar riformi biex din tiġi mibdula.  Bidliet fis-sistemi ekonomiċi ta’ dawk li jeskludu u jġibu magħhom iktar disugwaljanzi.  Bidliet kontra dak li huwa jgħid li hija t-tirannija ġdida: “A new tyranny is thus born, invisible and often virtual, which unilaterally and relentlessly imposes its own laws and rules.  To all this we can add widespread corruption and self serving tax evasion, which has taken worldwide dimensions.  The thirst for power and possessions knows no limits”.


“Laudato Sì”

7.      Immarka b’saħħa kbira l-importanza tal-ambjent fid-dinja bl-aħħar diskorsi u prinċipalment bl-enċiklika “Laudato Sì” – waħda li bidlet u ġiebet lura fiċ-ċentru ‘l-bniedem, id-dinjità tiegħu u l-post fejn jgħix illum u fejn ser ikun għada.  Fiha huwa jgħid: “Insejjaħ b’urġenza għat-tiġdid tad-djalogu dwar il-mod li bih qed nibnu l-ġejjieni tal-pjaneta.  Għandna bżonn ta’ konverżazzjoni li tgħaqqadna lkoll flimkien, għax l-isfida ambjentali li qed ngħixu, u l-għeruq umani tagħha, jolqtuna u jmissuna lkoll kemm aħna.  Il-moviment ekoloġiku dinji diġà terraq mixja twila u għanja, u ta l-ħajja lil għadd ta’ għaqdiet ta’ ċittadini li ħolqu kuxjenza.  B’xorti ħażina, ħafna sforzi biex jinstabu soluzzjonijiet konkreti għall-kriżi ambjentali spiss jisfaw iffrustrati mhux biss mir-rifjut ta’ min għandu s-setgħa f’idejh, imma anki min-nuqqas ta’ interess tal-oħrajn”.


Ziffa ta’ riħ frisk.

8.      Niċċelebraw għalhekk u nfakkru dan kollu fit-tielet anniversarju verament importanti fl-istorja, mhux biss tal-Knisja Kattolika, imma wkoll f’dik tad-dinja.  Mertu ta’ ħidmet dan il-bniedem illum ngħarfu li għandna vuċi b’saħħitha għas-sewwa, element vitali, żerriegħa, ħmira għal futur aħjar.  Huwa żiffa ta’ riħ frisk fl-ideat, fil-metodu u fid-direzzjoni.  Kuntrast verament qawwi ma’ dak li sfortunatament qed naraw madwarna.


















No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...