24.5.16

Hajja deċenti llum


1.      It-trapass taż-żmien ibiddel iċ-ċirkostanzi li fihom jgħixu l-bnedmin.  Problemi nsibu quddiemna, oħrajn jinbtu daqqa minn dawn stess u daqqa separatment.  Diversi mumenti niddependu fuq l-analiżi ta’ oħrajn li jindikaw ċar intopp minn ieħor.  Niddependu wkoll mhux biss għall-identifikazzjoni, imma għall-possibbli soluzzjonijiet.  Hemm f’dan min jaċċetta u min jirrifjuta l-problemi u s-soluzzjonijiet tagħhom.  Min imexxi poplu però għandu jagħraf li ser isib, fl-aħħar tal-ġurnata, kollox lura f’ħoġru.

Dħul minimu u essenzjali

2.      L-Oppożizzjoni, li tirrappreżenta hija wkoll lill-poplu, tul dawn l-aħħar snin tkellmet diversi drabi fuq il-fatt li numru sew fis-soċjetà jinsabu f’kundizzjoni ta’ għixien diffiċli.  Hemm fatti, numri, statistika li diffiċli taħrabhom u faċli biex tinterpretahom.  Il-fatt li għandek numru konsiderevoli ta’ persuni f’dawn il-gżejjer li għandhom xogħol part-time, uħud bħala dħul prinċipali tagħhom, oħrajn flimkien ma’ wieħed full-time.  Il-fatt li għandek numru ieħor ta’ pensjonanti li għandhom pensjoni baxxa, taħt il-ħames mitt ewro (€500) fix-xahar.  Huma fihom infushom riżultati li juru li hemm differenzi soċjali kbar fejn il-ġustizzja soċjali qegħda taqa’ lura.

Inqassmu aħjar il-ġid nazzjonali

3.      Hemm diversi ndikazzjonijiet li hawn persuni li qegħdin jgħixu fil-faqar jew fir-riskju tiegħu.  L-Oppożizzjoni dan qalitu, u qegħda tkompli tgħidu sabiex il-Gvern jieħu l-passi neċessarji sabiex min huwa minn taħt jitla’ ‘l fuq.  Min qiegħed ibati naraw kif nutilizzaw il-ġid komuni biex innaqqsulu minn dan u nġibuh lura fit-triq li jfendi għal rasu.  Dan huwa fl-interess ġenerali tas-soċjetà.  Mhux biss.  F’dan il-mument storiku huwa ferm iktar possibbli minn oħrajn proprju għax l-Istat għandu ekonomija soda li jista’ u li aħna ngħidu, għandu, iqassam iktar mill-ġid nazzjonali lil dawk li m’għandhomx.

Rapporti interessanti

4.      Proprju tul din il-ġimgħa li fakkarna l-mija u ħamsa u għoxrin anniversarju mill-Enċiklika ta’ Papa Ljun XIII Rerum Novarum, rajna rapport interessanti mill-Caritas.  Proprju f’dik l-Enċiklika nsibu b’mod ċar u dirett is-sejħa għall-paga li hija ġusta u li tassiġura għixien deċenti lill-ħaddiem.  Waħda li mhix marbuta mal-prezz tas-suq, iżda mad-dinjità ta’ kull persuna umana.  Terġa’ wkoll, dan ir-rapport qed joħroġ f’sitwazzjoni ekonomika u soċjali differenti minn ta’ ftit żmien ieħor.  Għax wieħed irid jirrimarka u jgħid li minkejja l-fatt li l-ekonomija, kif nisimgħu, sejra tajjeb hemm fuq nett u li hemm ħafna tipi ta’ mpjiegi li ġew maħluqa, xorta nsibu l-bżonn ta’ rapport li jimmira li jċaqlaq l-ilmijiet.

Figuri ġodda fir-rapport Caritas

5.      Ir-rapport huwa mmirat direttament sabiex janalizza kemm jista’ jkun xjentifikament familja li qegħda fil-parti ta’ isfel fil-klassi ekonomika, tal-inqas, x’għandha bħalissa u x’attwalment għandha bżonn.  X’għandha bżonn sabiex tgħix aħjar u f’dan ikollha ħajja deċenti.  Ir-rapport jaqbad diversi sitwazzjonijiet u janalizza jekk bid-dħul preżenti l-poplu huwiex ilaħħaq maż-żieda fl-għoli tal-ħajja, mal-kirjiet, mal-ikel u diversi punti li llum għandna lkoll naċċettaw li huma neċessarji sabiex bnedmin f’din il-gżira jgħixu deċentement.  Kemm però ser jingħata piż issa għad irridu naraw.

Il-prijoritajiet nazzjonali

6.      Waqt li jidher li l-prijoritajiet nazzjonali tal-Gvern preżenti qegħdin immirati lejn dawk li huma affluwenti, is-sitwazzjoni li toħroġ minn dan ir-rapport titlob oħrajn.  Għax irridu ngħidu li qegħdin naraw li huwa iktar importanti għat-tmexxija preżenti: l-ewwel, li tmur tiġri mal-irkejjen tad-dinja tbigħ iċ-ċittadinanza tagħna lil min irid jużana fost dawk li m’humiex nieqsa mill-flus; u t-tieni, li tibgħat il-messaġġ li hemm ferm iktar importanza mogħtija lill-korrettezza, lis-sewwa u r-rettitudni morali li n-nuqqasijiet tal-kwistjoni Panama kixfu.  Dawn m’humiex prijoritajiet għal min qiegħed taħt għax m’għandux.  Huma għal min qiegħed ‘il fuq.

Passi u soluzzjonijiet

7.      Ir-rapport Caritas jitkellem fuq żieda fil-paga minima nazzjonali.  Din tista’ tkun soluzzjoni.  Biss ikun aħjar jekk tkun parti minn pakkett sħiħ ta’ passi li jindirizzaw din il-problema.  Għax anki jekk l-Oppożizzjoni u l-Caritas ma jaqblux man-numru attwali mal-Gvern, xorta kull naħa taqbel u ma tiċħadx illi hemm persuni f’din il-kategorija.  Għalhekk hemm varjetà ta’ sitwazzjonijiet u ċirkostanzi.  Dik li tidher tajba għal naħa taf ma tkunx għal kull parti.  L-istat soċjali hemm irid jibqa’; m’għandux jiġi mċaqlaq.  Għandu jiġi ssudat, mibdul u riformat sabiex il-miżuri, skemi, li għandna jolqtu iktar direttament il-pożizzjonijiet varji tal-bnedmin tal-lum u mhux ta’ dawk tal-passat.

Laqgħat mal-Caritas

8.      Kif għedna diġà, iż-żminijiet jinbidlu u magħhom iċ-ċirkostanzi.  Dak li kien tajjeb u preċiż qabel illum, kif qed naraw, m’għadux.  Ir-rapport tal-Caritas huwa ċar u tond.  Vuċi b’saħħitha għal min irid jibdel u jgħin.  Laqgħat magħha mill-Kabinett u minn oħrajn huma tajbin, ma hemmx dubju.  Biss il-fatti, il-figuri jitkellmu waħdehom.  L-Oppożizzjoni ilha għal dawn l-aħħar tlett snin tiġbed l-attenzjoni dwar dan l-istat tal-affarijiet.  Hemm issa l-bżonn ta’ passi fid-direzzjoni t-tajba li jimmiraw lejn bidliet li jwieġbu verament għall-bżonnijiet tal-poplu.  Dawk li f’isimhom u lkoll kemm aħna nirrappreżentaw sabiex nassiguraw il-ġustizzja soċjali.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...