28.5.16

Ktieb mill-aqwa




1.      Nisimgħu u wkoll naqraw f’numru ta’ drabi dwar ħruġ ta’ kotba.  Suġġetti varji li jistgħu jinteressawna.  Fuq it-titolu u fu l-informazzjoni li tingħatalu mill-medja kif nafu, ħafna drabi jiddependi kemm tkun lest taqrah u tixtrih.  Nafu lkoll li kotba tajba mhux dejjem jingħataw dak li ħaqqhom.  Anzi, l-esperjenza turi li jkollhom bżonn min jaqbeż għalihom.

2.      Proprju f’dan sibtni.  Smajt bl-aħħar ktieb tal-Papa Franġisku bit-titlu “Il nome di Dio ѐ Misericordia” u dlonk ġibtu.  Qbadtu u ma tlaqtux minn idejja.  Għax mhuwiex mimli kliem tqil, anqas b’argumenti diffiċli biex tifhem imma miktub b’sempliċità diretta.  Is-sustanza toħroġ minn numru ta’ domandi f’intervista li l-ġurnalist Andrea Tornielli jagħmillu.

3.      Kemm imxiet il-Knisja?  Kif inbidlu l-mezzi ta’ komunikazzjoni li l-Papiet tallum qed jużaw?  Beda l-Papa Ġwanni Pawlu II meta kien fetaħ bil-kitba varja tiegħu.  Min jista’ jinsa “Dono e Mistero”?  Jew warajh l-intervista ta’ Peter Seewald lil Benedittu XVI f’”Light of the World”.

4.      Għax nammettu li huwa iktar diffiċli li jinqara ktieb mibni fuq domandi u risposti diretti, preċiżi u ċari.  Ftit huma l-mexxejja tad-dinja li jistgħu jidħlu għal dan bħal ma għamel il-Papa Franġisku.  Tħobb taqra jew le, quddiem dan l-istrument issibek li bilfors tixorbu, taqbdu u ma titilqux qabel ma tkun lestejtu.  Hekk ġara lili proprju tul dawn l-ewwel jiem tar-Randan

5.      L-argumenti miġjuba, is-suġġetti trattati huma mifruxa.  Biss huma marbuta mal-Ħniena Divina fil-maħfra tad-dnubiet.  Huwa attwali, reliġjuż u fl-istess ħin edukattiv f’din is-sena qaddisa tal-Misericordia.

6.      L-intervista tiftaħ b’dikjarazzjoni mill-iktar personali ta’ Franġisku.  Il-Papa jgħidilna li ma jafdax l-ewwel reazzjoni u jħobb jerġa’ jaħsibhom sewwa.  Jibda hekk: “Io sono portato a non fidarmi mai della prima reazione che ho di fronte a un’idea che mi viene o a una proposta che mi viene fatta”, u jkompli: “Non mi fido mai, anche perché solitamente la prima reazione ѐ sbagliata”.  Messaġġ, l-ewwel, għal dawk li jiddeċiedu ċum bumm, mingħajr ma jaħsbu ftit dwar is-sewwa ta’ dak li jkunu ser iwettqu u l-effett tiegħu, u t-tieni għal kemm ħsieb jingħata mill-Knisja u minnu qabel ma tittieħed deċiżjoni jew direzzjoni.

“Sì, mi rincresce che non mi rincresca”

7.         Biss, il-pern tal-kitba f’din is-Sena tal-Ħniena huwa li jikkonvinċi lill-bnedmin ta’ rieda tajba, kollha, dwar l-għaqal li jaħdmu għas-sewwa.  Li jassiguraw li ma jwettqux ħsara lill-proxxmu, għalihom u għall-futur tas-soċjetà li jgħixu fiha.  Mhux biss, imma spjegazzjoni li anke meta dan iseħħ, ladarba jkun hemm ir-rimors, id-dispjaċir anke iktar fil-fond id-dispjaċir li ma ddispjaċiekx, allura hemm il-bieb miftuħ għall-maħfra fil-qrar.  Hemm direzzjonijiet u ordnijiet varji hawn fuq ħidmet is-saċerdoti f’dawn iċ-ċirkostanzi.  Bl-ordni diretta li joħorġu mill-knejjes u jfittxu lill-bniedem fejn jgħix, ibati u fejn jittama biex jirbaħ il-ħniena u r-rikonċiljazzjoni.

8.      Hemm kliem ta’ ħlewwa, ta’ ħniena, imma s-seba’ parti hija iebsa.  It-titolu jgħid ħafna: “Peccatori si, Corrotti no” u jispjega għala.  Kundanna mill-iktar qawwija għax jgħid: “Il corrotto, e colui invece, che pecca e non si pente, colui che pecca e finge di essere cristiano, e con la sua doppia vita da scandalo.”  U jkompli: “La corruzione non ѐ un atto, ma una condizione, uno stato personale e sociale nel quale uno si abitua a vivere. La corruzione fa perdere il pudore che custodisce la verità, la bontà, la bellezza.”  Il-midneb irid jibdel ħajtu u l-għemil żbaljat tiegħu.  Il-korrott ma jridx, anzi anqas jinduna, fl-istat li jkun jinsab.  “Il corrotto spesso non si accorge del suo stato, proprio come colui che ha l’alito pesante e non si rende conto”.

9.      Veru li dan huwa ktieb mill-kliem, mill-ħsieb, mid-direzzjoni tal-Kap tal-Knisja Kattolika imma l-kontenut tiegħu jgħodd għall-bniedem ta’ rieda tajba.  Inħajjarkom taqrawh, speċjalment tul din is-sena speċjali.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...